Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-Liturġija jurina lil Ġesù jħuf minn post għall-ieħor.  Infatti għadu kif temm jippriedka u, meta ħareġ mis-sinagoga mar fid-dar ta’ Xmun Pietru fejn fejjaq lill-omm il-mara tiegħu; imbagħad filgħaxija reġa’ ħareġ u mar lejn il-bieb tal-belt fejn iltaqa’ ma’ bosta morda, ippussessati, u fejjaqhom; l-għada filgħodu, jqum kmieni u jmur f’post imwarrab biex jitlob; u fl-aħħar jerġa’ jibda jterraq madwar il-Galilija (cfr Mk 1,29-39).  Ġesù dejjem għaddej,

Nieqfu ftit dwar dan il-moviment bla hedu ta’ Ġesù, li jgħidilna ħaġa importanti dwar Alla u, fl-istess ħin, jagħmlilna xi mistoqsijiet dwar il-fidi tagħna.

Ġesù li jmur jiltaqa’ mal-umanita’ midruba jurina l-wiċċ tal-Missier.  Jista’ jkun li fina għad għandna l-idea ta’ Alla mbiegħed, biered, indifferenti lejn xortina. Iżda l-Evanġelju jurina li Ġesù, wara li għallem fis-sinagoga, joħroġ minn hemm biex il-Kelma li ppriedka dwarha tkun tista’ tilħaq, tmiss u tfejjaq lin-nies.  B’dan l-għemil jurina li Alla mhux is-sid imbiegħed li jkellimna minn hemm fuq; għall-kuntrarju, hu Missier mimli imħabba li jersaq qrib, li jżur djarna, li jrid isalva u jeħles, ifejjaq kull mard tal-ġisem u tal-ispirtu. Alla dejjem qribna. L-atteġġjament ta’ Alla nistgħu niġbruh fi tliet kelmiet: qrubija, ħniena u ħlewwa. Alla li jiġi ħdejna biex jakkumpanjana, jurina l-ħniena tiegħu u jaħfrilna.  Tinsewx dan: qrubija, ħniena u ħlewwa. Dan hu l-atteġġjament ta’ Alla.

Dal-mixi bla hedu ta’ Ġesù hu sfida għalina. Nistgħu nistaqsu: Skoprejnieh il-wiċċ ta’ Alla bħala Missier il-ħniena jew nemmnu u nħabbru xi Alla biered, Alla mbiegħed? Il-fidi tnissel fina l-ansjetà tal-mixja jew għalina hi ta’ faraġ interjuri biex iżommna moħħna mistrieħ? Nitolbu biss biex inħossuna fil-paċi jew inkella l-kelma li nisimgħu u nippriedkaw iġġiegħelna noħorġu minna nfusna u bħal Ġesù mmorru niltaqgħu mal-oħrajn biex inxerrdu l-faraġ t’Alla? Ikun jiswielna tajjeb jekk nagħmlu dawn il-mistoqsijiet lilna nfusna.

Inħarsu għalhekk lejn il-mixi ta’ Ġesù u niftakru li l-ewwel xogħol spiritwali tagħna hu dan: ninsew lil dak Alla li jidhrilna li nafuh biex ta’ kuljum nikkonvertu lejn dak Alla li jippreżentalna Ġesù fl-Evanġelju, Missier l-imħabba u Missier il-ħniena. Il-Missier qrib, ħanin u ħelu.  U meta niskopru l-veru wiċċ tal-Missier, il-fidi tagħna timmatura: ma nibqgħux aktar “insara tas-sagristija” jew “tas-salott”, imma nħossu s-sejħa biex inkunu ħabbara tat-tama u tal-fejqan ta’ Alla.

Marija Santissma, Mara tal-mixi, tgħinna nħabbru u nkunu xhieda tal-Mulej li hu qribna, ħanin u ħelu.

Sors: laikos.org