-
-
Il‑Ġimgħa 30 ta’ Diċembru 2016, l‑Arċisqof Charles J. Scicluna, l‑Arċisqof Emeritu Mons. Pawlu Cremona u l-Vigarju Ġenerali Mons. Joe Galea Curmi laqgħu lill-pubbliku għall-bdil tal‑awguri tal‑istaġun, fil‑Kurja tal‑Arċisqof, il-Furjana.
Agħfas hawn biex tara r-ritratti kollha tal-attivita’.
Messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
-
Nirringrazzja lil kulħadd tal-preżenza sabiħa tagħkom dalgħodu, f’dan il-jum ta’ kesħa xitwija xxoqq il-għadam. Aħna kull sena niltaqgħu fil-festa tal-Familja Mqaddsa u hekk għamilna wkoll din is-sena għax peress li l-Milied u l-Ewwel tas-Sena jaħbtu l-Ħadd (din is-sena), il-festa tal-Familja Mqaddsa issir matul il-ġimgħa u l-Knisja tiċċelebraha bħal-lum. Hija ħaġa sabiħa li aħna l-Isqfijiet u anke Mons. Joe Galea Curmi, il-Vigarju Ġenerali, niltaqgħu magħkom, mal-komunità Nisranija, u nwasslu x-xewqat sbieħ lil xulxin.
Din is-sena, l-Evanġelju tal-festa tal-Familja Mqaddsa jirrakuntalna l-mument iebes tal-familja ta’ Nazaret meta Ġużeppi jkollu jitlaq minn Israel u jmur refuġjat l-Eġittu biex isalva lil Ġesù u lill-ommu. Ġesù għamel l-ewwel passi bħala refuġjat. L-ewwel snin tiegħu għexhom ta’ refuġjat. Dan il-ħsieb iġgħelna naħsbu kemm hu prezzjuż ix-xogħol li nagħmlu bħala soċjetà ċivili li jagħmel anke l-Gvern Malti favur id-dinjità ta’ dawn ħutna li għandhom bżonn għajnuna speċjali.
Jiena nixtieq ningħaqad anke mal-Eċċellenza Tagħha, il-President tar-Repubblika, fl-appell li għamlet biex aħna nkunu dejjem soċjetà akkoljenti, li tilqa’ lil kull min għandu bżonn, anke jekk din tfisser sfida fiċ-ċirkostanzi tagħna. F’sitwazzjoni fejn aħna, għall-grazzja t’Alla, ingawdu minn sitwazzjoni ekonomika tajba – u ta’ dan nirringrazzjaw lil min hu responsabbli, lill-Gvern Malti, ta’ dawn is-sitwazzjonijiet daqshekk tajbin ekonomikament – ftit għandna skużi biex ma nkunux ġenerużi ma’ ħaddieħor, anzi dan il-ġid huwa għalina okkażjoni biex inkunu iżjed ġenerużi. Għandna suq ta’ xogħol kbir, għandna wkoll potenzjal li nkunu ta’ għajnuna għal ħaddieħor, ejjew nirringrazzjaw lil Alla tal-ġid li għandna billi jkollna l-kuraġġ, il-ġenerożità naqsmuh bejnietna u ma’ ħaddieħor.
L-appell tiegħi huwa wkoll li s-soċjetà Maltija tkompli taħdem biex il-ġid jitqassam b’mod ġust ma’ kulħadd, biex min qiegħed iħossu magħfus ekonomikament ikollu l-għajnuna neċessarja f’sens ta’ ġustizzja soċjali biex meta jkun wasal tmiem ix-xahar, ma jkollux għalfejn iħabbel rasu li ma baqagħlux biex ikampa. Aħna nieħdu pjaċir bħala komunità Nisranija li nkunu ta’ kontribut biex is-soċjetà tkun iżjed ġusta u għalhekk il-kontribut tagħna jkun dejjem ta’ koperazzjoni mas-soċjetà ċivili u ma’ kull min hu ta’ rieda tajba.
Jiena nixtieq ukoll nirringrazzja lill-awtoritajiet ċivili tal-għajnuna li jagħtu fil-proġetti ta’ impenn soċjali li tħaddan il-Knisja f’pajjiżna: fl-edukazzjoni, fil-qasam tad-dinjità umana, lill-persuni b’diżabbilitita, dawk fid-Djar tal-Anzjani, ’il quddiem anke fl-inizjattiva ma’ Hospice Malta. Aħna rridu nkunu tassew grati ta’ Stat u Gvern li għandhom kuxjenza soċjali għax inħossu li din hija xi ħaġa qrib ħafna l-ispirtu tal-Evanġelju ta’ Ġesù.
Nerġa nappella biex meta nkellmu lil xulxin aħna l-Maltin u l-Għawdxin ikollna kliem ta’ rispett anke meta ma naqblux. Ejjew naħdmu biex fis-social media, imma anke fid-djalogu bejnietna, jkollna dejjem kliem ta’ mħabba għal xulxin għaliex anke l-aħwa mhux bilfors jaqblu f’kollox imma dan ma jfissirx li ma jħobbux lil xulxin. Mela jalla l-Mulej inaddafna, anke fis-sena l-ġdida, minn kull kliem iebes ta’ mibegħda jew kefrija għal xulxin jew għall-proxxmu tagħna.
Nieħu l-opportunita wkoll biex nawgura lill-Gvern Malti huwa u jieħu r-responsabbilta minn hawn u ftit jiem oħra tal-presidenza tal-Unjoni Ewropea u nawgura lill-Gvern Malti li dawn is-sitt xhur ikunu mhux biss ta’ kontribut għall-valuri Ewropej imma wkoll li l-patrimonju sabiħ tat-tradizzjonijiet tal-gżejjer Maltin jagħtu bixra umana lill-istituzzjonijiet, lill-inizjattivi u anke lill-messaġġi li l-Unjoni Ewropea tgħaddi liċ-ċittadini tagħha u lid-dinja. Mhumiex xhur faċli għax hemm ħafna sfidi imma aħna mhux biss insegwu lill-mexxejja ċivili tagħna bit-talb tagħna, imma anke bis-sapport tagħna u nawgurawlhom kull ġid f’dan ir-rwol ta’ leadership daqshekk prestiġġjuż u importanti.
Lill-komunità Nisranija jiena nawguralha li din is-sena tkun sena fejn dak li mmeditajna fil-Ġublew tal-Ħniena, inkompluh billi nfitxxu li nkunu strumenti ta’ ħniena għal xulxin anke f’din is-sena. Nawguraw ukoll li ma nħossux biss li l-ħniena hija li inti titħassar lil xi ħadd, imma li taħdem biex kulħadd jiġi ttrattat b’dinjità, b’rispett u b’sens kbir ta’ ġustizzja. Nawguraw wkoll li fis-soċjetà tagħna, aħna u nevolvu fil-liġijiet tagħna, ikollna sens ukoll tad-dinjita ta’ kull wieħed u waħda minna, sens ukoll ta’ ekwilibriju biex l-interessi, l-aspettattivi u d-drittijiet ta’ kulħadd ikunu mħarsa b’mod l-iżjed konkret.
Nawguralkom mill-qalb, b’mod speċjali qed nara hawnhekk diversi ċittadini żgħażagħ, sena ta’ studju, sena ta’ ħidma, sena ta’ ferħ, u nixtieq li nitolbu għall-morda tagħna ħalli anke huma jkollhom il-wens u l-faraġ tal-ħarsa ħanina tagħna, tal-imħabba tagħna, il-wens tal-komunità Nisranija, il-wens tas-sagramenti tal-preżenza ta’ Ġesù. Nawguralkom is-Sena t-Tajba!
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja