L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Dan ir-rakkont straordinarju mill-kapitlu 24 ta’ San Luqa jiġbor fih esperjenza li aħna niċċelebraw kull nhar ta’ Ħadd bħala komunità Nisranija. Kull nhar ta’ Ħadd il-Mulej jissieħeb magħna fil-pellegrinaġġ ta’ din il-ħajja, jispjegalna l-Iskrittura u aħna nagħrfuh fil-qsim tal-ħobż.

Nixtieq noffri llum bħala riflessjoni spirata minn dan l-Evanġelju sabiħ, l-Evanġelju tad-dixxipli ta’ Għemmaws, tliet riflessjonijiet. Id-dixxipli ta’ Għemmaws dakinhar tal-Għid il-kbir, dakinhar ta’ jum il-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù, kienu semgħu l-aħbar li l-katavru tiegħu ma nstabx u li n-nisa kienu deherilhom xi anġlu li qalulhom li l-Mulej huwa ħaj. Imma donnu ma kellhomx il-qawwa biex jemmnu. U telqu għall-għonq it-triq lejn il-villaġġ ta’ Għemmaws.

Il-Mulej ma jabbandunahomx lil dawn iż-żewġ dixxipli li qegħdin fi kriżi ta’ fidi, li għaddejjin minn mument ta’ dlam. L-Evanġelju stess jgħid li kienu “b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom” (Lq 24:17). Il-Mulej jissieħeb magħhom fit-triq.

Lil kull min f’dawn il-jiem qiegħed għaddej mill-ansjetà, mid-diffikultajiet, mill-kriżi tal-fidi, min-nuqqas ta’ tama fil-futur għaliex is-sitwazzjoni mhi sabiħa xejn u qed nibdew ngħajjew, jiena ngħidlu: il-Mulej mhux se jitlaqna weħidna. Il-Mulej jissieħeb magħna fit-triq. Ma naqtgħux qalbna. Niftħu widnejna biex nisimgħuh, għajnejna biex ngħarfuh.

It-tieni ħsieb tiegħi huwa li Ġesù, waqt li qed jissieħeb mad-dixxipli ta’ Għemmaws u jagħraf li kellhom xi jżommhom milli jagħrfuh u milli jifhmu x’ġara, jispjegalhom l-Iskrittura, jifħilhom il-ktieb li fih l-Mulej tana mhux biss ir-rakkont tal-istorja tal-ħelsien tas-salvazzjoni tagħna imma wkoll tana l-poeżija tal-imħabba tiegħu. Il-Ktieb tal-Iskrittura jitkellem fuq Ġesù imma jitkellem ukoll fuq l-esperjenza tal-poplu ta’ Alla. U Ġesù jiftaħ il-ktieb tal-Iskrittura għaliex huwa l-ewwel pass fl-għarfien tiegħu.

Lil kull min f’dawn il-jiem qiegħed għaddej mill-ansjetà, mid-diffikultajiet, mill-kriżi tal-fidi, min-nuqqas ta’ tama fil-futur għaliex is-sitwazzjoni mhi sabiħa xejn u qed nibdew ngħajjew, jiena ngħidlu: il-Mulej mhux se jitlaqna weħidna.

Dawn il-ġranet fejn aħna, minħabba ċ-ċirkustanzi ma nistgħux niltaqgħu fil-knejjes għeżież tagħna bħala komunità, nissuġġerixxi liż-żgħażagħ tagħna, lill-familji tagħna biex jiftħu l-ktieb tal-Iskrittura, jiftħu l-Bibbja. Inizjattiva sabiħa li għaliha nixtieq nirringrazzja l-Għaqda Bibblika Maltija, hija li issa għandna t-test tal-Bibbja bil-Malti fuq il-Bible App. Hija applicationwieħed  jista’ jkollu fuq l-ismartphone tiegħu b’xejn, Bible App u hemm ukoll il-Bibbja bil-Malti. Dan huwa żvilupp sabiħ, ili ħafna nixtiequ u nixtieq nirringrazzja lil kull min ħadem biex dan ikun jista’ jseħħ. Huwa għodda li permezz tagħha permezz u tal-ismartphone tiegħek jista’ jkollok ukoll il-Kelma t’Alla. Fost ħafna affarijiet inti tista’ tagħżel ukoll li jkollok il-Kelma ta’ Alla. Il-Kelma t’Alla tgħinna nirrealizzaw li Alla jkellimna fl-istorja ta’ ħajjitna bħalma jkellimna fiċ-ċirkustanzi li nkunu għaddejjin minnhom.

It-tielet ħsieb huwa li Ġesù jilqa’ l-istedina ta’ dawn iż-żewġ dixxipli biex jidħol magħhom fejn kienu waslu. “Hu jagħmel tabirruħu li kien se jibqa’ sejjer ’il bogħod” (Lq 24:28). Hija l-għażla tiegħu li jħalli f’idejhom biex jagħmlu l-istedina. “Huma ġagħluh jibqa’ magħhom u qalulu: ‘Ibqa’ magħna għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm’” (Lq 24:29). Din l-istedina tad-dixxipli ta’ Għemmaws tkun l-istedina ta’ kull wieħed u waħda minna. “Mulej ibqa’ magħna”. U l-Mulej jidħol biex joqgħod magħhom bħalma l-ħerqa tiegħu, l-għatx tiegħu hu li jidħol u jibqa’ magħna, joqgħod fuq il-mejda magħhom, jaqbad il-ħobż, jgħid il-barka, jaqsmu u jagħtihulhom. “Imbagħad id-dixxipli ta’ Għemmaws jinfetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda huwa għab minn quddiemhom” (Lq 24: 31).

Allaħares nagħmlu differenza fuq din il-gżira ċkejkna bejn min għandu d-dritt għal loqma ħobż u min m’għandux.

Ma kienx hemm bżonn li jarawh bl-għajnejn tal-ġisem issa li qegħdin jarawh bil-qalb, bl-għajnejn tal-imħabba, bl-għajnejn tal-fidi. Din l-esperjenza tfakkarni fi frażi ta’ wieħed anjostiku Etienne Saint Exupery, li fil-ktieb tiegħu ċkejken imma kbir fil-ħsieb: ‘The Little PrinceIl-Prinċep iż-Żgħir’ iġiegħel lil-lupu jispjega lit-tifel li l-affarijiet l-iżjed importanti ma tarahomx bl-għajnjen imma bil-qalb. Il-qalb tagħraf dak li huwa l-iżjed essenzjali. U għalhekk “għarfuh fil-qsim tal-ħobż” (Lq 24:35) li huwa atteġġjament ta’ wieħed li jaqsam mhux biss dak li hemm fuq il-mejda imma ħajtu.

L-ewwel Insara kienu jsejħu l-Ewkaristija b’din il-frażi sabiħa: il-qsim tal-ħobż. Dak kien l-ewwel titlu ta’ dan li qed niċċelebraw, tal-Ewkaristija, il-qsim tal-ħobż. U aħna f’dawn iċ-ċirkustanzi nifhmu li għalkemm ma nistgħux nipparteċipaw fiżikament għall-qsim tal-ħobż fl-Ewkaristija, għandna tant okkażjonijiet biex nagħrfu lil Ġesù meta naqmsu l-ħobżna ta’ kuljum ma’ ħutna li għandhom bżonn. Hemm qsim tal-ħobż li ma niċċelebrawhx fil-knisja imma niċċelebrawh mill-mejda tal-ikel tagħna. U niċċelebrawh bl-imħabba u bil-qalb.

Aħna grupp ta’ gżejjer ċkejknin, nafu lil xulxin, għandna fostna min għandu l-bżonn. Kemm nieħu pjaċir jien ninnota tant inizjattivi ta’ karità fejn wieħed qed jaqsam il-ħobż ma’ min għandu bżonn. Imma l-ħobż irridu naqsmuh ma’ kulħadd, ma’ kulħadd hu min hu. Allaħares nagħmlu differenza fuq din il-gżira ċkejkna bejn min għandu d-dritt għal loqma ħobż u min m’għandux. Mhix kwestjoni ta’ burokrazija u ta’ karti. Il-ġuħ lil kulħadd jolqot bħalma jolqot l-għatx lil kulħadd. U allura jekk aħna bnedmin b’qalb tal-laħam irridu naqmsu l-ħobż li jkollna anke biċċa loqma ħobż ma’ kulħadd. Dan huwa l-qsim tal-ħobż li permezz tiegħu llum f’dawn iċ-ċirkustanzi l-Mulej qed jitlobna nagħrfuh.

Ejjew ukoll ikollna l-grazzja li aħna u nirritornaw għand sħabna u nitolbu llum biex ma jdumx ma jasal il-mument fejn aħna nkunu nistgħu niltaqgħu flimkien fil-knejjes tagħna. Ma nibqgħux nirċievu biss l-Ewkaristija bit-tqarbina tax-xewqa imma realment. Imma minn issa stess mil-lum nistgħu nagħrfu lill-Mulej fil-qsim tal-ħobż li jitwieled mill-qalb tagħna, dik il-qalb li taf tagħraf x’inhu l-iżjed essenzjali.

✠ Charles Jude Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 2, 14.22-33
Salm: 15 (16) 1-2a.5.7-8.9-10.11
Qari II: 1 Piet 1, 17-21
Evanġelju: Lq 24, 13-35