Il-Ħadd 25 ta’ Novembru 2012 saret iċ-ċelebrazzjoni Djoċesana ta’ Kristu Re, li kienet ippreseduta mill-Arċisqof Pawlu Cremona O.P, fil-pjazza maġenb il-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Balzan, fl-4p.m.  L-Isqof Awżiljarju, Mons. Charles J. Scicluna, kien preżenti wkoll għal din iċ-ċelebrazzjoni flimkien ukoll mal-Isqof – Emeritus Ġużeppi Mercieca.

It-tema għal din is-sena kienet “Sinjali ta’ tama; il-fidi li tgħinna fil-ħajja tagħna”.  Is-Segretarju Pastorali, Mons. Charles Cordina, qal li “din it-tema ntagħżlet fl-okkażjoni tas-Sena tal-Fidi li matulha l-Papa Benedittu XVI qiegħed iħeġġeġ lill-Insara biex juru fil-ħajja tagħhom l-entużjażmu li qed tqanqal fihom il-fidi”. Għal dan il-għan, il-programm taċ-ċelebrazzjoni kien jinkludi animazzjoni ta’ kant minn adulti, tfal u żgħażagħ; feature bbażat fuq it-tema li ser jittella’ mill-membri tal-Moviment tal-Fokolari;  u messaġġ mill-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. Din iċ-ċelebrazzjoni hija parti mill-programm li d-Djoċesi ħejjiet għas-Sena tal-Fidi.

Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni