L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ħsieb qasir aħna u niċċelebraw is-solennità tal-anniversarju ta’ dan il-katidral, ta’ din il-knisja prinċipali fid-djoċesi tagħna.

Il-Knisja, fit-talb tagħha f’din il-ġurnata solenni, toffri riflessjoni ta’ Santu Wistin fit-tieni qari fl-Uffiċċju tal-Qari. Santu Wistin jitkellem fuq il-konsagrazzjoni tad-dar, tal-komunità, tal-Knisja u jgħid li meta nħarsu lejn din il-binja nirrealizzaw kemm hemm elementi differenti, kemm hemm materjal differenti, imma kollu miġjub f’armonija waħda u maqgħud tajjeb. Jgħid kieku aħna jkollna xi dubju li l-elementi kollha ta’ dan il-katidral mhumiex qegħdin ssaldjati sew, ma nersqux, u narawh mill-bogħod. X’inhi din l-armonija? Sħna nemmnu, kif jgħallimna Ġesù stess u l-Kelma ta’ Alla li għadna kemm smajna, li dan it-tempju huwa xbieha tagħna bħala komunità. L-armonija li qed naraw fih tistedinna biex inħarsu lejn l-armonija li hemm fostna jew li għandu jkun hemm fostna. Din l-armonija, din il-ħaġa li ġġib kollox flimkien, hija l-imħabba ta’ bejnietna.

Il-Papa Franġisku, fit-tagħlim soċjali li jagħti, juża espressjoni qaddisa fit-tagħlim tal-Knisja. Meta jħares lejn il-komunità, lejn id-dinja, mhux biss il-ħolqien imma l-familja tal-bnedmin, hu jsejħilha d-dar komuni tagħna. Fl-aħħar rigal sabiħ li tana, l-enċiklika Fratelli Tutti, il-Papa juża din it-tixbiha tad-dar komuni tagħna biex jgħidilna: “Imma d-dar komuni tagħna nibnuha aħna billi nsiru aħwa ta’ xulxin u nifhmu kemm aħna konnessi”.

Jekk inti tħares lejn dan il-katidral sabiħ li llum qed nifirħu fl-anniversarju tal-konsagrazzjoni tiegħu, tifhem li kollox huwa magħmul f’armonija waħda bħalma aħna hemm bżonn li nkunu u ngħixu f’armonija waħda.

Aħna u nilqgħu dan it-tagħlim tal-Papa li jġagħalna nħarsu lejn xulxin bħala aħwa, ninsew it-tikketti li nagħmlu ’l xulxin. Mit-twelid nibdew nagħmlu kollezzjoni ta’ tikketti. L-ewwel jagħżlu isem, imbagħad il-parrinijiet wkoll iridu jagħtuk l-isem tagħhom, imbagħad tibda titfarfar u ħutek jagħtuk xi laqam ċkejken, imbagħad tmur l-iskola u jkollok xi hashtag oħra.

Il-Mulej ma jħarisx lejn it-tikketti, iħares lejn il-qalb. U aħna hekk irridu nagħmlu meta nħarsu lejn xulxin. Ħafna drabi nkunu preġudikati. Il-ġudizzju fuq dak li jkun diġà lest, kemm tagħmlu ftit sekondi fil-microwave u jkun moqli, bħall-maġija. Imma aħna nħarsu lejn xulxin kif iħares lejna Alla.

Din hija t-talba li nixtieq nitlob fuq il-knisja tagħna llum. Nirringrazzja l-Kapitlu tal-Katidral talli jieħu ħsieb dan it-tempju b’tant dinjità u mħabba. Insellem lill-ġenerazzjonijiet ta’ membri tal-Kapitlu tal-Katidral li dejjem ħadu ħsieb dan it-tempju, it-tempju prinċep tal-gżira fejn hawn il-kattedra tal-isqof. Fl-istess ħin, din l-ikona tal-Knisja f’Malta tkun isbaħ jekk dak li tirrifletti, ngħixuh fil-prattika. L-istedina tiegħi llum hija li nilqgħu t-tagħlim tal-Papa Franġisku, din l-enċiklika, u waqt li nifirħu fis-sbuħija tat-tempju tal-katidral tad-djoċesi tagħna, nitolbu l-grazzja li nħarsu lejn xulxin bl-istess ammirazzjoni. Kull wieħed u waħda minna aħna kapolavur tal-ħniena ta’ Alla li meta jħares lejna, ineħħi t-tikketti kollha li tatna l-ħajja u jgħidilna: “Inti ibni, fik insib il-għaxqa tiegħi, inti binti, fik insib il-għaxqa tiegħi u nħenn għalik” (ara Lq 1:22).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Slat 8: 22-23. 27-30
Salm: 83
Evanġelju: Lq 19:1-10

Aktar ritratti >>