Il-Papa Benedittu XVI laqa’ lill-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. u lill-Isqof Mario Grech għal udjenza privata fil-bidu taż-żjara ad Limina dwar id-djoċesijiet ta’ Malta u Għawdex. Din il-laqgħa saret nhar it-Tnejn li għadda fl-istudju tal-Papa, fil-Palazz Appostoliku, fil-Vatikan.

Fl-ewwel kummenti lill-media l-Arċisqof Pawlu Cremona qal li huwa tkellem mal-Papa dwar il-familja u t-trobbija tat-tfal, u l-bżonn li l-fidi tkun parti ntegrali mill-ħajja tal-familja biex din tgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra. Tema oħra diskussa kienet dik dwar is-Sena tal-Fidi, fejn l-Arċisqof qal lill-Papa li d-Djoċesi qed tħejji għal dan l-avveniment b’diversi iniżjattivi li għandhom iħeġġu lill-Maltin fil-fidi, l-istess, qal l-Arċisqof, kif serviet iż-żjara tal-Papa f’Malta f’April tal-2010. L-Arċisqof qal li t-tifkiriet tal-Papa dwar din iż-żjara nisslu sens ta’ ferħ u tbissima fuq wiċċ il-Papa.

F’udjenża oħra, il-Papa laqa’ lill-Isqof Mario Grech li fisser kif il-Papa kellu kliem ta’ apprezzament għal ħajja tal-Insara fid-Djoċesi. L-Isqof Grech qal li l-Papa tkellem b’mod pozittiv dwar il-familji Maltin li qal għadhom joffru l-ewwel formazzjoni Nisranija lill-uliedhom. Kliem ta’ apprezzament mill-Papa kien ukoll għal ħidma li jwettqu s-saċerdoti Maltin fid-Djoċesi tagħhom u barra minn Malta. Tema oħra diskussa kienet dik dwar Jum il-Ħadd fejn l-Isqof Grech qal li l-Papa semma kif dan mhux biss jum li fih l-Insara jiċċelebraw u jipparteċipaw fil-liturġija iżda wkoll jum li jgħaqqad il-familja. B’referenza għal dan l-Isqof Grech semma l-ħidma li qed issir mid-Djoċesi favur il-familja bit-twaqqif ta’ konsultorju tal-familja.

Kuntrarju għal dak li jsir issoltu f’laqgħat mal-Isqfijiet matul iż-żjara tal-ad Limina, matul dawn iż-żewġ udjenzi mal-Isqfijiet Maltin, il-Papa ddedika l-ħin tiegħu biex jisma’ u jiddiskuti fuq livell individwali r-realtajiet taż-żewġ Djoċesi. Il-Papa ltaqa’ wkoll mal-Arċisqof Emeritus Ġużeppi Mercieca u ppreżenta lilu u lill-Isqfijiet l-oħra salib pettorali bħala tifkira ta’ din iż-żjara.

Iż-żjara ad Limina, li hi mifruxa fuq ħamest ijiem, tasal fi tmiemha nhar il-Ġimgħa l-1 ta’ Ġunju. Iż-żjarat ad Limina jsiru regolarment biex l-isqfijiet jagħtu rendikont dwar id-djoċesi li huma responsabbli għaliha.

AGĦFAS HAWN biex tisma’ l-kumment tal-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. u tal-Isqof Mario Grech.

Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja tal-Arċisqof. Dawn ir-ritratti huma protetti bil-liġi tal-Copyright.