Għeżież ħuti!

Meta Alla tagħna jirrivela lilu nnifsu, b’libertà sħiħa jgħidilna: “Jiena hu l-Mulej, Alla tiegħek, li ħriġtek mill-art tal-Eġittu, minn dar il-jasar” (Eż 20:2). Hekk jiftaħ id-Dekalogu mogħti lil Mosè fuq il-muntanja Sinaj. Il-poplu jaf sew xi ħruġ qed jitkellem fuqu Alla: l-esperjenza tal-jasar għadha mmarkata f’laħmu. Jirċievi l-għaxar kelmiet fid-deżert bħala triq ta’ ħelsien. Aħna nsejħulhom “kmandamenti”, b’enfasi fuq il-qawwa tal-imħabba li biha Alla jeduka lill-poplu tiegħu. Fil-fatt din tal-ħelsien hi sejħa qawwija. Ma tistax tiġborha fi ġrajja waħda, għax timmatura f’mixja. Bħalma Iżrael fid-deżert għad għandu l-Eġittu ġewwa fih – fil-fatt spiss jibki l-passat u jgemgem kontra s-sema u kontra Mosè –, hekk anki llum il-poplu ta’ Alla jġorr fih ir-rabtiet oppressivi li għandu jagħżel li jitlaq warajh. Dan nintebħu bih meta tonqosna t-tama u niġġerrew fil-vojt fil-ħajja bħal f’art mitluqa, mingħajr art imwiegħda lejn xiex nimxu flimkien. Ir-Randan huwa ż-żmien ta’ grazzja li fih id-deżert jerġa’ jsir – kif iħabbar il-profeta Hosegħa – il-post tal-ewwel imħabba (ara Hos 2:16-17). Alla jeduka lill-poplu tiegħu, biex jinqala’ mill-jasar tiegħu u jduq il-mogħdija mill-mewt għall-ħajja. Bħal għarus huwa jiġbidna mill-ġdid lejh u jpespes kliem ta’ mħabba lil qalbna.

Il-ħruġ mill-jasar għal-libertà mhuwiex mixja astratta. Biex anki r-Randan tagħna jkun ħaġa konkreta, l-ewwel pass meħtieġ hu li naraw ir-realtà. Meta fix-xitla tal-għollieq taqbad bla ma tinħaraq il-Mulej ġibed lejh lil Mosè u kellmu, minnufih wera ruħu bħala Alla li jara u fuq kollox jagħti widen: “Jien ħarist u rajt it-tbatija tal-poplu tiegħi fl-Eġittu. U jien smajt il-karba tagħhom minħabba fl-argużini tagħhom u għaraft l-uġigħ tagħhom. Issa nżilt biex neħlishom minn idejn l-Eġizzjani u biex intellagħhom minn dik l-art u neħodhom f’art tajba u wiesgħa, f’art tnixxi ħalib u għasel” (Eż 3:7-8). Illum ukoll il-karba ta’ tant ħutna magħkusa titla’ sas-sema. Nistaqsu lilna nfusna: qed tasal għandna wkoll? Iċċaqlaqna? Tqanqalna? Ħafna fatturi jbegħduna minn xulxin, u jżommu lura l-fraternità li fil-bidu kienet torbotna flimkien.

Fil-vjaġġ tiegħi f’Lampedusa, kontra l-globalizzazzjoni tal-indifferenza ppreżentajt żewġ mistoqsijiet, li dejjem qed isiru iżjed attwali: “Fejn int?” (Ġen 3:9) u “Fejn hu ħuk?” (Ġen 4:9). Il-mixja tar-Randan tkun konkreta jekk, aħna u nerġgħu nisimgħuhom, nistaqarru li llum ukoll ninsabu taħt il-ħakma tal-Fargħun. Hija ħakma li tifnina u tagħmilna insensibbli. Huwa mudell ta’ tkabbir li jifridna bejnietna u jisirqilna l-futur. L-art, l-arja u l-ilma huma mniġġsa biha, imma anki l-erwieħ jitniġġsu biha. Fil-fatt, imqar jekk bil-Magħmudija l-ħelsien tagħna beda, tibqa’ fina nostalġija inspjegabbli għall-jasar. Hi bħal ġibda lejn iċ-ċertezza tal-ħwejjeġ li diġà rajna, bi ħsara għal-libertà.

Fir-rakkont tal-Eżodu nixtieq nindikalkom dettall ta’ importanza mhux żgħira: huwa Alla li jara, li tiġih ħniena u li jeħles, mhuwiex Iżrael li jitlob dan. Fil-fatt, il-Fargħun jitfi mqar il-ħolm, jisraq lis-Sema, u jagħti dehra ta’ realtà li ma tistax tinbidel lil dinja li fiha d-dinjità hi mkasbra u r-rabtiet awtentiċi huma mċaħħda. U allura jirnexxilu jorbotna miegħu. Nistaqsu lilna nfusna: nixtieq dinja ġdida? Lest li ninqala’ mill-kompromessi tiegħi mal-antik? Ix-xhieda ta’ ħafna isqfijiet u ta’ għadd kbir ta’ operaturi tal-paċi u tal-ġustizzja tikkonvinċini dejjem iżjed li dak li għandna nikkundannaw hu n-nuqqas ta’ tama. Hu l-impediment li noħolmu, karba msikkta li tasal sas-Sema u tqanqal il-qalb ta’ Alla. Tixbah lil dik in-nostalġija tal-jasar li tipparalizza lil Iżrael fid-deżert, u ma tħallihx jibqa’ miexi. Il-ħruġ jista’ jitwaqqaf ħesrem: għax kieku kif nispjegaw il-fatt li umanità li kienet waslet sa fuq l-għatba tal-fraternità universali u għal livelli ta’ żvilupp xjentifiku, tekniku, kulturali, ġuridiku li kapaċi jiggarantixxu d-dinjità lil kulħadd, spiċċat titlajja fid-dlam tan-nuqqas ta’ ugwaljanza u tal-ġlied!

Alla ma qatax qalbu minna. Ħa nilqgħu r-Randan bħala ż-żmien qawwi li fih il-Kelma tiegħu titlissen lilna mill-ġdid: “Jiena hu l-Mulej, Alla tiegħek, li ħriġtek mill-art tal-Eġittu, minn dar il-jasar” (Eż 20:2). Huwa żmien ta’ konverżjoni, żmien ta’ libertà. Ġesù nnifsu, kif niftakru ta’ kull sena fl-Ewwel Ħadd tar-Randan, ġie mqanqal mill-Ispirtu lejn id-deżert biex jiġi mġarrab fil-libertà. Għal erbgħin jum hu sa jkun quddiemna u magħna: huwa l-Iben li sar bniedem. B’differenza mill-Fargħun, Alla ma jridx sudditi, imma wlied. Id-deżert huwa l-ispazju li fih il-libertà tagħna tista’ tikber f’deċiżjoni personali li ma nerġgħux naqgħu lsiera. Fir-Randan insibu kriterji ġodda ta’ ġudizzju u komunità li magħha nistgħu nimxu ’l quddiem fi triq li qatt ma mxejna.

Dan iġib miegħu taqbida: dan jirrakkuntawhulna b’mod ċar il-ktieb tal-Eżodu u t-tentazzjonijiet ta’ Ġesù fid-deżert. Kontra l-leħen ta’ Alla, li jgħid: “Int Ibni, il-maħbub” (Mk 1:11) u “Ma jkollokx allat oħra għajri” (Eż 20:3), insibu fil-fatt il-gideb tal-għadu. Iktar tal-biża’ mill-Fargħun huma l-idoli: nistgħu nqisuhom bħala l-leħen tiegħu fina. Li nistgħu kollox, li nkunu rikonoxxuti minn kulħadd, li nirfsu fuq kulħadd: kull bniedem iħoss il-ġibda ta’ din il-gidba fih. Hija triq antika. Nistgħu niggranfaw mal-flus, ma’ ċerti proġetti, ideat, għanijiet, mal-pożizzjoni tagħna, ma’ tradizzjoni, saħansitra ma’ xi persuni. Flok niċċaqilqu, nipparalizzaw ruħna. Flok niltaqgħu ma’ xulxin, neħduha kontra xulxin. Imma teżisti umanità ġdida, il-poplu taċ-ċkejknin u tal-umli li ma ċedewx għas-seħer tal-gidba. Waqt li l-idoli jagħmlu muti, għomja, torox u pparalizzati lil dawk li jaqduhom (ara Salm 115:4), il-foqra fl-ispirtu huma minnufih miftuħa u lesti: qawwa siekta ta’ tjieba li tikkura u twieżen lid-dinja.

Dan huwa ż-żmien li naġixxu, u fir-Randan li naġixxu jfisser ukoll nieqfu. Nieqfu fit-talb, biex nilqgħu l-Kelma ta’ Alla, u nieqfu bħas-Samaritan, fil-preżenza ta’ ħuna midrub. L-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu hija mħabba waħda. Li ma jkollokx allat oħra jfisser tieqaf fil-preżenza ta’ Alla, ħdejn il-ġisem tal-proxxmu tiegħek. Għalhekk it-talb, il-karità u s-sawm mhumiex tliet għamliet ta’ taħriġ mifruda minn xulxin, imma ċaqliqa waħda ta’ ftuħ, ta’ tbattil: inkeċċu ’l barra lill-idoli li jtaqqluna, inwarrbu r-rabtiet li jżommuna lsiera. U hekk il-qalb ipparalizzata u iżolata terġa’ tqum. Jiġifieri, innaqqsu mill-għaġla u nieħdu nifs. Id-dimensjoni kontemplattiva tal-ħajja, li r-Randan b’dan il-mod iġagħalna nsibu mill-ġdid, tqanqal enerġiji ġodda. Fil-preżenza ta’ Alla nsiru aħwa, inħossu lill-oħrajn b’intensità ġdida: flok theddid u għedewwa nsibu sħab fil-vjaġġ tagħna. Din hija l-ħolma ta’ Alla, l-art imwiegħda li lejha nimxu, meta noħorġu mill-jasar.

Il-bixra sinodali tal-Knisja, li f’dawn is-snin qed nerġgħu niskopru u nikkultivaw, tissuġġerixxi li r-Randan ikun ukoll żmien ta’ deċiżjonijiet komunitarji, ta’ għażliet żgħar u kbar kontra l-kurrent, li kapaċi jibdlu l-ħajja ta’ kuljum tal-persuni u l-ħajja ta’ post fejn jgħixu: id-drawwiet fix-xirjiet, l-għożża tal-ħolqien, l-inklużjoni ta’ min hu mwarrab minn kulħadd jew hu mistmerr. Nistieden lil kull komunità Nisranija biex tagħmel dan: toffri lill-fidili tagħha mumenti li fihom jerġgħu jaħsbu kif qed ikun l-istil ta’ ħajjithom; jagħtu żmien lilhom infushom biex jivverifikaw il-preżenza tagħhom fit-territorju u s-sehem li qed jagħtu biex jagħmluh aħjar. Ħażin jekk il-penitenza Nisranija tkun bħal dik li sewdet qalb Ġesù. Lilna wkoll hu jgħidilna: “Meta ssumu, tqarrsux wiċċkom, bħalma jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawn ikerrhu wiċċhom biex quddiem in-nies jidhru li huma sajmin” (Mt 6:16). Pjuttost ħa jidher il-ferħ fuq l-uċuħ, ħa tinxtamm il-fwieħa tal-libertà, ħa tidher dik l-imħabba li ġedded kollox, ibda minn dawk l-iktar ċkejkna u fil-qrib. F’kull komunità Nisranija jista’ jseħħ dan.

Skont kemm dan ir-Randan ikun wieħed ta’ konverżjoni, allura l-umanità mitlufa tħoss tqanqila ta’ kreattività: l-isplużjoni ta’ tama ġdida. Irrid ngħidilkom, kif għidt liż-żgħażagħ li ltqajt magħhom Lisbona s-sajf li għadda: “Fittxu u rriskjaw. F’dan il-waqt tal-istorja l-isfidi huma kbar, tnehid ta’ wġigħ. Qed nassistu għat-tielet gwerra dinjija miġġielda f’biċċiet. Iżda ejjew inħaddnu r-riskju li ma nkunux f’agunija, imma fi ħlas; mhux fl-aħħar, imma fil-bidu ta’ spettaklu kbir. Hemm bżonn il-kuraġġ biex naħsbu dan” (Diskors liż-żgħażagħ universitarji, 3 ta’ Awwissu 2023). Huwa l-kuraġġ tal-konverżjoni, tal-ħruġ mill-jasar. Il-fidi u l-imħabba jżommu f’idejha lil din iċ-ċkejkna tama. Jgħallmuha timxi u, fl-istess waqt, hi tiġbidhom ’il quddiem.[1]

Fuqkom ilkoll u fuq il-mixja tagħkom tar-Randan nitlob il-barka ta’ Alla.

Sors: laikos.org