L-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa adottat rakkomandazzjoni permezz ta’ 17-il punt dwar “il-Vjolenza kontra l-Insara fi Lvant Nofsani”.

Ir-rakkomandazzjoni u l-memorandum li jispjegaha tħejjew mill-membru Taljan tal-Parlament Luca Volonte. Ir-rakkomandazzjoni kienet adottata b’125 vot favur, 9 kontra u 13-il astenzjoni. Id-dokument jinnota li l-Insara kienu preżenti fi Lvant Nofsani minn meta beda l-Kristjaneżmu hemmehekk. Ġara pero li fl-aħħar seklu tali komunitajiet bdew jonqsu.

“Is-sitwazzjoni baqgħet sejra għall-agħar minn ftuħ is-seklu 21, u jekk mhux se tkun indirizzata immedjatament, tista’ twassal biex il-komunitajiet Insara jispiċċaw mil-Lvant Nofsani, bil-konsegwenza li jintilef ammont sostanzjali ta’ wirt reliġjuż”. Il-Kunsill tal-Ewropa ma naqasx milli jikkundanna żewġ ċirkostanzi fejn riċentament seġġew attakki ta’ vjolenza kontra l-Insara.

AID TO THE CHURCH IN NEED, laqgħet l-isforzi ta’ diversi istituzzjonijiet Ewropej fil-qawmien ta’ kuxjenza fl-għajta tal-Insara li sofrew attakki fil-konfront tagħhom f’pajjiżi bħall-Eġittu u l-Iraq. L-organizzazzjoni ħarġet tgħid dan fi stqarrija riċenti qabel il-laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-UE.