Fi ftuħ it-tmien Konferenza Internazzjonali tal-AIDS, is-Segretarju tal-iStat tal-Vatikan, il-Kardinal Tarcisio Bertone, appella għal aċċess bla ħlas għal trattament tal-AIDS. Il-Konferenza fl-Istitut San Gallicano f’Ruma indirizzat it-tema “Long live mothers and children”.
Il-Kardinal Bertone għamel appell imqanqal għal koperazzjoni internazzjonali biex pazjenti tal-AIDS jingħataw l-għajnuna. “Fil-preżenza ta’ tant Ministri u persuni f’awtorita fil-qasam tal-kura tas-saħħa, nixtieq nappella lill-komunita internazzjonali, lill-pajjiżi, lid-donaturi, biex ilkoll u mill-iktar fis possibbli nipprovdu lill-pazjenti tal-AIDS trattament effettiv u bla ħlas. Fis-Santa Sede, f’isem il-Papa, jien nippreżenta l-vuċi ta’ min qed ibati, il-ħafna pazjenti li m’għandhomx vuċi. Ħa ma nitilfux żmienu ninvestu fir-riżorsi meħtieġa bla ebda dewmien”, qal Bertone.
Waqt li rrefera għal programmi tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u tal-Komunita Kattolika San Egidio, il-Kardinal Bertone kompla jgħid li l-istudji jikkonfermaw li “l-aċċess universali għat-trattament hu possibbli, xjentifikament pruvat u ekonomikament vijabbli. Mhijiex utopja, hi xi ħaġa fattibbli!”
Hu temm isejjaħlu dmir il-fatt li wieħed jirsisti biex jilħaq lin-nisa tqal u li għandhom il-virus li jwassal għall-marda tal-AIDS, bil-għan li jingħataw it-terapiji meħtieġa biex it-tfal ma jkunux infettati.