Professur tal-Komunikazzjoni Soċjali fl-Universita Pontifiċja tas-Salib Imqaddes f’Ruma qal f’intervista li meta l-pubbliku jkollu l-opportunita li jara u jisma lill-Papa Benedittu XVI live, ikun fil-preżenza tiegħu fil-pubbliku, l-impressjoni hi waħda tajba. Norberto Gonzalez Gaitano, f’intervista ma’ Zenit wara tliet ijiem seminar dwar il-Knisja u l-Komunikazzjoni:l-Identita u d-Djalogu, tkellem dwar ir-riċerka tiegħu u qasam il-ħsibijiet dwar l-opinjoni pubblika kurrenti dwar il-Knisja.
Il-parteċipanti għas-seminar ġew mill-Ewropa, mill-Amerika Latina, mill-Istati Uniti u mill-Afrika. Iltaqgħu flimkien biex jiddiskutu l-esperjenzi u l-istrateġiji ta’ komunikazzjoni għall-Knisja fit-tielet Millenju. Gonzales Gaitano indirizza lill-parteċipanti dwar “l-effett tal-vjaġġi tal-Papa fuq l-opinjoni pubblika”, b’iffukar partikolari fuq il-vjaġġ tal-Papa fl-2008 lejn l-Istati Uniti.
Meta rrapporta dwar ir-riċerka li għamel dwar dan il-vjaġġ, il-professur innota li ż-żjara tal-Papa kienet segwita permezz tal-media minn 84% tal-Amerikani. Iktar minn 60% tal-Amerikani kellhom opinjoni favorevoli tal-Papa. 17% ma kellhomx. Aktar minn hekk, 61% tat-total qalu li ż-żjara marret lil hinn mill-aspettattivi li kellhom.
Il-professur Gaitano huwa wkoll konsulent għall-Kunsill Pontifiċju tal-Komunikazzjonijiet Soċjali u Direttur tas-sit internet www.familyandmedia.eu .
L-intervista sħiħa tinstab fuq www.zenit.org