Fl-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede saret il-preżentazzjoni tas-26 Konferenza Internazzjonali organizzata mill-Kunsill Pontifiċju għall-Kura Pastorali fil-qasam tas-saħħa. Il-Konferenza se jkollha t-tema “Health Pastoral Care, Serving Life in the Light of the Magisterium of Blessed John Paul II” – u se tkun qed issir bejn il-Ħamis u s-Sibt.

Waqt il-preżentazzjoni, l-Arċisqof Zygmunt Zimowski, President tal-Kunsill Pontifiċju rispettiv, qal li l-Konferenza għandha l-għan li tassigura li “t-tagħlim tal-Beatu Ġwanni Pawlu II fuq il-vanġelu tal-ħajja, u t-traduzzjoni ta’ dak it-tagħlim għall-attivita pastorali tal-Knisja, isejħu lil dawk kollha involuti u ta’ rieda tajba sabiex iħobbu l-ħajja u jgħixuha b’servizz, speċjalment lejn min hu dgħajjef u qed ibati”.

It-tema ntagħżlet u hi ispirata mill-venerazzjoni profonda li l-ħaddiema fis-settur għandhom lejn Ġwanni Pawlu II. L-Arċisqof Zimowski issottolinea t-tħassib tal-Papa Woytila lejn il-morda, tħassib espress bil-fomm u anki fl-aġir tiegħu. Irid jingħad ukoll li kien propju hu li waqqaf dan il-Kunsill Pontifiċju, bħalma beda l-Jum Dinji tal-Morda u l-Fondazzjoni tas-Sammaritan it-Tajjeb.

Il-konferenza tinkludi lectures, xhieda u esperjenzi ta’ natura teoloġiko-pastorali ispirati mit-tagħlim ta’ Ġwanni Pawlu II dwar il-valur nisrani tat-tbatija u l-Valur tal-Ħajja. Dawn ikunu eżaminati minn perspettiva inter-dixxiplinari.