L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Dan hu forsi l-iżjed tagħlim ta’ Ġesù li nħossuh diffiċli anke għax imur ’l hemm mil-liġi li għalina tagħmel sens: tħobb lil min iħobbok – lil għajrek, u tobgħod lil min jobogħdok. Mhux hekk nagħmlu aħna? L-istint tagħna hekk jgħidilna u nħossu li din xi ħaġa ġusta għax inti almenu tħobb lil min iħobbok mhux tobgħod lil min iħobbok, u lil min jobogħdok tpattilu bl-istess mibegħda.

Imma nifhmu wkoll li jekk nibqgħu sejrin hekk, id-dinja mhux se tmur ’il quddiem u lanqas aħna mhu se jkollna l-paċi għax min jobogħdok u inti tobgħodu, għandu u jibqa’ jkollu ħakma fuqek. L-uniku mod biex teħles mill-madmad u l-mibegħda ta’ min jobogħdok tassew hu li inti ma taqax fin-nassa li tpatti bl-istess mibegħda. Aħna nibqgħu vittmi, ostaġġi, ħabsin ta’ min jobgħodna sakemm u daqskemm nobogħdu lura.

Meta nifhmu din il-loġika ta’ Ġesù, nifhmu wkoll li l-kelma tiegħu twassalna għal-libertà vera: dik li – inti togħbodni ħabib, imma jiena ma nobogħdokx, anzi se nitlob għalik. Ħafna drabi meta tgħid hekk lil xi ħadd, iżjed jiġih ragħwa f’ħalqu, imma inti tajtu r-risposta li qed jgħallmek il-Mulej. Tgħidli: ‘mhux faċli’. Ħadd mhu qed jgħid li l-kelma ta’ Ġesù faċli, lanqas hu stess.

Imma ħa naraw ftit l-ikbar test tal-kelma ta’ Ġesù. Hu x’għamel? Qatt ma qabżitlu lil Ġesù? Mela ma qabżitlux! Fit-tempju meta għamel sawt bil-ħbula u beda jtajjar l-imwejjed u kulma ra quddiemu. Qabżitlu dakinhar. Qatt ma rrabja quddiem l-inġustizzja? Mela le, imma fuq is-salib vittma innoċenti tal-mibegħda tal-qassisin il-kbar u tal-għedewwa tiegħu, x’qal? “Aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34). Ma qallux biss ‘aħfrilhom’, iddefendihom ukoll. Dan għamel Ġesù għall-għedewwa tiegħu; mhux biss ħafer, iddefendihom ukoll, “Ma jafux x’inhuma jagħmlu”.

Allura nifhmu li t-test tal-kelma ta’ Ġesù l-ewwel nett hu l-eżempju tiegħu, l-eżempju tal-qaddisin. L-ewwel martri tal-Knisja, San Stiefnu, li niċċelebraw l-għada tal-Milied bħala l-ewwel li twieled għall-ġenna mid-dixxipli, maqtul bħala xhieda ta’ Ġesù, jgħid l-istess kelma qabel jieħu l-aħħar nifs, imħaġġar (maqtul billi garawlu l-ġebel) u jgħid: “Tgħoddilhomx dan id-dnub” (Atti 7:60). Jirrepeti dak stess li qal Ġesù prattikament fuq is-salib.

Ħadd mhu qed jgħid li l-kelma ta’ Ġesù faċli, lanqas hu stess.

San Ġorġ Preca, appostlu tal-poplu Malti u Għawdxi, kien jinsisti ħafna fuq il-maħfra tal-għedewwa bħala t-triq tal-paċi. U għalhekk qegħdin nitolbu din il-quddiesa, diġà tlabna t-talba l-kbira tal-quddiesa għal min jagħmlilna d-deni u nkomplu nitolbu din it-talba sabiħa tal-Knisja. Forsi hemm bżonn nagħmluha iżjed ta’ spiss din il-quddiesa meta nkunu nistgħu nagħmlu l-quddies votiv. Meta s-saċerdot jilbes il-pjaneta ħadra jkun jista’ jagħżel quddiesa speċjali bħalma qed nagħmel jien llum anke fid-dawl ta’ din il-kelma ta’ Ġesù.

Allura t-talba tagħna llum, fid-dawl ta’ dan l-Evanġelju ta’ Ġesù (Mt 5:43-48), hi li jkollna l-grazzja minn għandu naħfru tassew u bil-qalb lil xulxin b’mod speċjali lil min iridilna l-ħsara u għamlilna d-deni.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 1 Slaten 21:17-29
Salm: 50 (51):3-4,5-6a,11 u 16
L-Evanġelju: Mt 5:43-48