Poland mourning

Il-Papa Benedittu XVI esprima s-sogħba tiegħu għat-traġedja tal-ajru fil-punent tar-Russja li ħasdet il-ħajja tal-President tal-Polonja, il-mara tiegħu, u madwar 95 persuna oħra li kienu abbord it-titjira, inkluż uffiċjali għolja tal-Gvern.

Ftit wara li kien infurmat bl-inċident, il-Papa bagħat messaġġ lill-President tal-Parlament Pollakk li fih esprima s-sogħba għat-telfiet ta’ ħajja ta’ dinjitarji stmati. Il-Papa kellu kliem ta’ solidarjeta mal-familjari tal-vittmi u fada lill-vittmi fil-ħniena divina.

Messaġġ simili esprimieh ukoll fil-ħin tar-reċita tal-Angelus.

Fil-Polonja, intant, illum ikomplu l-jiem ta’ luttu nazzjonali fejn mistenni li jkun espost għall-aħħar tislima tal-pubbliku Pollakk il-ġisem bla ħajja tal-President tal-pajjiż. Dan filwaqt li jum ta’ luttu nazzjonali llum qed jiġi osservat ukoll fir-Russja. Dan wara t-traġedja tal-ajru li rat it-tiġtif tal-ajruplan li fuqu kien hemm il-President u martu u għadd ta’ uffiċjali għolja fil-qasam tad-difiża u figuri pubbliċi għolja oħra tal-pajjiż.

Mas-96 persuna b’kollox kienu fuq it-titjira bl-iskop li jattendu għal servizz ta’ tifkira tal-vittmi Pollakki ta’ massakru fi Smolensk fir-Russja li kien seħħ fi żmien it-tieni gwerra dinjija. Skont investigaturi Russi, hu probabbli li t-tiġrif tal-ajruplan kien ikkawżat minn żball tal-pilota. Huma komplew li jirriżultalhom li l-piloti kienu mwissija mit-torri tal-kontroll li l-ajruplan kien qed jittajjar fil-baxx wisq.

Fil-Polonja, intant, inħatar aġent kap tal-Bank Ċentrali waqt li l-iSpeaker Parlamentari assuma l-kariga Presidenzjali sakemm issir elezzjoni.