“Ejja nagħtu merħba xierqa lill-Papa, raġel ta’ djalogu, paċi u ġustizzja. Iż-żjara tiegħu f’pajjiżna għandha ssaħħaħ il-valuri li s-soċjeta tagħna teħtieġ”. Dan l-appell sar mill-Arċisqof Maronita ta’ Ċipru, Youssef Soueif, li huwa l-koordinatur ġenerali taż-żjara għall-komunita Kattolika Ċiprijotta. Iż-żjara tal-Papa se ssir bejn l-4 u s-6 ta’ Ġunju.
Meta tkellem dwar it-tħejjijiet għal din iż-żjara, Youssef Soueif qal li “l-aspettattivi huma kbar, kif rifless fl-eċċitament u l-entużjażmu. Involvejna direttament lill-parroċċi fit-tħejjijiet għal din l-attivita li nemmnu li għal tliet ijiem sħaħ se tagħmel l-aħbarijiet madwar id-dinja”.
Iktar minn hekk indika li teżisti l-ħtieġa ta’ għajnuna speċjalment fil-kamp taż-żgħażagħ. “Jinħtieġu żgħażagħ biex jgħinu lil dawk li ġejjin għaċ-ċelebrazzjonijiet.” Mons Soueif antiċipa li huma mistennija jattendu mas-6,000 persuna fl-iskola primarja ta’ San Maron f’Nicosia fil-5 ta’ Ġunju; mas-6,500 fil-faċilitajiet sportive ta’ Elefteria f’Nicosia l-għada; minbarra l-eluf li se jkunu qed isegwu kollox fuq big screens armati apposta fuq barra. Mal-4000 huwa stmat li se jkunu qed jattendu għaċ-ċerimonja ekumenika fis-sit arkeoloġiku tal-Knisja f’Paphos.
Appell simili sar mill-Knisja Ortodossa Ċiprijotta. L-Arċisqof Maronita temm jgħid li tul iż-żjara “se ngħixu esperjenza ta’ multikultura fejn il-kattoliċi, l-Ortodossi u l-Musulmani se jgħixu u jaqsmu l-ġrajja flimkien minkejja d-differenzi reliġjużi ta’ bejniethom”.