L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Mgħallem, aħna nafu li inti raġel tħobb is-sewwa u li t-triq ta’ Alla tgħallimha kif tassew hi bla ma tħabbel rasek minn ħadd, għax int lejn wiċċ ħadd ma tħares” (Mt 22:16). Dan il-kliem jgħiduh id-dixxipli tal-Fariżej ma’ xi Erodjani lil Ġesù llum fl-Evanġelju. Jekk tieqaf hawn, tgħid: dawn għandhom verament idea tajba ta’ Ġesù, għax qed jgħidu fuqu tliet affarijiet tassew sbieħ – li jħobb is-sewwa, li jgħallem it-triq ta’ Alla u jgħallimha kif inhi, u ma jħares lejn wiċċ ħadd. Fl-aħħar jidher li anke l-Fariżej qed jitgħallmu xi ħaġa!

Riedu jġibuh dahru mal-ħajt

Imma fil-fatt ma kienx hekk. Dan kien kliem biex lil Ġesù jimlewh bit-tifħir imma, bħal min jiġi bi kliem ħelu imma mbagħad tkun ġejja xi waħda. L-iskop tagħhom kien li jonsbuh, anke jekk fil-fatt ’l Ġesù ma jimpressjonahx it-tifħir u jaqra lil hinn mid-diskors li jisma’.

Meta jagħmlulu l-mistoqsija u jixtiquh jgħid il-fehma tiegħu, m’għandhomx il-ħsieb li jagħtu kas ta’ dak li qed jgħid Ġesù imma li jaqbduh f’xi kelma, ipinġuh ikrah. U allura jippruvaw idaħħluh f’qasam politiku. Jistaqsuh: “Sewwa jew le li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesrì?” (Mt 22:17).

Għaliex din kienet mistoqsija antipatka? Għax jekk jgħidilhom ‘iva’ jfisser li hu qed iżomm mar-Rumani li kienu jaħkmuhom, u kien hemm ħafna jħarsu lejhom bl-ikrah għax huma l-ħakkiema, u la favur ir-Rumani, allura kontrihom. Jekk jgħidilhom ‘le’ jfisser li qed jgħidilhom imorru kontra l-liġi li ma jħallsux taxxa – ħaġa serja ħafna. Għalhekk lil Ġesù riedu jġibuh daru mal-ħajt.

Beżqilhom mis-sunnara

Xi jwieġeb Ġesù? Bil-Malti hemm espressjoni li tispjega dak li għamel Ġesù: beżqilhom mis-sunnara. Hu la jgħid ‘iva’ u lanqas jgħid ‘le’. Hu ma jweġibx propju għax jaf l-intenzjoni tagħhom u għalhekk jgħidilhom “uċuħ b’oħra” (Mt 22:18), ma jaqax fin-nasba. Imma jgħid ftit kliem li jiswa mitqlu deheb għax jispjega x’għandha tkun l-imġiba tan-Nisrani anke quddiem is-setgħa ċivili. Jitlobhom munita li fuqha hemm xbieha, dik ta’ Ċesari u jgħidilhom: “Agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari u lil Alla dak li hu ta’ Alla” (Mt 22:21).

Aħna lkoll għandna d-dmir li naħdmu għall-ġustizzja fis-soċjetà, għas-saltna tad-dritt li tirrispetta d-drittijiet ta’ kulħadd, ukoll id-dritt għall-ħajja ta’ min għadu ma twelidx.

X’qed jagħmel Ġesù? Qed jifred ta’ Ċesari u ta’ Alla? Mhuwiex qed jifred, le. Imma qed jagħmel distinzjoni importanti. Aħsbu ftit fuq ix-xbieha li kien hemm fuq il-munita li kienet ix-xbieha ta’ Ċesari, l-Imperatur. U fejn hi x-xbieha ta’ Alla? Ġesù qed jagħmel distinzjoni biex jgħid: l-Imperatur mhuwiex Alla imma x-xbieha ta’ Alla qiegħda fil-bniedem għax hu maħluq xbieha ta’ Alla. U għalhekk Ġesù qed jgħidilhom: il-munita agħtuha lil min għandu responsabbiltà ta’ tmexxija ċivili imma l-bniedem tagħtuhx lill-Imperatur u ebda bniedem m’għandu jbigħ lilu nnifsu lill-Imperatur jew lill-Istat jew lil xi ħadd, għax hu propjetà ta’ Alla u maħluq xbieha tiegħu.

Distinzjoni bejn xbieha u oħra

Tagħti lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari jfisser li taqdi d-dmirijiet ċivili sew, jiġifieri rispett ejn il-liġijiet ġusti tal-Istat, li tħallas it-taxxi dovuti, li terfa’ r-responsabbiltà fix-xogħol li għandek. Ifisser li tara li l-istituzzjonijiet li qegħdin hemm biex jipproteġu lin-nies, jaqdu dmirhom. Ifisser li ma tpoġġix fil-but dak li hu tal-Istat, jiġifieri li hu tal-poplu kollu, u ma tgħaddix fil-kontijiet tiegħek dak li hu tal-Istat, jiġifieri tal-poplu, u ma tużax l-Istat biex tiggwadajna int jew ħaddieħor b’mod inġust.

Għandna d-dmir li naħdmu kontra l-korruzzjoni, kontra s-serq ta’ flus in-nies, il-qerq biex isiru pjaċiri, dak kollu li jnawwar is-soċjetà u jġib fix-xejn il-valuri li jibnuha.

Tagħti li Alla dak li hu ta’ Alla jfisser li nagħrfu li aħna lkoll maħluqin xbieha ta’ Alla u għalhekk għandna ngħixu b’mod li din ix-xbieha tidher fina u nirrispettaw lil kull bniedem għax kull bniedem xbieha ta’ Alla. Mhijiex biss li nagħmlu xi dmirijiet imsejħa ‘spiritwali’ u daqshekk, imma li l-ħajja kollha tagħna ngħixuha fid-dawl ta’ dak li jrid Alla.

Il-fidi u l-impenn soċjali

Meta ngħixu l-fidi tagħna kif imiss, din ma ttellifniex milli nagħtu s-sehem tagħna fil-ħajja ċivili. Ma tagħmilniex passivi quddiem l-impenn għal soċjetà aktar ġusta, anzi l-kontra. Tgħinna biex nagħrfu r-responsabbiltajiet tagħna u tixprunana biex nagħtu sehemna għal ħajja li tixraq aktar lill-bniedem. Aħna lkoll għandna d-dmir li naħdmu għall-ġustizzja fis-soċjetà, għas-saltna tad-dritt li tirrispetta d-drittijiet ta’ kulħadd, ukoll id-dritt għall-ħajja ta’ min għadu ma twelidx.

Għandna d-dmir li naħdmu kontra l-korruzzjoni, kontra s-serq ta’ flus in-nies, il-qerq biex isiru pjaċiri, dak kollu li jnawwar is-soċjetà u jġib fix-xejn il-valuri li jibnuha. Il-fidi f’Alla hi fil-fatt qawwa biex nagħmlu l-ġid soċjali aħna.

Qlub imkebbsa u saqajn mexjin

Aħna u niċċelebraw illum il-Ġurnata Missjunarja, qed niċċelebraw tant ġid li għamlu, u kontinwament jagħmlu, nies ispirati mill-fidi biex iwasslu l-Aħbar it-Tajba, bi “qlub imkebbsa u saqajn mexjin”, kif inhu l-motto din is-sena, li jfisser: mexjin bi qlub imkebbsa lejn l-oħrajn, speċjalment lejn dawk l-aktar fil-bżonn. U aħna nafu kemn ġid isir u għalhekk nixtieq nirringrazzja llum lill-Missio u lil dawk kollha impenjati fil-ħidma missjunarja li qed jgħinu tant nies fid-dinja kollha permezz ta’ diversi proġetti biex ikunu jistgħu jgħixu tassew b’dinjità u hekk taslilhom l-Aħbar it-Tajba fil-ħajja tagħhom.

Nitolbu llum lil Alla biex aħna nagħrfu naqdu r-responsabbiltajiet tagħna ċivili b’mod onest, b’mod integru, biex il-fidi tagħna f’Alla tkun fidi qawwija li tgħinna biex nagħrfu li aħna lkoll xbieha tiegħu, propjetà tiegħu, u li tagħtina l-qawwa biex dejjem nagħmlu l-ġid u naħdmu għal dinja aħjar bi “qlub imkebbsa u saqajn mexjin’ fit-triq li jurina l-Mulej.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Aktar ritratti