L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

L-Evanġelju li għadna kemm smajna jirrakkonta t-tnissil ta’ Ġesù fil-ġuf ta’ ommu bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. U tgħiduli: ‘għaliex fil-festa tat-tnissil ta’ Marija naqraw l-Evanġelju tat-tnissil ta’ Binha?’ L-ewwel nett għaliex fl-Evanġelju m’għandniex ir-rakkont jew riflessjoni diretta fuq it-tnissil ta’ Marija. Nafu mit-tradizzjoni, almenu minn kitbiet ’l barra mill-Evanġelju dawk li jgħidulhom l-Apokrifi, li l-ġenituri tagħha kienu jisimhom Anna u Ġwakkin. (Il-festa tagħhom nagħmluha fis-26 ta Lulju ta’ Sant’Anna u San Ġwakkin li huma l-ġenituri ta’ Marija, allura n-nanniet ta’ Ġesù.)

Imma hemm kelma li l-Knisja għal sekli baqgħet titlob u tirrifletti fuqha li l-anġlu jgħid lil Marija: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek” (Lq 1:28). Din il-ħaġa li aħna ngħidulha propju fit-talba tas-‘Sliem għalik’ għaliex ‘Is-Sliem għalik’, kif tafu, hija meħuda mill-kliem tal-Evanġelju, imbagħad it-tieni biċċa hija talba li aħna nagħmlu lil Omm Alla: “Itlob għalina midinbin issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna”. Imma l-ewwel biċċa hija meħuda kollha mill-Evanġelju skont San Luqa. “Sliem għalik, Marija, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek” (Lq 1:28). “Imbierka inti fost in-nisa, imbierek il-frott tal-ġuf tiegħek Ġesù” (Lq 1:42). L-ewwel biċċa minn din it-talba kollha meħuda mill-Evanġelju u tiġbor fiha anke l-għerq tal-festa li qegħdin nagħmlu ‘mimlija bil-grazzja’.

Fit-tnissil ta’ Binha, Alla jgħarrafha imma jgħarraf lilna wkoll, li din il-mara kienet magħżula għall-missjoni speċjali: li ġġorr fil-ġuf tagħha lil dak li ma tesgħux id-dinja, imma jitnissel fil-ġuf tagħha. Dak li ma jafx dnub jitnissel fil-ġuf ta’ din il-mara mħarrsa mid-dnub. Aħna, permezz tal-Magħmudija u l-Qrar, ninħelsu mid-dnub; il-Madonna ġiet mħarsa mid-dnub. Din hija l-festa li qegħdin nagħmlu llum u li nagħmlu fit-8 ta’ Diċembru ta’ kull sena. Kif tafu, it-8 ta’ Diċembru għaliex disa’ xhur qabel it-twelid tagħha fit-8 ta’ Settembru. Aħna niċċelebraw it-tnissil tal-Madonna u t-tnissil ta’ Ġesù billi nirrispettaw il-kalendarju bijoloġiku, disa’ xhur dejjem qabel it-twelid.

Ħutna l-orjentali, meta jagħmlu xbieha ta’ din il-festa, ma tarax il-Madonna. Aħna mdorrijin naraw l-istatwi tal-Kunċizzjoni, imma huma jagħmlu t-tgħanniqa tal-ġenituri tagħha, Ġwakkin u Anna jitgħannqu, għax fl-intimità tagħhom sar it-tnissil ta’ din il-mara. U fit- tnissil tagħha, fl-intimità tal-ġenituri tagħha, indaħal Alla b’mod partikolari biex iħares lil din il-kreatura li bdiet teżisti, Marija, minn kull tebgħa tad-dnub.

Imma lilna xi tfisser din il-festa? L-ewwel nett nifhmu li verament għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir bħalma qalilha wkoll l-anġlu meta wasal biex jitnissel Binha fil-ġuf tagħha: “għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir” (Lq 1:37). Kien jixraq li ommu tkun safja minn kull tebgħa tad-dnub, peress li għalih xejn mhu impossibbli, seta’ jagħmilha dil-ħaġa u għamilha. Din hija l-loġika anke tal-fidi tagħna, tal-festa li qagħdin niċċelebraw. Dan huwa kapulavur tal-ħniena ta’ Alla li jaf iħenn għalina u jħarisna u jifdina billi dejjem iħares lejn is-salib li salvana, is-salib ta’ Binha Ġesù.

Fil-fatt, peress li għal Alla m’hemmx il-kategorija taż-żmien – għal Alla m’hemmx għada, kollox illum – u allura seta’ jħares lejn il-merti ta’ Binha msallab u japplikahom għal ommu qabel iż-żmien. Għalina dil-ħaġa ma tfissirx biss stedina biex nistagħġbu bil-qawwa ta’ Alla imma wkoll biex nifhmu li nistgħu nimitaw lill-Madonna, kif? Bl-imħabba. Isimgħu x’jgħidilna l-Appostlu Missierna fit-Tieni Qari: “Aħna kollna magħżula biex inkunu bla tebgħa fl-imħabba. Iddestinana biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba” (Ef 1:4-5)  Min iħobb qed jimita s-safa tal-Madonna. L-imħabba vera hija mħabba safja.

Issa aħna hemm bżonn nippurifikawha kontinwament għax midinbin għaliex l-imħabba tagħna mhix perfetta. Imma m’għandniex naqtgħu qalbna. Inħarsu lejn il-Madonna li meta dehret lil Bernadette Soubirous ġewwa Lourdes u ħafna drabi Beradette talbitha: ‘Imma min inti?’ Fl-aħħar qaltilha, “Jiena l-Immakulata Kunċizzjoni, jiena dik li tnissilt bla tebgħa”. It-talba tagħna hija dik li għallmuna missirijietna: ‘O Marija li dħalt fid-dinja mingħajr tebgħa, aqlgħalna l-grazzja li noħorġu minnha mingħajr ħtija’.

✠ Charles J. Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta  

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġen 3: 9-15.20
Salm: 97
Qari II: Efes 1: 3-6.11-12
Evanġelju: Lq 1: 28

Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti