• Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Residenza San Vinċenz de Paule, Ħal Luqa

    11 ta’ Diċembru 2017

    L-Evanġelju li għadu kemm qara Fr Ivan Scicluna għandu frażi sabiħa ħafna li tgħidilna li f’Ġesù kien hemm il-qawwa ta’ Alla biex tfejjaq. Il-kliem eżatt huwa: “Il-qawwa t’Alla kienet fih biex ifejjaq” (Lq 5, 17).

    Aħna u nippreparaw għall-ġranet sbieħ tal-Milied, aħna u qegħdin f’dan l-istaġun li ngħidulu l-Avvent, it-talba tagħna għandha tkun din: ejja Mulej biex tfejjaqna. Ħafna drabi ngħiduha wkoll ‘ejja, Mulej ħa ssalvana’. L-aħħar kelma li nsibu fil-Bibbja hija din l-għajta, din it-talba: “Ejja Mulej Ġesù” (Apok 22, 20), maranatha, ejja Mulej Ġesù. Aħna llum qed ngħidu ‘ejja, Mulej Ġesù biex issalvana u tfejjaqna’. Parti importanti mis-salvazzjoni hija l-fejqan. Tgħidluli imma l-fejqan mill-mard daqskemm għandna?  Mhux bilfors, fil-fatt illum Ġesù jgħallimna li hemm fejqan ħafna iżjed importanti li huwa l-fejqan fir-ruħ, il-fejqan fl-ispirtu.  

    Kien hemm żagħżugħ mifluġ, sħabu biex jgħinuh, riedu jressquh lejn Ġesù u ma setgħux jgħaddu minħabba l-folla. X’għamlu? Telgħu fuq il-bejt, neħħew ix-xorok, u niżżluh quddiem Ġesù. Bilfors kienu żgħażagħ għax biex tagħmilha din trid tkun żagħżugħ u f’saħħtek. Ġesù, meta rah, qallu: “Dnubietek maħfura” (Lq 5, 20). Mhux biss ra lilu, imma ra ukoll bl-għajnejn tal-ispirtu, ra l-fidi ta’ sħabu.

    Aħna ħafna drabi ninkwetaw għall-ulied, għan-neputijiet, għall-pro-neputijiet u ngħidu ‘imma jiena t-talb tiegħi jasal?’  Ejjew nitgħallmu xi ħaġa minn dan l-Evanġelju. Ġesù biex ifejjaqna, jara wkoll il-fidi tal-ħbieb tagħna. Jara l-fidi tal-ħbieb tagħna b’mod speċjali tal-familjari tagħna wkoll, tal-missirijiet, tal-ommijiet, tan-nanniet, tal-bużnanniet u jfejjaq anke bil-fidi tan-nanniet u tal-bużnanniet. Bil-fidi tal-ħbieb tagħna l-Mulej ifejjaqna bħalma jagħmel dejjem fis-Sagrament tal-Qrar bil-fidi tal-Knisja.   

    Fil-fatt f’kull Quddiesa, lil Ġesù wara l-konsagrazzjoni ngħidulu: “La tħarisx lejn dnubietna iżda ħares lejn il-fidi tal-Knisja tiegħek”.  Ara kemm hi għażiża l-fidi tal-komunità, il-fidi tal-Knisja. Aħna u nitħejjew għat-tqarbin u nitolbuh ifejjaq ir-ruħ tagħna ngħidulu: “għid kelma waħda biss u ruħi tkun imfejqa”. Għaliex? Għaliex f’kull Quddiesa lill-Mulej nitolbuh il-fejqan ta’ ruħna. “Mulej, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi, iżda għid biss kelma waħda u ruħi tkun imfejqa”. U waqt li qed nitolbuh hekk, qed ngħidulu: “Tħarisx lejn dnubietna”.  

    Kultant iżjed ma jgħaddi ż-żmien iżjed noqgħodu newdnu fuq id-dnubiet, il-ħmerijiet tal-antik. Mhux hekk jiġrilna? U ngħidu, ‘dik il-praspura ħafirili? U dik qerrejtha tajjeb?’  Illum il-Mulej se nitolbuh il-fejqan tar-ruħ, tal-memorja, il-fejqan tal-passat, inpoġġu kollox f’riġlejh bħalma għamlu dawk il-ħbieb li l-ħabib tagħhom mifluġ u magħtub, poġġewh f’riġlejn Ġesù. U Ġesù fejqu għax fih kien hemm il-qawwa ta’ Alla li jfejjaq. U għalhekk ngħidulu ‘Mulej, ejja ħa ssalvana, ejja ħa tfejjaqna’.  

    U Ġesù l-ewwel ħafirlu dnubietu, tah l-ikbar fejqan spiritwali. Qallu: “dnubietek maħfura”. Il-kapijiet qalu “dan Alla biss jista’ jaħfer id-dnubiet”. Alla biss jista’ jiġbor il-passat tiegħi u jfejjaqni. Veru, Alla biss, kellhom raġun. Li tfixklu huwa li raw mastrudaxxa minn Nazaret u minħabba l-umanità tiegħu, għax huwa l-iben ta’ Alla magħmul bniedem, siktu. Ma setgħux jifhmu kif f’dan il-bnieden, dan il-mastrudaxxa minn Nazaret, Ġesù ta’ Nazaret, hemm il-qawwa ta’ Alla biex tfejjaq. U tfixklu, skandalizzaw ruħhom u allura Ġesù mbagħad jagħti sinjal li ma jistgħux imeruh. U dan jiġri wkoll lilna n-nies tad-dinja u jgħidu: ‘dan mhux diskors vojt?’ Alla kultant jippermetti fejqan li aħna ma nistgħux immeruh biex jikkonferma qawwa ikbar, il-qawwa li tfejjaq l-ispirtu, li tfejjaq il-qlub.    

    U wara kollox, aħna li ngħaddu mill-fejqan li jagħtina l-Mulej, ma nħossux il-paċi u l-ferħ wara li nkunu għamilna qrara tajba? Paċi li m’għandu jeħodulek ħadd?  Paċi li ma tistax tixrobha, tiekolha jew taraha, għax l-ebda xorb li tixrob ma jġiblek il-paċi, l-ebda ikel fin ma jġiblek il-paċi. Imma l-maħfra t’Alla tagħtina paċi li ma jeħodhielna ħadd u għalhekk m’hemmx għalfejn ikun hemm mirakli fiżiċi bħalma jsiru Lourdes il-ħin kollu. Aħna stess nafu l-effett ta’ meta l-Mulej ifejqilna r-ruħ tagħna, inkunu iżjed kalmi, inkunu fil-paċi, naħfru iżjed faċilment, nissaportu t-tbatija iżjed faċilment.

    Mulej, ejja ħa ssalvana għax inti l-prinċep tal-paċi. U dan għandna nitolbuh f’dan l-Avvent għal kull wieħed u waħda minna.  “Ejja, Mulej Ġesù, ejja”.

    ✠ Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja