Il-Gvern u t-tmexxija tad-Dar tal-Providenza ffirmaw ftehim biex tliet persuni b’diżabbiltà jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu ħajja indipendenti f’dar Akkwarell fil-Qawra.

Il-ftehim, li għandu valur ta’ €350,000, ġie ffirmat bejn il-Ministeru għall-Inklużjoni permezz ta’ Aġenzija Sapport u l-amministrazzjoni tad-Dar tal-Providenza u se jara lil dawn il-persuni jgħixu ħajja aktar indipendenti f’din ir-residenza li hi tad-Dar tal-Provdenza.

Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza Dun Martin Micallef qal li l-ftehim hu sinifikanti għax juri l-impenn tal-Gvern biex id-Dar toffri servizzi residenzjali fil-qalba tal-komunità u li sar fl-għeluq tal-għaxar snin mill-ftuħ ta’ din ir-residenza li fiha jgħixu żewġ persuni b’diżabilità fiżika.

F’kumment ma’ Newsbook.com.mt, Dun Martin qal li dan il-ftehim juri l-appoġġ tal-Gvern biex ikun hemm aktar dar residenzjali f’Malta għall-persuni b’diżabilità. Żied li hemm erba’ djar residenzjali fil-komunità apparti r-residenza fil-Qawra u li l-pjan hu li tinfetaħ dar oħra fil-Balluta għall-persuni b’diżabbiltà.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenżija Sapport Oliver Scicluna rringrazzja lil Dun Martin u t-tim tiegħu ta’ xogħolhom favur it-tisħiħ tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità. “Din il-kollaborazzjoni tkompli turi l-impenn tal-aġenzija li taħdem id f’id mal-għaqdiet volontarji u entitajiet oħra li joffru servizzi diversi sabiex isir l-aħjar użu tar-riżorsi għall-benefiċċju ta’ persuni b’diżabbiltà,” qal il-Kap Eżekuttiv li ilu jokkupa din il-kariga minn Mejju.

Sors: Newsbook.com.mt