Fil‑Jum Dinji għall‑Oċeani, illum 8 ta’ Ġunju 2020, il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi (KĠP), bdiet ħidma biex tqajjem kuxjenza dwar l‑ibħra u xtajtiet Maltin, ħidma ispirata mill‑pjan ta’ azzjoni fuq livell Ewropew li nediet Justice and Peace Europe dwar il‑ġid komuni tal‑ibħra tagħna.

Il‑KĠP li kkontribwiet fit‑tfassil ta’ dan id‑dokument ta’ pjan ta’ azzjoni, eżaminat il‑proposti li fih, filwaqt li analizzat dawk l‑oqsma relevanti għal Malta. Fil‑ġimgħat li ġejjin ser tkun qed taħdem sabiex titqajjem iktar kuxjenza filwaqt li tassigura li dawn il‑proposti qed jitwettqu. L‑aspetti li l‑Kummissjoni ser tkun qed tiffoka fuqhom huma: il‑kundizzjonijiet tax‑xogħol tal‑ħaddiema fuq il‑baħar, l‑effett tat‑tniġġis fuq l‑ibħra u x‑xtajtiet ta’ Malta, kif ukoll il‑migrazzjoni.  L‑għan aħħari hu biex titqajjem iktar kuxjenza ħalli individwi u komunitajiet jaħdmu flimkien biex itejbu l‑ambjent komuni permezz ta’ azzjonijiet sostenibbli, waqt li jassiguraw ġejjieni aħjar għal ġenerazzjonijiet ta’ issa u dawk futuri.

Id‑dokument ta’ pjan ta’ azzjoni

It‑temi fid‑dokument jittrattaw id‑degradazzjoni ambjentali u umanitarja, bħala konsegwenza ta’ snin ta’ abbuż minn dan is‑sors umanitarju tant importanti.

Id‑dokument jipproponi soluzzjonijiet diversi li jistgħu jiġu applikati fuq livelli differenti: minn livell Ewropew sa dak nazzjonali, u jħeġġeġ biex jiġi kkunsidrat pjan ta’ azzjoni bbażat fuq sistema ta’ ekonomija ċirkolari. Il‑gvernijiet għandhom ikomplu jsostnu l‑impenn tagħhom sabiex jiġu implimentati l‑miżuri neċessarji biex jiġi eradikat l‑użu tal‑plastik, filwaqt li jkomplu jinvestu f’riċerka ħalli jkun hemm tisħiħ fl‑istat tal‑ibħra tagħna. Min‑naħa tal‑Knisja, dawk li għandhom pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà fi ħdan il‑Knisja, huma msejħa jkunu ta’ eżempju fl‑aġir ta’ kuljum tagħhom, kif ukoll billi jqajmu iktar kuxjenza u jaspiraw għall‑bidla. Komunitajiet u individwi huma mħeġġa wkoll biex jikkommettu lilhom infushom lejn bidla sostenibbli, ħalli b’hekk ikun hemm tiġdid tal‑ħolqien mħolli f’idejna minn Alla.

Il-pandemija tal-covid-19 fakkritna li kwistjonijiet lokali għandhom implikazzjonijiet globali qawwija. Kulħadd jista’ jkun parti minn din il‑bidla. Permezz ta’ tibdiliet żgħar fl‑istil ta’ ħajja ta’ kuljum ta’ kull wieħed u waħda minnha, meta miġbura flimkien, jistgħu jwasslu għat‑tisħiħ u t‑titjib tal‑ambjent fuq livell nazzjonali u dinji.

Permezz ta’ din l‑inizjattiva, il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tixtieq tistieden lil kulħadd, speċjalment hekk kif fiż‑żmien li ġej nibdew immorru iktar il‑baħar biex naħsbu li wara s‑sbuħija tal‑baħar hemm numru ta’ kwistjonijiet ta’ ġustizzja soċjali li aħna msejħa nindirizzaw permezz tal‑ħajja tagħna ta’ kuljum.

Id-dokument sħiħ ta’ Justice and Peace Europe jinsab fuq gp.knisja.mt.