Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb u l-Ħadd t-tajjeb!
Fl-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum nisimgħu b’wegħda sabiħa li tintroduċina għal żmien l-Avvent: “Il-Mulej sidkom għad jiġi” (cfr Mt 24, 42). Din hi l-bażi tat-tama tagħna, dak li jweżinna anki waqt il-mumenti l-aktar diffiċli u ta’ niket ta’ ħajjitna: Alla jiġi, Alla hu qribna u jiġi. Ma ninsew dan qatt! Il-Mulej dejjem jiġi, il-Mulej jiġi jżurna, il-Mulej joqrob lejna, u jerġa’ jiġi fl-aħħar taż-żminijiet biex jilqagħna u jħaddanna miegħu. Quddiem dil-kelma, nistaqsu: kif jiġi l-Mulej? U kif nistgħu nagħrfuh u nilqgħuh? Nieqfu għal ftit u fil-qosor fuq dawn iż-żewġ mistoqsijiet.
L-ewwel mistoqsija: kif se jiġi l-Mulej? Bosta drabi smajna li l-Mulej hu preżenti fil-mixja tagħna, jakkumpanjana u jkellimna. Imma forsi, aljenati kif aħna minn tant affarijiet oħra, dil-verità għalina tibqa’ biss teorija; iva, nafu li l-Mulej jiġi imma dil-verità ma ngħixuhiex, inkella nimmaġinaw li l-Mulej se jiġi bil-pompa, forsi wkoll permezz ta’ xi sinjal prodiġjuz. Iżda Ġesù jgħid li għad jiġi “bħalma ġie fi żmien Noè (cfr v. 37). U x’kienu jagħmlu fi żmien Noè? Sempliċiment l-attivitajiet normali u ta’ kuljum tal-ħajja, bħal dejjem: “kienu jieklu, jixorbu, jiżżewġu u jżewġu (v. 38). Inżommu dan f’moħħna: Alla jinsab moħbi fil-ħajja tagħna, dejjem hemm qiegħed, moħbi fis-sitwazzjonijiet komuni u ordinarji ta’ ħajjitna. Ma jiġix b’xi ġrajja straordinarja, imma fil-ħwejjeġ ta’ kuljum, jidher fl-affarijiet li nagħmlu kuljum. Hu jinsab hemm, fix-xogħol tagħna ta’ kuljum, f’xi laqgħa mhux mistennija, fil-wiċċ ta’ persuna fil-bżonn, anki fil-ġranet li donnhom jidhru mċajpra u monotoni, il-Mulej jinsab propju hemmhekk, isejħilna, ikellimna u jnebbaħ l-azzjonijiet tagħna.
Madankollu, hemm mistoqsija oħra: kif nistgħu nagħrfu u nilqgħu lill-Mulej? Jeħtieġ inkunu moħħna hemm, attenti, nishru. Ġesù jwissina: hemm il-periklu li ma nindunawx bil-miġja tiegħu u ma nkunux imħejjija għaż-żjara tiegħu. Fakkart drabi oħra dak li kien jgħid Santu Wistin: “Nibża’ li l-Mulej jgħaddi” (Serm. 88, 14.13), jiġifieri nibża’ li Hu jgħaddi u jien ma nagħrfux! Infatti, dwar in-nies ta’ żmien Noè, Ġesù jgħid li kienu jieklu, jixorbu u “b’xejn ma ntebħu sakemm wasal id-dilluvju u ġarr lil kulħadd” (v. 39). Noqgħodu attenti minn dan: ma ntebħu b’xejn! Kienu mhedijin bl-affarijiet tagħhom u ma ndunawx li kien ġej fuqhom id-
dilluvju.
Infatti, Ġesù jgħid li meta jiġi Hu, “tnejn ikunu fl-għalqa: wieħed jittieħed u l-ieħor jitħalla (v 40) F’liema sens? X’inhi d-differenza? Sempliċiment li wieħed kien fi stat ta’ sahra, kien jistenna, kellu ħila jilmaħ il-preżenza ta’ Alla fil-ħajja ta’ kuljum; iżda l-ieħor kien aljenat, “l-
aqwa li tgħaddi l-ġurnata” u ma nduna b’xejn.
Ħuti, f’daż-żmien tal-Avvent naraw li l-ħedla ma tirkibniex u nqumu min-nagħas! Nippruvaw nistaqsu lilna nfusna: jien konxju minn dak li qed ngħix, jien attent, imqajjem? Nipprova nagħraf il-preżenza ta’ Alla fis-sitwazzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum, jew jien distratt u xi ftit jew wisq inħalli l-affarijiet ikaxkruni magħhom? Jekk illum ma nintebħux bil-miġja tiegħu, ma nkunux imħejjija lanqas meta jiġi fl-aħħar taż-żminijiet.
Għalhekk, ħuti, nibqgħu nishru! Nistennew il-Mulej jiġi, nistennew lill-Mulej jersaq qribna, għax Hu hemm jinsab, imma tkun stennija attenta.
U l-Verġni Mqaddsa, Mara tal-istennija, li għarfet tinduna li l-Mulej għaddej fil-ħajja umli u moħbija ta’ Nazzaret, u laqgħetu fi ħdanha, tgħinna f’dil-mixja li nkunu attenti biex nistennew lill-Mulej li jinsab fostna u jgħaddi.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
Qed insegwi bi tħassib kbir iż-żjieda fil-vjolenza u l-ġlied li minn xhur ‘l hawn qed iseħħu fl-Istat tal-Palestina u f’dak ta’ Iżrael. Nhar l-Erbgħa li għadda żewġ attentati vili f’Ġerusalemm ħallew ħafna persuni midrubin u nqatel ġuvnott iżraeljan; u fl-istess jum, waqt ġlied bl-armi f’Nablus, miet ġuvnott palestinjan. Il-vjolenza toqtol il-ġejjieni, u tqaċċat il-ħajja tal-aktar persuni żgħażagħ filwaqt li ddgħajjef it-tama tal-paċi. Nitolbu għal dawn iż-żgħażagħ li mietu u għall-familji tagħhom, partikolarment għal ommijiethom. Nittama li l-awtoritajiet iżraeljani u palestinjani ikollhom ferm aktar għal qalbhom it-tfittxija tad-djalogu, jibnu fiduċja reċiproka li mingħajrha qatt mhu se jkun hemm soluzzjoni ta’ paċi fl-Art Imqaddsa.
Jien qrib il-popolazzjoni tal-gżira ta’ Ischia, li ntlaqtet minn għarar. Nitlob għall-vittmi, għal kull min qed isofri u għal dawk kollha li middu jdejhom biex jagħtu l-għajnuna.
U nfakkar ukoll lil Burkhard Scheffler, li miet tliet ijiem ilu hawn, taħt il-kolonna ta’ Pjazza San Pietru: miet bil-kesħa.
Insellem b’għożża lilkom ilkoll li ġejtu mill-Italja u minn pajjiżi oħra, partikolarment lill-pellegrini minn Varsavja u Granada, lir-rappreżentanti tal-komunità Rumena u lil dawk tal-komunità Timor tal-Punent li hawn preżenti f’Ruma, kif ukoll lill-persuni mill-Ekwador li qed jiċċelebraw il-festa tal-Madonna ta’ El Quinche. Insellem lill-volontarji tas-Salib l-Aħmar minn Acerenza, l-Ente Nazionale Pro Loco tal-Italja, lill-fidili minn Turin, Pinerolo, Palermo, Grottammare u Campobasso. Ngħid grazzi speċjali lil furnara Taljani, bl-awgurju li jirenxxilhom jegħlbu d-diffikultajiet li għaddejjin minnhom.
Insellem lill-paretċipanti tal-Mixja li saret dalgħodu biex tikkundanna l-vjolenza sesswali fuq in-nisa, sfortunatament realtà ġenerali u mifruxa u użata ukoll bħala arma tal-gwerra. Ma nhedew qatt ngħidu le għall-gwerra, le għall-vjolenza, iva għad-djalogu, iva għall-paċi; b’mod partikolari għall-poplu martri tal-Ukrajna. Ilbieraħ fakkarna t-traġedja ta’ Holodomor.
Insellem lis-segretarjat tal-FIAC (Forum Internazzjonalil tal-Azzjoni Kattolika), miġbur f’Ruma fl-okkażjoni tat-VIII Assemblea. U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-mixja tal-Avvent it-tajba. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Sors: laikos.org