• Awla Pawlu VI
    Il-Ġimgħa 9 ta’ Diċembru 2016

     

    Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba! 

    Bi pjaċir qed nilqagħkom u nesprimilkom il-ħajr tiegħi fl-okkażjoni tal-inawgurazzoni tas-siġra u tal-presepju, li sa jiġu ammirati fi Pjazza San Pietru mill-pellegrini tad-dinja kollha matul l-Avvent u l-festi tal-Milied. Nirringrazzja lill-Isqfijiet u lill-Gvern Malti, li taw u ħejjew il-presepju; kif ukoll lill-Assoċjazzjoni Foresti tal-Lagorai, li offriet is-siġra kbira ħamra taż-żnuber u s-siġar l-oħra għall-ambjenti tal-Vatikan. U nsellem lilkom kollha, rappreżentanti tal-Arċidjoċesi u tal-Provinċja ta’ Trento, mal-Awtoritajiet tal-Komuni tal-Bassa Valsugana. Ħsieb speċjali jmur lejkom it-tfal, li żejjintu s-siġra, bl-għajnuna tal-“Fondazzjoni Lene Thun” li tmexxi l-laboratorji tat-terapija biċ-ċeramika f’bosta sptarijiet. Il-boċoċ imlewna li ħloqtu jirrappreżentaw il-valuri tal-ħajja, tal-imħabba u tal-paċi li t-Twelid ta’ Kristu kull sena jiġi biex jipproponilna mill-ġdid. 

    Il-presepju fi Pjazza San Pietru, xogħol l-artista Għawdxi Manwel Grech, jirriproduċi l-pajsaġġ Malti, u għandu wkoll is-salib tradizzjonali ta’ Malta u l-luzzu, dgħajsa tipika Maltija, li tfakkarna wkoll fir-realtà traġika u ta’ diqa tal-immigranti li jaqsmu fuq bċejjeċ tal-baħar lejn l-Italja. Fl-esperjenza ta’ tbatija ta’ dawn ħutna, nilmħu dik ta’ Ġesù tarbija, li fit-twelid tiegħu ma sabx post fejn joqgħod u ra d-dawl fl-għar ta’ Betlehem; u mbagħad ħaduh l-Eġittu biex jaħarbu mit-theddida ta’ Erodi. Dawk li se jżuru dan il-presepju huma mistiedna jiskopru mill-ġdid il-valur simboliku tiegħu, li hu messaġġ ta’ mħabba bejn l-aħwa, ta’ qsim ma’ xulxin, ta’ merħba u ta’ solidarjetà. Anki l-presepji li jintramaw fil-knejjes, fid-djar u f’tant imkejjen pubbliċi huma stedina biex f’ħajjitna u fis-soċjetà nagħmlu wisa’ għal Alla, mistur fil-wiċċ ta’ tant persuni li jinsabu f’qagħdiet imwiegħra, ta’ faqar u ta’ tiġrib. 

    Is-siġra tal-Milied biswit il-presepju ġejja mill-boskijiet ta’ Scurelle, f’riġlejn il-katina ta’ muntanji tal-Lagorai, imdawra minn natura li tgħaxxqek, b’ward, xtieli u nixxigħat ta’ ilma ċar fuq il-ġnub tal-mogħdijiet. Il-ġmiel ta’ dawn ix-xenarji hi stedina għalina biex nikkontemplaw lill-Ħallieq u nirrispettaw in-natura, ħidma ta’ jdejh. Aħna lkoll imsejħin nersqu lejn il-ħolqien b’sens ta’ għoġba kontemplattiva.

    Għalhekk il-presepju u s-siġra jsawru messaġġ ta’ tama u ta’ mħabba, u jgħinuna biex dan il-Milied noħolqu l-klima t-tajba biex nistgħu ngħixu bil-fidi l-misteru tat-Twelid tal-Feddej, li ġie fuq din l-art fiċ-ċokon u s-sempliċità. B’qalb ta’ tfal żgħar, inħallu l-presepju jiġbidna lejh, għax hemm nistgħu nifhmu t-tjieba ta’ Alla u nikkontemplaw ħnientu, li libset il-laħam ta’ bniedem biex tqanqal il-ħarsa tagħna.

    Irroddilkom ħajr! Nawgura lilkom hawn preżenti u lil dawk kollha li jgħixu fil-pajjiżi tagħkom li jgħixu b’serenità u intensità dan il-Milied tal-Mulej. Nitlobkom, jekk jogħġobkom, biex titolbu għalija, u nsejjaħ il-Barka tal-Mulej fuqkom, fuq il-familji tagħkom u fuq il-popli ta’ artijietkom.

    Il-Papa Franġisku

    Tradott għall-Malti minn Francesco Pio Attard