Il-Papa Benedittu XVI indirizza lill-parteċipanti tal-15-il seminar dinji għall-Kappillani kattoliċi membri fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili, seminar organizzat mill-Kunsill Pontifiċju għall-Kura Pastorali tal-Migranti u dawk li jkunu jivjaġġaw. It-tema tas-seminar li sar f’Ruma kienet “L-Evanġelizzazzjoni l-ġdida fil-qasam tal-Avjazzjoni Ċivili”.
Il-Kap tal-Knisja nnota li l-Kappillani waqt is-seminar kienu qegħdin jirriflettu dwar metodi ġodda u forom ġodda ta’ evanġelizzazzjoni f’dan il-ministeru afdat lilhom.
“Kunu dejjem konxji li intom imsejħin tinfiltraw fl-ajruporti tad-dinja kollha l-missjoni tal-Knisja li twassal ‘l Alla lill-bniedem, u lill-bniedem biex jiltaqa’ ma’ Alla”, qal. Fi kliemu, “l-ajruporti huma postijiet li kulma jmur jirriflettu dejjem iżjed varjeta usa ta’ nazzjonalitajiet, kulturi, reliġjonijiet, status soċjali u etajiet differenti. Il-komunitajiet fi ħdanhom jirriflettu kif il-kriżi tal-fidi tolqot lil ħafna nies, bir-riżultat li l-kontenut tad-duttrina nisranija u l-valuri li tgħallem ma baqgħux punt ta’ referenza, anki f’pajjiżi bi tradizzjoni twila ta’ ħajja ekkleżjali”.
Benedittu XVI jissokta li “dan hu l-ambjent uman u spiritwali li fih intom il-Kappillani msejħin tipproklamaw il-Bxara t-tajba, bil-kelma tagħkom, bil-preżenza kif ukoll bl-eżempju u x-xiehda tagħkom. Permezz tal-ħajja nisranija u saċerdotali tagħkom, hu ttamat li kull individwu jħoss l-esperjenza tal-imħabba t’Alla li tiġbdu lejn tiġdid fir-relazzjoni tiegħu ma’ Ġesu, speċjalment bit-talb”.