Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb u l-festa t-tajba!

Ilbieraħ iċċelebrajna t-Twelid tal-Mulej u biex tgħinna nilqgħuh aħjar, il-Liturġija ttawwal il-festa sal-1 ta’ Jannar: għal tmint ijiem.  Sorprendentement, però, f’dawn l-istess jiem jitfakkru xi figuri drammatiċi ta’ qaddisin martri.  Per eżempju, illum San Stiefnu, l-ewwel martri nisrani; u pitgħada l-Qaddisin Innoċenti, it-tfal li nqatlu minn Erodi għax beża’ li Ġesù kien se joħodlu t-tron (cfr Mt 2,1-18).  Insomma, il-Liturġija donna trid tbegħedna mid-dinja tad-dwal, pranzijiet u rigali li f’dal-ġranet ftit jew wisq nintiflu fihom.  Għaliex?

Għax il-Milied mhux ħrafa tat-twelid ta’ xi re, imma l-miġja tas-Salvatur li jeħlisna mill-ħsara għax jieħu l-ħażen tagħna fuq spallejh.  Il-ħażen tagħna dan hu: l-egoiżmu li nġorru fina, id-dnub, għax aħna lkoll midinbin, u l-mewt.  U l-martri huma dawk li l-aktar jixbħu lil Ġesù.  Infatti l-kelma martri tfisser xhieda: il-martri huma xhieda, jiġifieri aħwa li permezz ta’ ħajjithom, juruna lil Ġesù li rebaħ il-ħażen bil-ħniena.  U fi żmienna wkoll l-għadd tal-martri hu kbir, aktar mill-ewwel żminijiet. Illum nitolbu għal dawn ħutna martri persegwitati, li servew bħala xhieda ta’ Kristu.  Imma jagħmlilna tajjeb nistaqsu lilna nfusna: aħna xhieda ta’ Kristu?  U kif nistgħu ntejbu dan l-aspett fina, li nkunu xhieda aħjar ta’ Kristu?  Tista’ tkun ta’ għajnuna għalina propju l-figura ta’ San Stiefnu. 

Qabel xejn, l-Atti tal-Appostli jgħidulna li kien wieħed mis-seba’ djakni li l-komunità ta’ Ġerusalemm kienet ikkonsagrat biex jaqdu fl-imwejjed, jiġifieri għall-karità (cfr 6, 1-6).  Dan ifisser li l-ewwel xhieda tiegħu ma tahiex bil-kliem imma permezz tal-imħabba lil biha kien jaqdi lil min kien fil-bżonn.  Iżda Stiefnu kien imur ‘l hinn minn din l-opra ta’ assistenza.   Ma’ min kien jiltaqa’ kien jitkellem dwar Ġesù; kien jaqsam il-fidi tiegħu fid-dawl tal-Kelma t’Alla u tat-tagħlim tal-Appostli (cfr Atti 7, 1-53.56).  Din hi t-tieni dimensjoni tax-xhieda tiegħu: jilqa’ l-Kelma u jwassal is-sbuħija tagħha, jirrakkonta kif il-laqgħa ma’ Ġesù tibdel il-ħajja.  Għal Stiefnu dan kien importanti tant li ma beżax mit-theddid ta’ min kien qed jippersegwitah, lanqas meta ra li l-affarijiet kienu sejrin kontrih (cfr v. 54).  Karità u tħabbir, dan kien Stiefnu.  Imma l-akbar xhieda tiegħu hi xi ħaġa aktar: dik li kien jagħraf jorbot il-karità mat-tħabbir.  Ħallielna dan fil-punt tal-mewt, meta fuq l-eżempju ta’ Ġesù ħafer  lil min kien qed joqtlu (cfr v. 60: Lq 23,34).

Din hi t-tweġiba għall-mistoqsija tagħna: aħna nistgħu ntejbu x-xhieda tagħna permezz tal-karità ma’ ħutna, il-fedeltà lejn il-Kelma t’Alla u l-maħfra.  Karità, Kelma, maħfra.  Hija l-maħfra li turi jekk aħna nipprattikawx il-karità mal-oħrajn kif xieraq u jekk ngħixux il-Kelma ta’ Ġesù.  Infatti, il-maħfra, kif turi l-kelma stess, hi don akbar, rigal li nagħtu lill-oħrajn għaliex aħna ta’ Ġesù, maħfurin minnu.  Jiena naħfer għax maħfur: ma ninsewhiex din… Kull wieħed u waħda minna niftakru f’kemm għandna ħila naħfru: kemm hi qawwija r-rieda tiegħi li naħfer, f’dal-ġranet li fihom, forsi niltaqgħu, fost l-oħrajn, ma xi persuni li ma naqblux magħhom, li weġġgħuna, li magħhom qatt ma rġajna sewwejna r-relazzjonijiet.  Nitolbu lil Ġesù li għadu kif twieled, in-novità ta’ qalb bil-ħila li taħfer: ilkoll kemm aħna għandna bżonn qalb li taħfer!  Nitolbuh dil-grazzja lill-Mulej: għallimni naħfer.  Itolbu biex ikollna l-forza li nitolbu għal min għamlilna d-deni, għall-persuni li weġġgħuna, u biex immiddu passi ta’ ftuħ u ta’ rikonċiljazzjoni.  Jalla l-Mulej illum itina dil-grazzja.

U Marija, Reġina tal-Martri, tgħinna nissaħħu fil-karità, fl-imħabba għall-Kelma u l-maħfra.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Fil-klima spiritwali ta’ ferħ u serenità tal-Milied Imqaddes, insellem b’għożża lilkom hawn preżenti u lil kull min jinsab magħna permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali.  Inġedded l-awguri tiegħi ta’ paċi: paċi fil-familji, paċi fil-komunitajiet parrokkjali u reliġjużi, paċi fil-movimenti u fl-assoċjazzjonijiet, paċi lill-popolazzjonijiet itturmentati mill-gwerra, paċi lill-għażiża martri Ukrajna.  Hawn bosta bnadar tal-Ukrajna hawnhekk!  Nitolbu għall-paċi ta’ dal-poplu mifni!

Matul dal-ġimgħat irċevejt ħafna messġġi ta’ awguri.  Billi ma nistax inwieġeb lil kulħadd individwalment, nesprimi lil kulħadd il-gratitudni tiegħi, speċjalment għar-rigal tat-talb.

Nawgura lil kulħadd il-festa ta’ San Stiefnu t-tajba, jekk jogħġobkomtisewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!

Sors: laikos.org