Fl-aħħar vers tal-Evanġelju li għadna kemm smajna, Ġesù jagħmel stqarrija li timliena bit-tama u fl-istess waqt iġġagħalna nirriflettu. Hu jgħid lid-dixxipli: “L-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom” (Ġw 14:26). Jolqtuna dan il-“kollox” u d-“dak kollu”; u nistaqsu: f’liema sens l-Ispirtu jagħti lil min jirċevih dan l-għrfien ġdid u sħiħ? Mhijiex kwistjoni ta’ kwantità u lanqas kwistjoni akkademika: Alla ma jridx jagħmel minna enċiklopediji, jew studjużi. Le. Hi kwistjoni ta’ kwalità, ta’ perspettiva, ta’ xamma. L-Ispirtu jurina kollox b’mod ġdid, skont il-ħarsa ta’ Ġesù. Jien inħobb nesprimiha hekk: fil-mixja kbira tal-ħajja, hu jgħallimna mnejn għandna nitilquliema toroq nieħdu u kif għandna nimxu. Hemm l-Ispirtu li jgħidilna mnejn għandna nitilqu, liema triq naqbdu u kif nimxu, l-istil ta’ “kif nimxu”.

Qabelxejn: mnejn nitilqu. Fil-fatt, l-Ispirtu jurina l-punt tat-tluq tal-ħajja spiritwali. Liema hu? Jitkellem dwaru Ġesù fl-ewwel vers ċkejken tal-lum, fejn jgħid: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi” (v. 15). Jekk tħobbuni, ħarsu: din hija l-loġika tal-Ispirtu. Aħna spiss naħsbu bil-maqlub: jekk inħarsu, inħobbu. Aħna mdorrijin naħsbu li l-imħabba ġejja essenzjalment minn kemm aħna nosservaw, kemm aħna bravi, kemm aħna reliġjużi. Imma l-Ispirtu jfakkarna li, mingħajr l-imħabba fil-bażi, il-bqija kollox hu għalxejn. U li din l-imħabba ma titwilidx tant mill-ħiliet tagħna, din l-imħabba hija don tiegħu. Hu jgħallimna nħobbu, u jeħtieġ nitolbuh dan id-don. Huwa l-Ispirtu tal-imħabba li jqiegħed fina l-imħabba, u hu li jagħmel li nħossuna maħbuba u jgħallimna nħobbu. Huwa hu l-“mutur” – biex ngħidu hekk – tal-ħajja spiritwali tagħna. Huwa hu li jċaqlaq kollox ġewwa fina. Imma jekk ma nibdewx mill-Ispirtu u mal-Ispirtu jew permezz tal-Ispirtu, it-triq ma nistgħux nimxuha.

Huwa stess ifakkarhulna dan, għaliex hu l-memorja ta’ Alla, hu Dak li jfakkarna fil-kliem kollu ta’ Ġesù (ara v. 26). U l-Ispirtu s-Santu hu memorja attiva, li tqabbad u terġa’ tkebbes l-imħabba ta’ Alla fil-qalb. Aħna doqna l-preżenza tiegħu fil-maħfra tad-dnubiet, meta ġejna mimlija bil-paċi tiegħu, bil-libertà tiegħu, bil-faraġ tiegħu. Huwa essenzjali li nżommu ħajja din il-memorja spiritwali. Aħna dejjem niftakru fil-ħwejjeġ li mhumiex sew: spiss jidwi fina dak il-leħen li jfakkarna fil-fallimenti u f’kemm m’aħniex kapaċi, u jgħidilna: “Ara, waqgħa oħra, delużjoni oħra, qatt m’int ħa tasal, m’initx kapaċi”. Dan huwa ritornell ikrah u kiefer. Imma l-Ispirtu s-Santu jfakkarna ħaġa oħra: “Waqajt? Imma int iben. Waqajt? Int bint ta’ Alla, int ħlejqa unika, magħżula, prezzjuża; waqajt, imma int dejjem maħbub u maħbuba: imqar jekk tlift il-fiduċja fik innifsek, Alla jafda fik!”. Din hija l-memorja tal-Ispirtu, dik li l-Ispirtu jfakkarna kontinwament: Alla jiftakar fik. Ħa titlef int il-memorja ta’ Alla, imma tiegħek Alla ma jitlifha qatt: kontinwament jiftakar fik.

Imma int tista’ toġġezzjona: kliem sabiħ, imma jien għandi wisq problemi, ġrieħi u tħassib li mhux ħa jissolvew b’konsolazzjonijiet faċli! Tajjeb, hu proprju hemm li l-Ispirtu qed jitolbok tħallih jidħol. Għaliex hu, il-Konsolatur, hu spirtu ta’ fejqan, hu Spirtu ta’ qawmien u jista’ jibdel dawk il-ġrieħi li qed jaħarquk minn ġewwa. Hu jgħallimna biex ma naqtgħux barra t-tifkiriet tal-persuni u tas-sitwazzjonijiet li weġġgħuna, imma nħallu l-preżenza tiegħu tidħol tgħammar fihom. Hekk għamel mal-Appostli u mal-fallimenti tagħhom. Kienu abbandunaw lil Ġesù qabel il-Passjoni, Pietru kien ċaħdu, Pawlu kien ippersegwita lill-Insara: kemm żbalji, kemm sens ta’ ħtija! U aħna, naħsbu fl-iżbalji tagħna: kemm żbalji, kemm sens ta’ ħtija! Waħidna ma konniex sa nsibu kif ħa noħorġu minn dan l-isqaq. Waħidna le; bil-Konsolatur magħna, iva. Għax l-Ispirtu jfejjaq it-tifkiriet: ifejjaq it-tifkiriet. Kif? Billi jqiegħed fuq nett tal-lista dak li jiswa tassew: it-tifkira tal-imħabba ta’ Alla, il-ħarsa tiegħu fuqna. Hekk ipoġġi kollox fl-ordni fil-ħajja: jgħallimna nilqgħu lil xulxin, jgħallimna naħfru, naħfru lilna nfusna. Mhuwiex faċli naħfru lilna nfusna: l-Ispirtu jgħallimna din it-triq, jgħallimna nirrikonċiljaw mal-imgħoddi tagħna. Biex nibdew mill-ġdid.

Barra li jfakkarna fil-punt tat-tluq, l-Ispirtu jgħallimna liema toroq nieħdu. Ifakkarna fil-punt tat-tluq, imma issa jgħallimna liema triq naqbdu. Dan nifhmuh mit-Tieni Qari, fejn San Pawl ifisser li dawk li “jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla” (Rum 8:14) “jgħixu skont l-Ispirtu u mhux skont il-ġisem” (v. 4). L-Ispirtu, fi kliem ieħor, fi slaleb it-toroq tal-ħajja, jissuġġerilna l-aħjar triq li għandna naqbdu. Għalhekk importanti nkunu nafu ngħarblu l-leħen tiegħu minn dak tal-ispirtu tal-ħażen. It-tnejn ikellmuna: irridu nitgħallmu nagħmlu dixxerniment biex nifhmu fejn hu l-leħen tal-Ispirtu, biex nagħrfuh u nimxu t-triq, nimxu mal-ħwejjeġ li qed jgħidilna hu.

Ħa nagħtu xi eżempji: l-Ispirtu s-Santu qatt mhu ħa jgħidlek li fil-mixja tiegħek kollox sejjer sew. Qatt mhu ħa jgħidlek hekk, għax mhux veru. Le, hu jikkoreġik, iwasslek anki biex tibki dnubietek; jixprunak biex tinbidel, biex teħodha mal-qerq u l-wiċċ b’ieħor tiegħek, imqar jekk dan jitlob ħafna taħbit, ġlieda interjuri u sagrifiċċju. Imma l-ispirtu l-ħażin iridek tagħmel dejjem dak li jogħġbok u li jidhirlek; iwasslek biex temmen li għandek dritt tuża l-libertà tiegħek kif jidhirlek int. Imma mbagħad, meta tibqa’ bil-vojt ġewwa fik – kemm hi ħaġa kerha, din l-esperjenza li tħossok vojt minn ġewwa: ħafna minna għaddejna minnha! –, u int, meta tibqa’ bil-vojt minn ġewwa, hu jakkużak: l-ispirtu l-ħażin jixlik, isir l-akkużatur, u jixħtek mal-art, jeqirdek. L-Ispirtu s-Santu, li tul il-mixja jikkoreġik, qatt mhu ħa jitilqek mal-art, qatt, imma jaqbadlek idek, ifarrġek u dejjem jinkuraġġik.

Mill-ġdid, meta tara li qed tħossok inkwetat bi mrar, pessimiżmu u ħsibijiet ta’ dwejjaq – kemm drabi waqajna f’dan! –, meta jseħħu dawn il-ħwejjeġ, tajjeb tkun taf li dan qatt ma hu ġej mill-Ispirtu s-Santu. Qatt: l-imrar, il-pessimiżmu, il-ħsibijiet ta’ dwejjaq ma jiġux mill-Ispirtu s-Santu. Jiġu mill-ħażin, li jħossu komdu fin-negattività u spiss jinqeda b’din l-istrateġija: ikabbar l-intolleranza, il-vittimiżmu, iġagħlek tħoss il-bżonn li toqgħod tibki lilek innifsek – kerha, din li toqgħod tibki lilek innifsek, imma kemm drabi… –, u mal-bżonn li toqgħod tibki lilek innifsek il-bżonn li tirreaġixxi għall-problemi billi toqgħod tikkritika, u tixħet il-ħtija kollha fuq l-oħrajn. Dan jagħmilna nervużi, suspettiżi u dejjem ingergru. It-tgergir, dan hu proprju l-lingwaġġ tal-ispirtu ħażin: iwasslek biex toqgħod tgerger, li dejjem hija ħaġa kerha, bi spirtu ta’ korteo funebri. It-tgergir… Bil-maqlub ta’ dan, l-Ispirtu s-Santu jistedinna biex ma nitilfu qatt il-fiduċja u biex nerġgħu nibdew mill-ġdid: qum!, qum! Dejjem jagħmillek il-qalb: qum! U jaqbadlek f’idek: qum! Kif? Billi nkunu aħna l-ewwel li nagħmlu xi ħaġa, mingħajr ma noqogħdu nistennew li jibda ħaddieħor. U mbagħad billi nwasslu lil kull min niltaqgħu miegħu tama u ferħ, u mhux tgergir; biex ma ngħiru qatt għall-oħrajn, qatt! L-għira hija l-bieb li minnu jidħol l-ispirtu ħażin, dan tgħidu l-Bibbja: minħabba fl-għira tax-xitan il-ħażen daħal fid-dinja. M’għandna qatt ngħiru, qatt! L-Ispirtu s-Santu jġiblek il-ġid, imma jwasslek biex tifraħ bis-suċċessi tal-oħrajn: “Kemm hi ħaġa sabiħa! Imma, kemm hi ħaġa sabiħa li dan mar tajjeb…”.

Barra minn hekk l-Ispirtu s-Santu hu konkret, mhuwiex idealista: iridna kkonċentrati fuq l-hawn u issa, għax il-post fejn qegħdin u ż-żmien li qed ngħixu fih huma l-postijiet tal-grazzja. Il-post tal-grazzja hu l-post konkret tal-lum: hawn, issa. Kif? Mhumiex il-fantasiji li aħna nistgħu noqogħdu nimmaġinaw, u l-Ispirtu jwasslek għall-konkret, dejjem. Imma l-ispirtu tal-ħażen jaqlagħna minn hawn u minn issa, u bil-ħsieb tagħna jeħodna band’oħra: spiss jankrana fil-passat, fis-sogħba għal dak li għadda, fin-nostalġija, f’dak li l-ħajja ma tatniex. Inkella jipproġettana lejn il-futur, irewwaħ biżgħat, illużjonijiet, tamiet foloz. L-Ispirtu s-Santu le, iwassalna biex inħobbu hawn u issa, fil-konkret: mhux xi dinja ideali, Knisja ideali, mhux kongregazzjoni reliġjuża ideali, imma dik li hawn, għad-dawl tax-xemx, fit-trasparenza, fis-sempliċità. X’differenza mill-ħażin, li jrewwaħ il-ħwejjeġ li jingħadu wara d-dahar ta’ xulxin, it-tqassis, is-seksik! Is-seksik hu drawwa kerha, li teqred l-identità tal-persuni.

L-Ispirtu jridna flimkien, iwaqqafna bħala Knisja u llum – dan hu t-tielet u l-aħħar aspett – jgħallem lill-Knisja kif għandha timxi. Id-dixxipli kienu mistoħbija fiċ-Ċenaklu, imbagħad l-Ispirtu niżel u ħariġhom minn hemm. Mingħajr l-Ispirtu kienu magħluqin f’xulxin, bl-Ispirtu nfetħu għal kulħadd. F’kull żmien, l-Ispirtu jaqleb ta’ taħt fuq l-iskemi tagħna u jiftaħna għall-ġdid tiegħu. Hemm il-ġdid ta’ Alla dejjem, li hu l-ġdid tal-Ispirtu s-Santu; dejjem jgħallem lill-Knisja l-ħtieġa vitali li toħroġ, il-bżonn fiżjoloġiku li tħabbar, li ma tibqax magħluqa fiha nfisha: li ma tkunx merħla li ssaħħaħ iċ-ċint, imma mergħa miftuħ biex kulħadd jista’ jitrejjaq mill-ġmiel ta’ Alla; jgħallimna nkunu dar li tilqa’ mingħajr ħitan diviżorji. Imma l-ispirtu mondan jagħfas fuqna biex nikkonċentraw biss fuq il-problemi tagħna, fuq l-interessi tagħna, fuq il-bżonn li nidhru rilevanti, fuq il-ħarsien determinat tal-appartenenzi nazzjonali tagħna u bħala grupp. L-Ispirtu s-Santu le: jistedinna ninsew lilna nfusna, biex ninfetħu għal kulħadd. U hekk iżomm lill-Knisja żagħżugħa. Attenti: hu jżommha żagħżugħa, mhux aħna. Aħna naraw kif ħa nirtukkjawha xi ftit: dak għalxejn. Hu li jżommha żagħżugħa. Għax il-Knisja ma nistgħux nipprogrammawha aħna u l-proġetti tagħna biex nimmodernizzawha mhumiex biżżejjed. Hemm l-Ispirtu li jeħlisna mill-ossessjoni tal-urġenzi u jistedinna nimxu fit-toroq qodma u dejjem ġodda, dawk tax-xhieda, it-toroq tax-xhieda, it-toroq tal-faqar, it-toroq tal-missjoni, biex jeħlisna minna nfusna u jibgħatna fid-dinja.

L-Ispirtu s-Santu hu konkret, mhuwiex idealista: iridna kkonċentrati fuq l-hawn u issa, għax il-post fejn qegħdin u ż-żmien li qed ngħixu fih huma l-postijiet tal-grazzja

U fl-aħħar – il-biċċa kurjuża – l-Ispirtu s-Santu hu l-awtur tal-qasma, anki tal-istorbju, ta’ ċertu diżordni. Aħsbu ftit fl-għodwa ta’ Għid il-Ħamsin: l-awtur joħloq qasma ta’ lingwi, ta’ atteġġjamenti… xi storbju dak! Imma fl-istess waqt, huwa l-awtur tal-armonija. Jaqsam bil-firxa wiesgħa ta’ kariżmi, imma qasma finta, għax il-vera qasma tidħol fl-armonija. Hu jaqsam bil-kariżmi u hu jagħmel l-armonija b’dan il-qsim kollu, u dan hu l-għana tal-Knisja.

Ħuti, ejjew nidħlu fl-iskola tal-Ispirtu s-Santu, biex jgħallimna kull ħaġa. Nitolbuh ta’ kuljum, biex ifakkarna nitilqu mill-ġdid dejjem mill-ħarsa ta’ Alla fuqna, biex niċċaqilqu fl-għażliet tagħna billi nisimgħu leħnu, biex nimxu flimkien, bħala Knisja, doċli għalih u miftuħa għad-dinja. Hekk ikun.


Regina Caeli

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb, il-Ħadd it-tajjeb!

U llum il-festa t-tajba wkoll, għax illum niċċelebraw is-solennità ta’ Penetecoste. Niċċelebraw it-tiswib tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli, li seħħ ħamsin jum wara l-Għid. Ġesù kien wiegħed dan kemm-il draba. Fil-Liturġija tal-lum l-Evanġelju jtina waħda minn dawn il-wegħdiet, meta lid-dixxipli Ġesù qalilhom: “L-Ispirtu s-Santu li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox, u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom jien” (Ġw 14:26). Dan jagħmel l-Ispirtu: jgħallem jfakkar dak kollu li qal Kristu. Nirriflettu fuq dawn iż-żewġ azzjonijiet, it-tagħlim l-fakra, għax b’hekk Hu jnissel fi qlubna l-Evanġelju ta’ Ġesù.

Qabel xejn l-Ispirtu s-Santu jgħallem. B’hekk Hu jgħinna negħlbu kull ostaklu li jinqalgħalna fl-esperjenza tal-fidi: dak tad-distanza. Hu jgħinna negħlbu l-ostklu tad-distanza fl-esperjenza tal-fidi. Infatti jista’ jqum id-dubju li bejn l-Evanġelju u l-ħajja ta’ kuljum hemm distanza kbira: Ġesù għex elfejn sena ilu, kien żmien ieħor, sitwazzjonijiet oħra, u għalhekk l-Evanġelju donnu li għadda żmienu, donnu li m’għadux addattat għall-illum tagħna bl-esiġenzi u l-problemi tiegħu.  in il-mistoqsija tqum lilna wkoll: x’jista’ jgħidilna l-Evanġelju fl-epoka tal-internet, fl-epoka tal-globalizzazzjoni? Kif tista’ tinfidna l-kelma tiegħu?

Nistgħu ngħidu li l-Ispirtu s-Santu hu speċjalista biex iqarreb id-distanzi, Hu jaf iqarribhom; jgħallimna negħlbuhom. Hu li jgħaqqad it-tagħlim ta’ Ġesù ma’ kull żmien u ma’ kull persuna.  Bih, kliem Kristu mhumiex tifkira, le: bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu kliem Kristu jieħu l-ħajja, illum! L-Ispirtu jagħtihom il-ħajja għalina: permezz tal-Iskrittura jkellimna u jorjentana fil-preżent. L-Ispirtu s-Santu ma jibżax mill-mixja tas-sekli; anzi, lil min jemmen, jagħmlu aktar attent għall-ġrajjiet ta’ żmienu. Infatti, l-Ispirtu s-Santu, meta jgħallem, iwettaq: il-fidi jżommha dejjem żagħżugħa. Aħna nirriskjaw li l-fidi nirrenduha xi ħaġa ta’ mużew; dan hu r-riskju! Iżda Hu jmexxiha maż-żmien, dejjem aġġornata, il-fidi aġġornata: dan hu xogħlu. Għax l-Ispirtu mhux marbut ma’ epoki jew modi li jgħaddu, imma jġib miegħu l-attwalità ta’ Ġesù, imqajjem u ħaj.

Noqogħdu attenti biex ma nsirux Insara bla memorja. Ir-rimedju hu li ninvokaw lill-Ispirtu s-Santu

U b’liema mod jagħmlu dan l-Ispirtu? Billi jfakkarna. Dan hu t-tieni verb, jerġa’ jfakkar. Xi tfisser ifakkar? Ifakkar ifisser li jerġa’ jnissel fil-qalb, mill-ġdid: l-Ispirtu jerġa’ jirfed qlubna bl-Evanġelju. Jiġrilna bħall-Appostli: kienu semgħu lil Ġesù tant drabi, madankollu ftit kienu fehmuh. Lilna jiġrilna l-istess. Imma mill-Pentekoste ‘l hemm, bil-qawwa tal-Ispirtu, jiftakru u jifhmu. Jilqgħu kliemu qisu magħmul apposta għalihom u minn għarfien tal-qoxra, minn għarfien ta’ memorja, jimxu lejn relazzjoni konvinta, ferrieħa, mal-Mulej. Hu l-Ispirtu li jagħmel dan, li minn “dak li smajna” jmexxina lejn l-għarfien personali ta’ Ġesù, jidħol fi qlubna. Hekk l-Ispirtu jibdlilna ħajjitna: jara li ħsibijiet Ġesù jsiru wkoll ħsibijietna. U dan jagħmlu billi jfakkarna kliemu, billi llum, jinfed qlubna bi kliem Ġesù.

Ħuti, mingħajr l-Ispirtu li jfakkarna f’Ġesù, il-fidi titlef il-memorja. Bosta drabi l-fidi ssir tifkira bla memorja: iżda l-memorja hi ħajja u l-memorja ħajja jtihielna l-Ispirtu. U aħna – nippruvaw insaqsu lilna nfusna – aħna Nsara bla memorja? Forsi biżżejjed kuntrarju wieħed, xi ftit għejja, kriżi, biex ninsew l-imħabba ta’ Ġesù u naqgħu fid-dubju u l-biżgħat tagħna? Gwaj! Noqogħdu attenti biex ma nsirux Insara bla memorja. Ir-rimedju hu li ninvokaw lil-Ispirtu s-Santu. Nagħmlu dan spiss, speċjalment fil-waqtiet importanti, qabel xi deċiżjoni diffiċli u f’sitwazzjonijiet imwiegħra. Naqbdu l-Evanġelju f’idejna u ninvokaw l-Ispirtu. Nistgħu ngħidu hekk: “Ejja Spirtu s-Santu, fakkarni f’Ġesù, dawwalli qalbi”. Talba sabiħa din: “Ejja Spirtu s-Santu, fakkarni f’Ġesù, dawwalli qalbi”. Ngħiduha flimkien? “Ejja Spirtu s-Santu, fakkarni f’Ġesù, dawwalli qalbi”. Imbagħad niftħu l-Evanġelju u naqraw silta qasira, bil-mod. U l-Ispirtu jkellem lil ħajjitna permezz tagħha.

Il-Verġni Marija, mimlja bl-Ispirtu s-Santu, tkebbes fina x-xewqa li nitolbuh u nilqgħu l-Kelma t’Alla.


Wara r-Regina Caeli

Għeżież ħuti,

Nhar il-Pentekoste l-ħolma t’Alla dwar l-umanità ssir realtà; ħamsin jum wara l-Għid, popli li kienu jitkellmu b’ilsna differenti, jiltaqgħu u jifhmu lil xulxin. Imma issa, wara mitt jum minn mindu bdiet l-aggressjoni armata fl-Ukrajna, l-inkubu tal-gwerra reġa’ ħakem lill-umanità mill-ġdid, il-gwerra li hi n-negazzjoni tal-ħolma ta’ Alla: popli li jitqabdu bejniethom, popli li joqtlu lil xulxin, nies li minflok jersqu lejn xulxin, ikunu mkeċċijin minn djarhom. U filwaqt li l-furja tal-qerda u tal-mewt issaltan u l-pożizzjonijiet opposti jiħraxu, ikebbsu escalation dejjem aktar perikoluża għal kulħadd, inġedded l-appell lil min hu responsabbli min-nazzjonijiet: jekk jogħġobkom twasslux lill-umanità għar-rovina! Tirvinawx lill-umanità jekk jogħġobkom. Ibdew negozjati veri, trattattivi konkreti biex jissikktu l-armi u biex ikun hemm soluzzjoni sostenibbli. Isimgħu l-għajta ddisprata tan-nies li qed isofru – naraw dan kuljum fuq il-mezzi tal-komunikazzjoni – irrispettaw il-ħajja umana u waqqfu l-qerda makabra ta’ bliet u villaġġi fil-lvant tal-Ukrajna. Jekk jogħġobkom, inkomplu nitolbu u nimpenjaw ruħna favur il-paċi, bla negħjew!

Ilbieraħ f’Beirut kienu beatifikati żewġ patrijiet Kapuċċini Minuri, Leonardo Melki u Tommaso Giorgio Saleh, saċerdoti u martri, maqtulin għall-mibegħda lejn il-fidi fit-Turkija, fl-1915 u fl-1917 rispettivament. Dawn iż-żewġ missjunarji mil-Libanu, f’kuntest ostili, taw prova tal-fiduċja samma li kellhom f’Alla u ta’ għotja sħiħa għall-proxxmu. Jalla l-eżempju tagħhom isaħħaħ ix-xhieda Nisranija tagħna. Kienu żgħażagħ, kellhom anqas minn 35 sena.  Applaws lill-Beati l-ġodda!

Sirt naf b’sodisfazzjon li l-waqfien mill-ġlied fil-Yemen iġġedded għal xahrejn oħra. Grazzi lil Alla u likom. Nawgura li dan is-sinjal ta’ tama jkun pass ieħor biex jitwaqqaf il-kunflitt imdemmi li ħoloq waħda mill-aktar kriżijiet umanitarji koroh ta’ żmienna. Jekk jogħġobkom, ma ninsewx naħsbu fit-tfal tal-Yemen: ġuħ, qerda, nuqqas ta’ tagħlim, nuqqas ta’ kollox. Niftakru fit-tfal!

Nixtieq niżgura lill-vittmi tat-tiġrif li ġabet ix-xita torrenzjali li kien hemm fir-reġjun metropolitan ta’ Recife fil-Brażil, li qed nitlob għalihom.

Insellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini! Insellem lill-assoċjazzjoni Avvocatura in Missione, lill-membri tal-Moviment Internazzjonali Riconċiljazzjoni u l-Moviment Non-Vjolenti; lill-grupp tal-iscouts Franċiżi St Loius, lis-Soċjetà San Viċenz de Paul u l-fraternità Evangelii Gaudium. Insellem lill-fidili minn Piacenza d’Adige, il-kor minn Castelfidardo, liż-żgħażagħ minn Pollone u lil dawk min Cassina de’ Pecchi – niftakar meta żort dawk il-postijiet snin ilu, lill-pellegrini mis-Santwarji Antoniani minn Camposamperio u liċ-ċiklisti minn Sarcedo u nsellem ukoll liż-żgħażagħ tal-Immacolata.

Nesprimi l-qrubija tiegħi lejn is-sajjieda, niftakru fis-sajjieda li minħabba l-għoli tal-fuel qed jirriskjaw li jieqfu mix-xogħol; u nestendiha wkoll lejn il-kategoriji kollha tal-ħaddiema li qed isofru bil-kbir minħabba l-konsegwenzi tal-kunflitt fl-Ukrajna.

Jien nitlob għalikom u intom itolbu għalija. Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. L-ikla t-tajba u arrivederci!

Sors: laikos.org