Pope's blessing Urbi et Orbi

Il-Papa Benedittu Sittax fil-messaġġ tiegħu tal-Milied waqt il-barka ‘Urbi et Orbi’ fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan, appella ghall-waqfien mill-kunflitti. Intant, stqarr li Alla sar bniedem u ġie jgħix fostna. Il-Papa kompla jgħid li Alla mhuwiex ‘il bogħod imma hu qrib. “Alla huwa magħna u mhux xi ħadd li ma nafuhx”.

L-imħabba ta’ Alla magħna tagħti perseverenza lill-komunitajiet insara kollha li jbatu minn diskriminazzjoni u persekuzzjoni, u tispira li l-mexxejja politiċi u reliġjużi biex jimpenjaw ruġhom għar-rispett sħiħ tal-liberta’ reliġjuża ta’ kulħadd.

Il-Papa Benedittu Sittax kompla jgħid li t-twelid tas-Salvatur jiftaħ prospettivi ta’ paċi li ttul u ta’ progress awtentiku lill-popolazzjonijiet tas-Somalja, ta’ Darfur u tal-Kosta tal-Avorju. It-twelid għandu jġib miegħu ‘l quddiem l-istabilita’ politika u soċjali fil-Madagaskar.

Il-Papa kompla jgħid li ċ-ċelebrazzjoni tat-Twelid tal-Feddej issaħħaħ l-ispirtu tal-fidi, ta’ sabar u ta’ kuraġġ fil-fidili tal-Knisja fiċ-Ċina kontinentali sabiex qatt ma jaqtgħu qalbhom minħabba l-limitazzjonijiet tal-liberta’ tagħhom tar-reliġjon u tal-kuxjenza. Huwa kompla jgħid li l-fidili għandhom jipperseveraw fil-fedelta’ tagħhom għal Kristu u għall-Knisja sabiex tibqa’ taqbad il-fjamma tat-tama.

Il-Papa Benedittu tenna li min iħobb irid jaqsam ma’ min iħobb u jixtieq ikun maqgħud ma’ Alla. Huwa kompla jgħid li filfatt l-Kotba Mqaddsa jippreżentawlna proprju l-istorja kbira tal-imħabba ta’ Alla għall-poplu tiegħu.

Il-Papa waqt dan il-messaġġ tal-Milied ta l-awgurju tiegħu lill-poplu Malti.

Il-Papa temm jgħid li bħala fidili għandna nikkontemplaw flimkien dan il-misteru kbir ta’ imħabba. Għandna dejjem inħallu lil qlubna jiġu mdawla bid-dawl ħiereġ mill-grotta ta’ Betlem.