Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum l-Evanġelju jkellimna dwar Ġesù li lill-Appostli jgħidilhom: “Ma nsejħilkomx qaddejja, imma ħbieb” (cfr Ġw 15,15)  Xi jfisser dan?

Fil-Bibbja “il-qaddejja” t’Alla huma persuni speċjali, li lilhom Hu jafdalhom missjonijiet importanti, bħal, per eżempju, Mosè (cfr Eż 14,31), ir-Re David (cfr 2 Sam 7,8), il-Profeta Elija (cfr Re 18,36), sal-Verġni Marija (cfr Lq 1,38).  Huma persuni li Alla jqiegħed f’idejhom it-teżori tiegħu (cfr Mt 25,21).  Iżda dan mhux biżżejjed, skond Ġesù, biex jispjega x’aħna għalih, mhux biżżejjed, hemm bżonn aktar, xi ħaġa akbar, li tmur ‘lil hinn mill-ġid u l-proġetti: hemm bżonn il-ħbiberija.

Sa minn tfulitna nitgħallmu kemm hi sabiħa din l-esperjenza: lill-ħbieb noffrulhom il-ġugarelli u l-isbaħ rigali; meta nikbru, insiru adoloxxenti, nafdawlhom l-ewwel sigrieti tagħna; meta aħna żgħażagħ noffru l-lealtà; bħala adulti naqsmu s-sodisfazzjonijiet tagħna u t-tħassib; meta nixjieħu naqsmu t-tifkiriet, ir-riflessjonijiet u s-silenzji ta’ jiem twal.  Il-Kelma t’Alla, fil-Ktieb tal-Proverbji tgħidilna “Il-fwieħa u l-inċens iferrħu l-qalb, u l-ħlewwa ta’ ħabib hena tar-ruħ”(27,9).  Niftakru ftit fi sħabna u niżżu ħajr lill-Mulej!  Ftit ħin biex tiftakru fihom….

Il-ħbiberija mhix frott il-kejl u lanqas obbligu: tinbet spontanjament meta fl-ieħor naraw xi ħaġa li hi tagħna. U jekk tkun minnha, il-ħbiberija tkun tant qawwija li ma tiġix nieqsa lanqas quddiem it-tradiment.  “Il-ħabib iħobbok f’kull ħin” (Prov 17,17) – jafferma mill-ġdid il-Ktieb tal-Proverbji -, kif jurina Ġesù meta lil Ġuda li ttradieh b’bewsa qallu: “Ħabib, għalhekk ġejt int?” (Mt 26,50).  Ħabib veru ma jabbandunakx lanqas meta tiżbalja: jikkoreġik, forsi jċanfrek, imma jaħfrilek u ma jabbandunakx.

U llum, fl-Evanġelju jgħidilna li għalih aħna propju dan, ħbieb: persuni ‘lil hinn minn kull mertu, u kull stennija, li jnewlilna idu u joffrielna mħabbtu, il-Grazzja tiegħu, Kelmtu; li bihom – magħna, ħbiebu – jaqsam dak kollu li hu għażiż għalih, dak kollu li sema’ mingħand il-Missier (cfr Ġw 15,15).  Sa ma jsir dgħajjef għalina u jintelaq f’idejna bla ma jiddefendi ruħu u bla pretensjonijiet, għax jgħożżna.  Aħna l-għożża tal-Mulej, bħalma ħabib irid il-ġid tagħna u jridna nkunu sehem mill-ġid tiegħu.

U allura nistaqsu: liema wiċċ tal-Mulej nara jiena?  Il-wiċċ ta’ ħabib jew ta’ xi barrani?  Inħossni maħbub minnu qisni persuna għażiża għalih?  U liema hu l-wiċċ ta’ Ġesù li jien nagħti xhieda tiegħu lill-oħrajn, speċjalment lil dawk li jiżbaljaw jew jeħtieġu l-maħfra?

Il-Madonna tgħinna nseddqu l-ħbiberija tagħna ma’ Binha u biex nifirxuha madwarna.

Sors: laikos.org