L‑Arċidjoċesi ta’ Malta tistieden lill‑eks ministru u l‑opinjonista Michael Falzon biex jissostanzja l‑kummenti li għamel fil‑media fejn allega li “hemm stejjer ta’…korruzzjoni…fl‑istrutturi amministrattivi tal‑Kurja stess” u li “l‑Arċisqof jaf b’dawn il‑każijiet”.

Taħt it‑tmexxija tal‑Arċisqof Charles Scicluna, l‑istrutturi amministrattivi u ta’ governanza tal‑Arċidjoċesi komplew jissaħħu b’għadd ta’ miżuri mmirati biex isaħħu t‑trasparenza u l‑kontabbiltà. Dawn jinkludu:

  • It‑twaqqif tat‑Taqsima tal‑Awditjar Intern li tirrapporta direttament lill‑Kumitat tal‑Awditjar Intern li l‑membri tiegħu jaħdmu b’ċertu awtonomija mill‑Kurja tal‑Arċisqof
  • Il‑ħatra ta’ uffiċjal kontra l‑ħasil tal‑flus
  • Il‑ħolqien ta’ Whistleblowing Policy u l‑ħatra ta’ żewġ impjegati bħala uffiċjali li jieħdu ħsieb każijiet ta’ whistleblower
  • It‑twaqqif ta’ procurement office biex ikompli jissepara d‑dmirijiet u jnaqqas il‑probabbiltà ta’ żbalji jew frodi

Minbarra l‑miżuri amministrattivi msemmija hawn fuq, li jpoġġu lill‑Kurja tal‑Arċisqof fuq l‑istess livell mal‑entitajiet pubbliċi l‑aktar rispettati, l‑Arċisqof Scicluna ħadem wkoll ma’ kollegi tiegħu fil‑Vatikan sabiex jissaħħu l‑miżuri u l‑istrutturi li huma mmirati biex itejbu l‑ħidma wiesgħa tal‑Knisja kontra każijiet ta’ abbuż klerikali.

L‑Arċidjoċesi tħeġġeġ bil‑qawwa lis‑Sur Falzon, kif ukoll lil kull min jemmen li jista’ jkollu informazzjoni dwar allegat każ ta’ korruzzjoni, sabiex jagħmel rapport għand l‑awtoritajiet kompetenti, aktar milli jagħmlu allegazzjonijiet bla bażi.

L‑Arċidjoċesi tiċħad kategorikament li l‑Arċisqof jaf b’dawn l‑allegat każijiet.