Il‑Palazz tal‑Arċisqof fil‑Belt Valletta ser jerġa’ jiftaħ il‑bibien tiegħu waqt Notte Bianca 2022, nhar is-Sibt 1 ta’ Ottubru. Dakinhar, il‑viżitaturi jistgħu jżuru bosta swali fil‑palazz fosthom il‑piano nobile li jinkludi s‑sala tat‑tron, u l-Kanċellerija tat-Tribunal bl-għamara antika tagħha u s-soqfa mpittra. Il‑ġnien bis‑siġar taċ‑ċitru kif ukoll iċ‑ċisterni storiċi bl-għejun tal-ilma se jkunu miftuħin għall-pubbliku.

Kollezzjoni ta’ pitturi antiki se tkun għall-wiri, fosthom dik tal‑Isqof Pawlu Alpheran de Bussan tal‑artist Francesco Zahra, li reġgħet tqiegħdet fis‑Sala tat‑Tron wara li ġiet restawrata fl‑2017.

Il-palazz imur lura għas-seklu 17 u jinsab fin-naħa t’isfel ta’ Triq l-Arċisqof qrib Misraħ l-Indipendenza. Ser ikun miftuħ mis‑6:30 p.m. sal‑10:30 p.m. u d‑dħul huwa b’xejn. Persuni li għandhom il-karta tad-diżabbiltà jistgħu jaqbżu l-kju biex iżuruh.

Iċ‑ċisterni storiċi bl-għejun tal-ilma fil-Palazz tal-Arċisqof

Produzzjonijiet fil-knejjes

Fil-Knisja tal-Ġiżwiti fi Triq San Pawl se jkun hemm il-kunċert L-Orkestra Għand il-Ġiżwiti fis-7:00 p.m. u fid-9:00 p.m. Fil-Knisja ta’ San Ġakbu fi Triq Melita se jkun hemm The Valletta Recitals fis-7:30 p.m. bil-Malti, u fid-9:00 p.m bl-Ingliż. Jieħdu sehem Jacob Portelli, Dorothy Bezzina u Dorothy Baldacchino. Fil-Knisja ta’ Santa Katerina tal-Italja fi Triq Nofsinhar se jittella’ Barokk għall-Kwiet fis-7:00 p.m. u fid-9:00 p.m. Fil-Knisja tal-Madonna tal-Pilar fi Triq il-Punent, bil-kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta, se jittellgħu rappreżentazzjonijiet teatrali ta’ X-VOTO fis-7:00 p.m., fit-8:00 p.m., fid-9:00 p.m. u fl-10:00 p.m. Fl-Oratorju tal-Konfraternità tal-Madonna tal-Karità, li jinsab maġenb il-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu fi Triq San Pawl, se jsir kunċert ta’ siegħa mużika klassika mis-sopran Rosabelle Bianchi akkumpanjata minn Dr Romina Morrow bit-tastiera u Alex Abela bil-vjolin. Il-kunċert jibda fid-8:45pm. L-Oratorju se jkun miftuħ bejn it-8:00 p.m. u l-10.30 p.m. Il-pubbliku se jkun jista’ japprezza r-restawr tal-pitturi li sar kif ukoll is-sistema moderna tad-dawl.

Il-Palazz tal-Arċisqof

Quddies u attivitajiet oħra waqt Notte Bianca

Fil-Konkatidral ta’ San Ġwann se jkun tours bi gwida kull nofs siegħa bejn is-7:00 p.m. u l-11:30 p.m. li se jipprovdu tagħrif dwar Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann ta’ Caravaggio, ix-xogħol impitter ta’ Mattia Preti u l-kappelli tal-ġnub. Dħul mill-bieb prinċipali. L-attività hi mmirata għall-adulti imma tfal jistgħu jattendu.

Fil-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu fi Triq San Pawl se ssir quddiesa fis-6:00 p.m., adorazzjoni fit-8:30 p.m. mill-Fundazzjoni Kenosis, u quddiesa għaż-żgħażagħ mill-Youth Fellowship fid-9:30 p.m. Id-Domus Pauli, li hu l-mużew tal-parroċċa, se jkun miftuħ għall-pubbliku bejn it-8:00 p.m. u l-10:00 p.m.

Fil-Knisja ta’ Ġieżu fi Triq San Pawl, li bħalissa tinsab armata għall-festa ta’ San Franġisk, se ssir quddiesa fis-6:15 p.m. Wara, il-knisja tibqa’ miftuħa sal-11:00 p.m u l-pubbliku jkun jista’ jżur il-Kurċifiss Mirakoluż u l-qabar tal-Beatu Nazju Falzon. Fil-Knisja tal-Madonna ta’ Liesse f’Telgħet ta’ Liesse se ssir quddiesa fil-5:30 p.m.

Fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin fi Triq l-Ifran se ssir quddiesa fis-7:15 p.m. Wara, l-knisja tibqa’ miftuħa għall-pubbliku sa l-10:30 p.m.

Fis-Santwarju Bażilika Madonna tal-Karmnu fi Triq l-Arċisqof, se jingħad ir-rużarju fis-6:00pm u wara ssir quddiesa fis-6:30 p.m. Mis-7:30 p.m. ’il quddiem fil-portiku tal-knisja se tittella’ Iċ-Ċkejkna Festa, wirja ta’ statwi li jintużaw fil-festi tat-tfal f’diversi lokalitajiet Maltin. Il-wirja mtellgħa mill-Għaqda Festa tal-Madonna tal-Karmnu bis-sehem ta’ diversi parroċċi, każini u kumitati. Fl-Oratorju tal-Arċikonfraternità tal-Madonna tal-Karmnu se tittella’ wkoll wirja fl-okkażjoni tal-400 sena mit-twaqqif tagħha. Il-Knisja tal-Monasteru ta’ Santa Katarina fi Triq ir-Repubblika se tkun miftuħa għat-talb bejn is-7:00 p.m. u d-9:30 p.m. Fil-Knisja ta’ San Franġisk fi Triq ir-Repubblika se ssir quddiesa fil-5:30 p.m. Il-Knisja tal-Madonna tal-Vitorja fi Triq Nofsinhar se tkun miftuħa għall-pubbliku bejn is-6:00 p.m u l-10:00 p.m.

Il-Knisja Griega-Kattolika ta’ Sidtna Marija ta’ Damasku fi Triq l-Arċisqof se tkun miftuħa mis-6.00 p.m. sal-11.00 p.m. Il-pubbliku jkun jista’ jqim żewġ ikoni miġjuba Malta fl-1530 mill-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann. Dawn huma l-ikona tas-seklu 12 ta’ Sidtna Marija ta’ Damasku, li għadha kif ġiet restawrata, u dik ta’ Sidtna Marija tal-Ħniena (Eleimonitria) tas-sekli 12-13. 

Agħfas hawn għal aktar tagħrif.