Il‑ktieb għat‑tfal ‘Spazju għal Qalbi – Beloved Space’, maħruġ mit‑taqsima Żvilupp Spiritwali fl‑iskejjel fi ħdan l‑Arċidjoċesi ta’ Malta b’kollaborazzjoni mal‑Aġenzija Nazzjonali tal‑Litteriżmu, issa jinsab għall‑bejgħ. Dan il‑ktieb, li għandu 11‑il storja miktuba minn Silvana Cardona, jikkonsisti fi stejjer qosra ta’ madwar 500 kelma. L‑istejjer huma ambjentati f’Malta u jittrattaw dwar tfal u adulti li jesperjenzaw sitwazzjonijiet differenti f’ħajjithom.

Il‑ktieb hu maħsub għat‑tfal bejn it‑tmien snin u t‑12‑il sena u l‑iskop ewlieni tiegħu hu li qarrejja żgħar fl‑età jkollhom ġabra ta’ stejjer qosra b’temi spiritwali li jistgħu jirrelataw magħhom, u li jħeġġuhom jirriflettu u jitolbu.

L‑istejjer fil‑ktieb huma ispirati minn spazji ta’ talb li jkunu animati mit‑team tal‑Iżvilupp Spiritwali fl‑Iskejjel u minn ħafna edukaturi fi skejjel differenti li permezz ta’ dawn l‑ispazji ta’ talb, wieħed jirrifletti u jitlob b’mod interattiv u kreattivi. Kull storja fil-ktieb hi kemm bil-Malti kif ukoll bl‑Ingliż. Ma’ kull storja hemm QR Code li tieħu lill‑qarrej biex jisma’ l‑istorja. Il‑ktieb għandu tpinġijiet ta’ Mireille Tabone.

It‑tnedija tal‑ktieb saret ftit tal‑ġranet ilu fil‑binja tal‑Aġenzija Nazzjonali tal‑Litteriżmu fil‑Ħamrun fil‑preżenza tal‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi, il‑Kap Eżekuttiv tal‑Aġenzija Nazzjonali tal‑Litteriżmu David Muscat, il‑koordinatur tal‑Iżvillup Spiritwali fl‑Iskejjel Dun Reuben Gauci, id‑Direttur taċ‑Ċentru għal‑Litteriżmu fl‑Università ta’ Malta Prof. Charles L. Mifsud, l‑animattriċi tal‑qari Maria Farrugia u l‑persuni li kienu involuti fil‑ktieb inkluż tfal li qraw uħud mill‑istejjer.

Il‑ktieb jista’ jinxtara minn hawn jew mill‑ħwienet ewlenin tal‑kotba madwar Malta u Għawdex. Għal iktar tagħrif żur sds.mt/mt/spazju‑ghal‑qalbi/ jew ċempel fuq 79392063.