Il-Kap tal-Knisja Kattolika qed jitlob għall-poplu kollha tal-Kolumbja, speċjalment għaldawk fil-miltar u fil-pulizija, kif ukoll għan-nies ċivili li qed jinħatfu.Dan immaterjalizza f’messaġġ maħruġ f’isem il-Papa mis-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Tarcisio Bertone. Il-messaġġ ixxandar f’Konferenza tal-Aħbarijiet u nqara mis-Segretaju Ġenerali tal-Konferenza tal-Isqfijiet tal-Kolombja, l-Isqof Juan Vicente Cordoba. Il-Papa appella għad-djalogu immedjat u għall-konverżjoni ta’ dawk li qed iwettqu l-ħtif. Qal li qed jitlob biex fil-pajjiż tgħammar il-paċi.

Papa Ratsinger assigura s-solidarjeta, anki spiritwali, tiegħu mal-familji kollha li qed isofru minn ħtif tal-għeżież tagħhom. Aċċertahom li se jibqa’ jagħmel dak kollu possibbli biex iwassal il-messaġġ tiegħu kontra din is-sofferenza kkaġunata minn min ma jista’ bl-ebda mod jiġġustifika għemilu. Fisser li mhemm ebda ġustifikazzjoni soċjali jew saħansitra politika għal dan il-ħtif.

L-Episkopat Kolumbjan, b’reazzjoni, appella lil dawk kollha ta’ rieda tajba sabiex fl-ispirtu tal-Milied, iżommu f’talbhom lill-vittmi tal-ħtif . L-Isqof Cordoba offra wkoll li jservi fir-rwol ta’ medjatur jew inkella li jiffaċilita d-djalogu bejn il-gruppi armati u l-Istat, bil-għan li jingħelbu d-differenzi u ż-żewġ naħat jimxu id f’id lejn sitwazzjoni fejn il-ħtif jitwaqqaf immedjatament.

Skont ċifri tal-Ministeru Kolumbjan tad-Difiża, is-sena li għaddiet inħatfu iżjed persuni mis-snin ta’ qabel, bl-għadd jerġa jikklassifika bħala allarmanti, wara snin fejn kien irreġistrat tnaqqis.