Nhar il‑Ħadd, 29 ta’ Diċembru 2024, l‑Arċisqof Charles Scicluna se jagħti bidu għall‑Ġublew tas‑Sena 2025 fl‑Arċidjoċesi ta’ Malta, bit‑tema ‘Pellegrini tat‑Tama’. Dan wara li f’lejlet il‑Milied filgħaxija, il‑Papa Franġisku se jiftaħ uffiċjalment is‑Sena tal‑Ġublew bil‑ftuħ tal‑Bieb Imqaddes fil‑Bażilika ta’ San Pietru, fil‑Vatikan, u wara jiċċelebra quddiesa fil‑Bażilika stess.
Iċ‑ċelebrazzjoni tal‑Knisja f’Malta tibda fil‑5:00pm, b’rit li se jiġi ċċelebrat fid‑dinja Kattolika kollha. Ir‑rit jibda b’mument ta’ talb immexxi mill‑Arċisqof Scicluna fil‑Grotta ta’ San Pawl fir‑Rabat. Wara, fil‑Bażilika Minuri ta’ San Pawl, l‑Arċisqof isellem lill‑ġemgħa, jinqara l‑Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 14:1‑7) u tinqara wkoll silta mill‑Bolla tal‑Indizzjoni tal‑Ġublew tat‑Tama bl‑isem ta’ “It‑Tama ma Tqarraqx” (Spes non confundit). Din il‑Bolla hija d‑dokument uffiċjali li permezz tiegħu l‑Papa Franġisku nieda l‑Ġublew tat‑Tama.
Iċ‑ċelebrazzjoni tkompli b’pellegrinaġġ wara s‑salib, bis‑sehem tas‑saċerdoti, ir‑reliġjużi u l‑lajċi, lejn il‑Katidral tal‑Imdina, fejn l‑Arċisqof jippreżenta l‑kurċifiss bħala t‑tama waħdanija ta’ dawk kollha li jemmnu fi Kristu. Fis‑6:00pm fil‑Katidral stess, se tiġi ċċelebrata quddiesa, li fil‑bidu tagħha ssir it‑tifkira tal‑magħmudija bit‑tberik u t‑tirxix tal‑ilma.
Fil‑jum tal‑ftuħ tal‑Ġublew f’Malta, il‑Knisja tfakkar il‑Festa tal‑Familja Mqaddsa ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi. Għalhekk, dakinhar, bl‑għajnuna tal‑Moviment ta’ Kana, se jiġi ċċelebrat il‑ġublew tal‑familji, miżżewġin, għarajjes u koppji, bis‑sehem attiv tal‑familji u l‑koppji waqt il‑pellegrinaġġ u l‑quddiesa.
Għal din ir‑raġuni, kemm matul il‑pellegrinaġġ u kif ukoll waqt il‑quddiesa, li qed jiġu organizzati flimkien mal‑Movement ta’ Kana, jieħdu sehem attiv familji u koppji.
Iċ‑ċelebrazzjoni tal‑ftuħ tal‑Ġublew se tixxandar fuq Knisja.mt, Newsbook Malta u l‑istazzjon tar‑radju RTK 103.
Dettalji dwar il‑Ġublew 2025
Il‑Papa Franġisku stieden lill‑Insara u lill‑bnedmin kollha sabiex ikunu pellegrini tat‑tama sabiex jenfasizza t‑tama meħtieġa għal dinja li qed iġġarrab il‑konsegwenzi tal‑gwerra, il‑kriżi tal‑klima, u l‑pandemija tal‑COVID‑19.
Aspett importanti tas‑sena tal‑ġublew huwa l‑pellegrinaġġ li tradizzjonalment hu mixja ta’ konverżjoni għal ħajja aħjar. Il‑Papa jqis il‑ġublew bħala opportunità għal tama ġdida, biex ilkoll napprezzaw iżjed u nġeddu t‑tama tagħna fi żminijiet aħjar f’ħajja li tibda minn din id‑dinja u tkompli fl‑eternità.
Il‑Ġublew tat‑Tama se jiġi fi tmiemu l‑Ħadd, 28 ta’ Diċembru 2025. Aktar dettalji dwar iċ‑ċelebrazzjonijiet tal‑Ġublew f’Malta żur gublew.mt.