Nhar it-Tlieta, 18 ta’ Mejju, 2010, se jiġi ċċelebrat il-ħamsin anniversarju tal-Istitut Kattoliku. Għal din l-okkażjoni l-Arċisqof Emeritus Guzeppi Mercieca se jiċċelebra Quddiesa fl-Istitut Kattoliku għall-ħaddiema kollha u membri tal-Għaqdiet residenti f’dan il-post.

Kien fl-1960 li l-Istitut Kattoliku beda l-ħidma tiegħu fis-soċjeta maltija.  Din l-istituzzjoni twaqqfet mill-Knisja biex tgħin fit-tixrid tal-edukazzjoni u kultura b’xeħta nisranija, u wkoll biex toffri lill-pubbliku mezz ta’ rikreazzjoni.

Iċ-ċelebrazzjonijiet l-oħra li ġew imħejjija biex ifakkru dan l-anniversarju jilħqu il-qofol tagħhom fit-28 ta’ Mejju b’Kunċert Kommemorattiv li se jsir fit-Teatru tal-Istitut Kattoliku fis-7.30 p.m. Ix-xogħol magħżul għal dan il-kunċert se jkun l-oratorio ta’ Carlo Diacono “San Paolo Evangelizza I Maltesi” għal  solisti, kor, orgni u orkestra, li fih jieħdu sehem Miriam Cauchi (soprano), Claire Massa (mezzo soprano), Joseph Aquilina (tenur), Alfred Camilleri (baritonu), Anthony Montebello (baxx), il-kor Mirabitur u l-Orkestra Filarmonica Nazzjonali (leader Marcelline Agius), taħt it-tmexxija ta’ Dun Gwann Galea.

Il-booking huwa miftuħ fl-Istitut Kattoliku (2122 1786 jew 2123 8429) u on-line fuq www.istitutkattoliku.com