54 parroċċa f’Malta qed joffru għajnuna lill‑istudenti li ser ikunu qed jagħmlu l‑eżamijiet online fil‑ġranet li ġejjin, billi joffru spazji fejn l‑istudenti jkunu jistgħu jagħmlu l‑eżami. Numru ta’ kappillani qed joffru wkoll lill‑istudenti s‑servizz ta’ Wi‑Fi li għandhom fil‑bini tal‑parroċċa. L-ispazji offruti jinkludu uffiċċji, ċentri parrokkjali u klassijiet tad‑duttrina.

Din l‑inizjattiva mill‑kappillani għandha tgħin lill‑istudenti li minħabba diversi ċirkustanzi fid‑dar jew fil‑familja ma jkunx possibbli għalihom li joqogħdu għall‑eżami f’post għall‑kwiet. Dan peress li l‑istituzzjonijiet edukattivi f’pajjiżna jinsabu magħluqin minħabba l‑imxija tal‑coronavirus.

Dawk l‑istudenti li jixtiequ jagħmlu użu minn dan is‑servizz għandhom jikkuntattjaw il‑kappillan tal‑parroċċa tagħhom jew jibagħtu email fuq [email protected].

Il‑kulleġġ tal‑kappillani tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta jawgura lill‑istudenti kull suċċess u joffri wkoll talb għalihom għal dawn l‑eżamijiet.