-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
21 ta’ Settembru 2019Il‑55 anniversarju tal‑Indipendenza ta’ Malta li wasslet għall‑konsegwenza tal‑kisba tas‑sovranità għall‑Gżejjer Maltin tagħtini l‑opportunità li noffri ftit riflessjonijiet dwar il‑governanza bħala l‑arti tal‑amministrazzjoni tal‑Istat fuq livell kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali.
Din l‑arti tal‑amministrazzjoni tgħin lill‑mexxej, f’dan il‑każ il‑mexxej politiku, biex jgħix is‑sejħa għolja tiegħu li jkun amministratur bir‑riedni tad‑dar f’idejh, f’dan il‑każ qed nirreferi għall‑Istat, fi spirtu ta’ servizz lejn is‑soċjetà u l‑promozzjoni tal‑ġid komuni.
Il‑ġid veru ta’ kull min jgħix fid‑dar hu fdat f’idejn il‑mexxej li għandu jagħraf li d‑dar mhix tiegħu u ma jistax jabbuża minnha kif jidhirlu hu.
Bil‑Grieg tat‑Testment il‑Ġdid il‑kelma ‘amministratur’ hija ‘oikonomos’. Din il‑kelma għandha għeruqha fit‑terminu aktar magħruf ‘oikonomia’ (minn fejn titnissel il‑kelma ‘ekonomija’). ‘Oikos’ hi l‑kelma bil‑Grieg li tfisser dar. ‘Nomos’ hi l‑kelma Griega li tfisser liġi jew ordni. Dan l‑għerq jissuġġerixxi li l‑mexxej (l‑oikonomos) hu l‑qaddej li jiggarantixxi u jġib ’il quddiem l‑ordni, l‑istabbiltà u l‑paċi, għad‑dar u għal kull min jgħammar fiha.
Il‑ġid veru ta’ kull min jgħix fid‑dar hu fdat f’idejn il‑mexxej li għandu jagħraf li d‑dar mhix tiegħu u ma jistax jabbuża minnha kif jidhirlu hu. Huwa qaddej, u s‑sejħa tiegħu hi li jaqdi mhux li jkun moqdi. Hu msejjaħ biex jiddedika ħajtu għall‑ġid tal‑oħrajn u jaħrab kull tentazzjoni li jabbuża mill‑awtorità li għandu għall‑gwadann personali, għall‑profitt jew għall‑vantaġġ tiegħu. Biex jaqdi din is‑sejħa bl‑aħjar mod li jista’, jeħtieġ ikollu sens san ta’ distakk, ħelsien intern u psikoloġiku, u l‑umiltà li jiffaċċja l‑kuntrarju u l‑fallimenti meta l‑affarijiet ma jmorrux skont il‑pjan jew, fejn ikun hemm bżonn, jittieħdu deċiżjonijiet skont il‑kuxjenza li jkunu ibsin u għalihom ikun irid jitħallas prezz politiku għoli. Dan kollu jeħtieġ doża tajba ta’ sens ta’ umoriżmu li San Tumas More kien kuljum jitlob għalih b’din it‑talba:
Mulej, agħtini diġestjoni tajba u anki xi ħaġa x’niddiġerixxi.
Agħtini ġisem b’saħħtu, u l‑aptit it‑tajjeb biex immantnih.
Agħtini, Mulej, ruħ sempliċi li tagħraf tgħożż dak kollu li hu tajjeb u ma tibżax malajr quddiem id‑dehra tal‑ħażen, imma pjuttost issib dejjem mod kif terġa’ tpoġġi kollox lura f’postu.
Agħtini ruħ li ma tafx tiddejjaq, tgorr, titniehed, tgerger, u tħallix li noqgħod ninkwieta żżejjed għal dik il‑ħaġa wisq ingombranti li tissejjaħ “Jien”.
Agħtini, Mulej, sens ta’ umoriżmu tajjeb.
Agħtini l‑grazzja li nilqa’ ċajta biex fil‑ħajja niskopri ftit tal‑ferħ,
u nagħraf naqsmu wkoll mal‑oħrajn. Hekk ikun.Il‑Papa Franġisku jikkwota din it‑talba f’ħafna mill‑kitbiet tiegħu (ara Gaudete et Exsultate par. 126). Darba kont għedtlu kemm kienet laqtitni din it‑talba u weġibni li hu jgħidha kuljum.
Ir‑responsabbiltà jew il‑kontabbiltà titlob li t‑tmexxija tkun soġġetta għall‑iskrutinju u ċ‑ċensura tal‑pubbliku.
L‑Evanġelju li għażilt għaċ‑ċelebrazzjoni ta’ din is‑sena jitfa’ dawl fuq aspett importanti ieħor tas‑sejħa tal‑amministratur: ir‑responsabbiltà għal għemilu jew il‑kontabbiltà. Il‑Mulej jiġi u jitlob kont mill‑amministratur tat‑tmexxija jew tal‑ministeru tiegħu. Hu jindirizza l‑parabbola lil Pietru u lill‑Appostli l‑oħra u jtemm bl‑aforiżma: “Għax lil min tawh ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna mingħandu; u min ħallewlu ħafna f’idejh, iżjed jippretendu mingħandu” (Lk 12:48).
Ir‑responsabbiltà jew il‑kontabbiltà titlob li t‑tmexxija tkun soġġetta għall‑iskrutinju u ċ‑ċensura tal‑pubbliku. Din ir‑responsabbiltà politika hija l‑antidotu għal dak is‑sens ta’ impunità li jirredikola t‑tmexxija intiża bħala servizz u d‑demokrazija mifhuma bħala espressjoni tal‑ħakma tad‑dritt (rule of law). F’demokrazija ta’ vera, l‑amministratur/mexxej jaf tajjeb li jrid jagħti kont lill‑poplu li jservi kemm mill‑aspett politiku kif ukoll mill‑aspett legali. Huwa jħaddan il‑politika bħala servizz lejn il‑ġid komuni u jirrispetta l‑fatt li hu mhuwiex ’il fuq mil‑liġi.
Fil‑parabbola tal‑Mulej, l‑amministratur ħażin jisker u jittratta ħażin lin‑nies tad‑dar. Dan ifisser li hu mmexxi mill‑passjonijiet u l‑ħtiġijiet egoistiċi tiegħu, u fl‑istess ħin jabbuża mill‑awtorità. L‑amministratur jaqleb l‑awtorità li għandu ta’ taħt fuq. Għalih ma tfissirx qadi imma opportunità biex ikun moqdi hu.
Jum l‑Indipendenza ta’ kull sena jitlob minna, bħala nazzjon sovran, kont ta’ kif qed inwettqu s‑sejħa tar‑reponsabbiltà tagħna fuq livell internazzjonali.
Jum l‑Indipendenza ta’ kull sena jisfida lilna ċ‑ċittadini Maltin sabiex niżviluppaw sens ta’ stat awtentiku (dak li t‑Taljani jsejħulu ‘senso dello stato’). Jum l‑Indipendenza jisfida lil kull wieħed u waħda minna biex ninżgħu minn dak is‑sens ataviku li nirċievu kollox mill‑id ħanina tad‑despota (ħaġa tant tipika tal‑wirt kolonjali tal‑imgħoddi) u nimxu aktar lejn l‑attitudni skomda ħafna li nipparteċipaw fid‑destin tas‑soċjetà tagħna bħala ko‑amministraturi. Din hi attitudni skomda għax, biex nissellfu ftit mill‑għerf tal‑President tal‑Istati Uniti John F. Kennedy, li nkunu ċittadini veri u leali ta’ pajjiż indipendenti jfisser li nistaqsu lilna nfusna l‑ewwel u qabel kollox x’nistgħu nagħmlu aħna għal pajjiżna aktar milli x’jista’ jagħmel il‑pajjiż għalina. Jeħtieġ nimmaturaw, ħalli minn dipendenza passiva, kważi ta’ parassita, fuq l‑istat meqjus bħala ‘l‑Big Brother’ tal‑famuż George Orwell, nimxu lejn sitwazzjoni fejn l‑istrumenti tal‑Istat nagħmluhom verament ta’ kull wieħed u waħda minnha bħala mezz ta’ ħarsien ta’ kull membru tas‑soċjetà, speċjalment ta’ min hu l‑aktar dgħajjef u vulnerabbli.
Jum l‑Indipendenza ta’ kull sena jitlob minna, bħala nazzjon sovran, kont ta’ kif qed inwettqu s‑sejħa tar‑reponsabbiltà tagħna fuq livell internazzjonali. Il‑globalizzazzjoni tal‑isfidi kemm fil‑livell ekonomiku kif ukoll dak ambjentali, tesiġi l‑globalizzazzjoni tar‑reponsabbiltà li hi l‑oppost tal‑mentalità meskina tar‑retorika populista fejn l‑interessi tal‑istati individwali jitqiesu aktar importanti mill‑ħtiġijiet bażiċi tal‑familja umana.
Fl‑1967, pajjiżna, frisk mill‑indipendenza miksuba, kien strumentali biex fl‑akbar interess tal‑pjaneta u tal‑ġenerazzjonijiet futuri, jippromwovi l‑Konvenzjoni dwar il‑Liġi tal‑Baħar. Din il‑globalizzazzjoni tal‑ħarsien għandha tinkoraġġina biex inkunu attivi fl‑ambjenti internazzjonali sabiex nippromwovu sens ta’ fraternità fost il‑ġnus. Bir‑raġun nippretendu li pajjiżi Ewropej oħra jaqsmu magħna r‑responsabbiltà għall‑influss tal‑immigranti li ġejjin mix‑xtajtiet tan‑naħa t’isfel tal‑Mediterran, responsabbiltà ħafna ikbar mir‑riżorsi limitati tagħna. Min‑naħa l‑oħra, għandna d‑dover fil‑konfront tan‑nazzjonijiet, mhux l‑inqas fil‑konfront tal‑membri tal‑Unjoni Ewropea u tal‑familja tan‑Nazzjonijiet tal‑Commonwealth, li l‑istrumenti tal‑istat u l‑istatus sovran tagħna jibqgħu jippromwovu l‑ħakma tad‑dritt, ir‑rispett sħiħ tad‑drittijiet umani u l‑ħarsien tal‑komunità dinjija.
Aħna u niċċelebraw il‑55 anniversarju tal‑Indipendenza nitolbu li Malta, bħala nazzjon, u aħna bħala Maltin ċittadini ta’ Stat Sovran, inħaddnu dan is‑sens veru tal‑amministrazzjoni u tal‑ħarsien bħala mod ta’ tmexxija u bħala stil ta’ ħajja.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Prov: 21, 1-8
Salm: 33 (32) 1-2, 5-6, 10-12, 20, 22
Evanġelju: Lq: 12, 42-48 -
-