L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Fit‑18 ta’ Jannar li għadda, mara ta’ 30 sena, Pelin Kaya, kienet maqtula proprju fil‑ġurnata li ċċelebrat għeluq sninha. Kienet miexja u spiċċat vittma b’karozza misjuqa għal ġo fiha. Il‑qtil tagħha bir‑raġun ġab reazzjoni qawwija fost ħafna nies. Kif jista’ jkun tkun miexja għall‑kwiet u f’daqqa waħda ssib min itemmlek ħajtek?

Aħna u niċċelebraw illum, ftit ġranet wara, Jum il‑Ħajja, ma nistgħux ma nfissrux in‑niket kbir tagħna għal dan il‑qtil u nuru s‑solidarjetà sħiħa mal‑familja tal‑vittma. Ġrajja terribbli bħal din għandha ssaħħaħ fina lkoll ir‑rieda li nipproteġu l‑ħajja ta’ kull wieħed u waħda, għax il‑ħajja ma għandhiex prezz. Il‑ħajja umana għandha l‑ikbar valur.

Irridu nsostnu għażliet konsistenti favur il‑ħajja f’kull waqt tagħha. Għalhekk naħdmu biex nipproteġu l‑ħajja minn kull theddida: nagħmlu dan billi nieħdu l‑miżuri kollha neċessarji biex nipproteġu l‑ħaddiema fuq il‑post tax‑xogħol; inħarsu l‑ħolqien mill‑isfreġju għax ambjent meqrud għandu effett dirett fuq il‑ħajja; niddefendu l‑vittmi ta’ vjolenza domestika u ngħinuhom joħorġu mis‑sitwazzjoni ta’ abbuż; insalvaw lil dawk li qegħdin f’riskju li jegħrqu u jisparixxu fil‑Mediterran – u rrid infakkar li ftit ġranet ilu mietu għadd ta’ persuni, fosthom tarbija u omm li ma sabux għajnuna; noħolqu kuxjenza li d‑droga hi l‑qerda tal‑ħajja u toħloq kontinwament vittmi, u vittmi tal‑vittmi; nieqfu ma’ dawk li minħabba l‑mard jew età kbira jispiċċaw f’qagħda ta’ dgħufija u vulnerabilità. Dawn il‑ħidmiet huma kollha espressjonijiet tal‑impenn favur il‑ħajja.

Imma dan l‑impenn irid ikun konsistenti, ma jaqta’ xejn, u biex ikollna għażliet konsistenti favur il‑ħajja, irridu nibdew mill‑bidu nett, mhux minn ftit wara. Mill‑bidu nett, meta diġà hemm ħajja umana, jiġifieri mat‑tnissil ta’ din il‑ħajja umana.

Il‑mument deċiżiv

Qegħdin fi żmien tassew importanti fl‑istorja ta’ pajjiżna, f’mument deċiżiv, fejn irridu nagħmlu għażla: jew nipproteġu l‑ħajja umana mill‑bidu, meta diġà hemm ħajja umana, jew le.

Nafu li s’issa dak li qed jiġi propost ifisser effettivament li jkun aċċettat li ttemm il‑ħajja umana fil‑ġuf f’ċirkustanzi partikulari. Irridu nkunu ċari ħafna x’qed ngħidu. Fejn hi kwistjoni ta’ periklu għall‑ħajja tal‑omm, din qatt ma kienet problema f’dawn l‑aħħar snin u mhijiex problema llum. Niddefendu l‑ħajja tal‑omm u tat‑tarbija, u nfittxu li nsalvaw il‑ħajja tat‑tnejn li huma; imma jekk f’xi waqt ikun hemm theddida għall‑ħajja tal‑omm, nagħmlu dak li hu meħtieġ biex insalvaw il‑ħajja tagħha. Il‑problema kbira hi meta wieħed iżid il‑kelma “saħħa”, kif qed jiġi propost. Din tibdel ix‑xenarju kollu, u ġie spjegat b’mod ċar ħafna għaliex. L‑esperjenza f’diversi postijiet tad‑dinja turina li l‑kelma “saħħa” hi preċiżament il‑kelma li tintuża biex tiġġustifika t‑tmiem ta’ tant ħajjiet. Irridu nitgħallmu minn dak li ġara, mhux nagħlqu għajnejna biex qisna ma nafux x’ġara.

Is‑saħħa rridu nħarsuha u nipproteġuha, u nagħmlu hekk b’mod sħiħ; imma ma nużawx raġunijiet ta’ saħħa biex intemmu ħajja umana vulnerabbli fil‑ġuf.

‘La toqtolx’ qiegħed hemm għal kulħadd

Kultant ikun hemm min jirraġuna li jekk inti favur il‑ħajja umana mit‑tnissil, u tfittex tipproteġi l‑ħajja mat‑tnissil, int qed timxi ma’ dak li tgħid il‑Knisja. Jgħidulek: dik hi l‑pożizzjoni tal‑Knisja! Verament, hu ta’ preġju u unur għall‑Knisja li bla biża’ tipproteġi l‑ħajja dejjem. Imma din mhijiex xi ħaġa ristretta għall‑Knisja jew għal min jemmen fi Kristu. Din hi għal min jagħraf dak li tgħid ix‑xjenza u jemmen fil‑bniedem.

Ikun hemm min jgħid: jekk inti temmen hekk, imxi hekk; imma lili ħallili l‑libertà li nimxi mod ieħor! Xi jfisser dan ir‑raġunament? Ħa ngħiduh b’termini oħra biex nifhmu xi jfisser: jekk inti Nisrani u temmen li ma għandekx toqtol, għax hemm kmandament “la toqtolx”, toqtolx; imma lili ħallili d‑dritt li noqtol, għax jien m’inix tal‑Knisja u għandi valuri differenti minn tiegħek.

Dan x’raġunament hu? Mela li ma toqtolx hu obbligu għall‑Kattoliċi biss u mhux għal kull bniedem? Minn meta li tipproteġi d‑dritt għall‑ħajja hi ħaġa tal‑Kattoliċi biss u mhux ta’ kull bniedem?

Xhieda mill‑isbaħ

Irrid illum nirringrazzja lil dawk il‑persuni fil‑ħajja pubblika, u huma diversi, li mhumiex jibżgħu jiddefendu l‑ħajja b’mod ċar u bla biża’. Ma qegħdux l‑ewwel il‑pożizzjoni tagħhom, imma qiegħdu l‑ewwel il‑ħajja tal‑bniedem. Nixtieq nagħmlilhom ħafna kuraġġ biex jagħżlu dejjem dak li hu sewwa, anke meta hemm konsegwenza għall‑għażliet tagħhom.

Għandkom tkunu kburin li qed tipproteġu l‑ħajja tal‑bniedem. Ma hemmx ġieħ akbar minn dan! X’inhi l‑karriera, il‑pożizzjoni, ħdejn il‑ħajja tal‑bniedem? Din tagħkom hija xhieda qawwija u tant meħtieġa fis‑soċjetà tal‑lum. Bix‑xhieda tagħkom, tkunu melħ tal‑art u dawl tad‑dinja, kif smajna fl‑Evanġelju llum.

Is‑saħħa tas‑soċjetà

Hemm statut politiku li jgħid hekk: “Is‑saħħa tas‑soċjetà titqies mill‑progress ta’ dawk l‑aktar dgħajfa fost il‑membri tagħha”. Verament! Hemmhekk nuru kemm is‑soċjetà tkun b’saħħitha. U min huma l‑aktar dgħajfa? Huma dawk fil‑ġuf bla vuċi, vulnerabbli, dawk dipendenti fuq l‑oħrajn biex jistgħu jgħixu, dawk li għal żmien mhumiex vijabbli imma jsiru vijabbli proprju bis‑sostenn li jingħataw. Dik hi soċjetà progressiva – li tassigura l‑progress ta’ dawk l‑aktar dgħajfa.

Nixtieq nuri apprezzament lejn dawk l‑organizzazzjonijiet f’pajjiżna li qed jaħdmu b’qawwa għal dan. Qed jaħdmu għall‑protezzjoni tat‑tarbija fil‑ġuf, u fl‑istess waqt qed jagħtu għajnuna sħiħa lil dawk in‑nisa li jsibu ruħhom f’diffikultà fit‑tqala, jew iħabbtu wiċċhom ma’ tqala mhux mixtieqa, jew waħedhom iridu jaffaċċjaw sfidi kbar. Hija din l‑azzjoni favur dawn in‑nisa li aħna rridu nkomplu nsaħħu. Ma nħallu ebda persuna tbati waħedha, imma rridu li ssib spalla fl‑aktar mumenti ibsin.

Nitolbu llum, f’Jum il‑Ħajja, biex inkomplu naħdmu bis‑sħiħ għall‑ħarsien tal‑ħajja f’kull waqt tagħha, mill‑ewwel mument tat‑tnissil tagħha sat‑tmiem naturali tagħha. Nitolbu biex dawk li għandhom responsabbiltà li jilleġiżlaw jagħrfu jerfgħu din ir‑responsabbiltà tagħhom u jipproteġu l‑ħajja umana dejjem ħalli nkomplu ngħożżu l‑ħajja bl‑imħabba.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju