1. “Ġesù Kristu […] ftaqar minħabba fikom” (ara 2 Kor 8:9). L-appostlu Pawlu qal dan il-kliem lill-ewwel Insara ta’ Korintu biex isaħħaħhom fl-impenn ta’ solidarjetà lejn ħuthom fil-bżonn. Anki din is-sena, il-Jum Dinji tal-Foqra għandu jqanqalna biex nirriflettu fuq l-istil ta’ ħajja li ngħixu u fuq il-ħafna forom ta’ faqar li hawn bħalissa.

Ftit xhur ilu, id-dinja bdiet ħierġa mill-maltempata tal-pandemija, u bdew jidhru sinjali ta’ rkupru ekonomiku li jissollevaw miljuni ta’ nies li ftaqru għax tilfu x-xogħol. U għalkemm it-tbatija għat-telfa tal-għeżież tagħna baqgħet hemm, imma sa fl-aħħar bdejna naraw xaqq ta’ dawl, u bdejna nistennew li jkollna relazzjonijiet personali diretti u li niltaqgħu flimkien bla ebda ristrizzjonijiet. F’daqqa waħda tfaċċa gwaj ieħor li qed jimponi xenarju differenti fuq id-dinja.

Bdiet il-gwerra fl-Ukrajna li żdiedet ma’ gwerer reġjonali oħra li qed iġibu mewt u qerda. Imma hawnhekk għandna stampa aktar komplessa minħabba l-indħil dirett ta’ “superpotenza”  li qed timponi r-rieda tagħha kontra l-prinċipju tal-awtodeterminazzjoni tal-ġnus. Qed jirrepetu ruħhom xeni traġiċi, u għal darb’oħra r-rikatt reċiproku ta’ xi setgħanin qed joħnoq il-vuċi tal-umanità li qiegħda titlob għall-paċi.

2. X’faqar kbir tiġġenera l-gwerra li ma tagħmel ebda sens! Kull fejn iddawwar wiċċek tara vjolenza li tolqot lil dawk li ma jistgħux jiddefendu ruħhom u lil dawk l-aktar dgħajfa. Eluf ta’ nies, l-aktar tfal, qed ikunu eżiljati, imqaċċta minn għeruqhom u qed tkun imposta fuqhom identità oħra. Qed jerġgħu jseħħu kliem is-salmista li quddiem il-qerda ta’ Ġerusalemm u l-eżilju taż-żgħażagħ Ebrej qal: “F’xatt ix-xmajjar ta’ Babel / hemm qgħadna bilqiegħda u bkejna /aħna u niftakru f’Sijon. /Mas-siġar tal-luq tagħha / dendilna ċ-ċetri tagħna. / Għax hemm, dawk li jassruna, / talbuna ngħannulhom xi għanja, /dawk li hemm għakksuna/ stennew minna għanja ta’ ferħ. / […] Kif nistgħu ngħannu l-għana tal-Mulej / f’art barranija?” (Sal 137:1-4).

Miljuni ta’ nisa, tfal u anzjani qed ikollhom jaffrontaw il-periklu tal-bombi biex immorru jfittxu l-kenn bħala refuġjati f’xi pajjiż fil-qrib. Imbagħad kemm hemm li qed jibqgħu fiż-żoni fejn il-ġlied għadu sejjer! Dawn jgħixu t-twerwir kuljum, u jbatu minħabba nuqqas ta’ ikel, ilma, kura medika, u fuq kollox l-għożża ta’ nieshom. F’dawn is-sitwazzjonijiet, ir-raġuni tiddallam u dawk li jbatu l-effetti huma n-numru bla għadd ta’ nies komuni li qed jiżdiedu ma’ dawk il-ħafna li ġa kienu fil-bżonn. Kif tista’ tagħti tweġiba li twassal solliev u paċi lil tant nies maħkuma mill-inċertezza u minn sitwazzjoni daqshekk prekarja?

3. Din hi s-sitwazzjoni ta’ kunflitti li fiha qed niċċelebraw is-VI Jum Dinji tal-Foqra. U aħna mitluba nirriflettu fuq is-sejħa tal-Appostlu Pawlu biex inżommu ħarsitna fissa fuq Ġesù, li: “għad li kien għani, ftaqar minħabba fikom, sabiex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu” (2 Kor 8:9). Fiż-żjara tiegħu f’Ġerusalemm, Pawlu ltaqa’ ma’ Pietru, Ġakbu u Ġwanni li talbuh biex ma jinsiex il-foqra. Il-komunità ta’ Ġerusalemm kienet għaddejja minn żmien iebes għax il-pajjiż inħakem mill-ġuħ, u l-Appostlu malajr ra kif għamel u organizza ġabra kbira b’risq il-foqra. L-Insara ta’ Korintu wrew li kienu sensittivi u disponibbli, u fuq talba ta’ Pawlu bdew jagħmlu ġabra kull l-ewwel jum tal-ġimgħa. Kienu jiġbru dak li kien jirnexxilhom ifaddlu, u lkoll kienu ġenerużi ħafna.

U minn dak iż-żmien aħna bqajna nagħmlu l-istess, għax kull nhar ta’ Ħadd waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija; aħna wkoll nagħtu l-offerta tagħna biex il-komunità tkun tista’ tieħu ħsieb dawk l-aktar fil-bżonn. L-Insara dejjem wettqu dan il-ġest b’ferħ u b’sens ta’ responsabbiltà biex ħadd mill-aħwa ma jkun nieqes minn dak li jeħtieġ. San Ġustinu jagħti xhieda ta’ dan. Fit-tieni seklu, meta kiteb lill-Imperatur Antoninus Pius biex jiddeskrivilu ċ-ċelebrazzjoni li l-Insara kienu jagħmlu fil-jum tal-Ħadd, qallu hekk: “Fil-jum imsejjaħ “tax-Xemx” jinġabru flimkien dawk kollha li jgħixu fil-belt jew fil-kampanja u jaqraw it-tifkiriet tal-Appostli jew il-kitbiet tal-profeti, skont maż-żmien jippermetti. […] Imbagħad isir il-qsim u dawk preżenti jirċievu l-ispeċi kkonsagrati, fil-waqt li d-djakni joħduhom lil dawk li ma jkunux hemm għaċ-ċelebrazzjoni. Min jista’ u min jixtieq jagħmel għotja b’mod liberu. Il-ġabra tingħata f’idejn is-saċerdot biex biha jgħin lill-iltiema, lin-nisa romol, lil dawk fil-bżonn minħabba mard jew xi ħaġa oħra, lill-ħabsin, lill-barranin li jsibu ruħhom qrib tagħna: nieħdu ħsieb kull min hu fil-bżonn” (Prima Apologia, LXVII, 1-6).

4. Iżda aktar ‘il quddiem il-komunità ta’ Korintu bdiet tnaqqas mill-entużjażmu li kellha fil-bidu u tilfet il-ħeġġa biex twettaq l-inizjattiva li kien ippropona l-Appostlu. Kien dan li qanqal lil Pawlu jiktbilhom biex jerġgħu jibdew jiġbru, “ħalli b’hekk, bħalma ridtu tagħmlu dan minn qalbkom, hekk ukoll ittemmuh, kulħadd skont ma għandu” (2 Kor 8:11).

Dan ifakkarni fid-disponibbiltà ta’ popolazzjonijiet sħaħ li f’dawn l-aħħar snin kienu lesti li jiftħu bwiebhom biex jilqgħu miljuni ta’ rifuġjati li ħarbu mill-gwerra tal-Lvant Nofsani, l-Afrika ċentrali u issa l-Ukrajna. Il-familji fetħu djarhom biex jilqgħu familji oħra, il-komunitajiet kienu ġenerużi u laqgħu bosta nisa u tfal biex joffrulhom id-dinjità li tixirqilhom. B’danakollu, aktar ma jieħdu fit-tul dawn il-kunflitti, aktar jiggravaw il-konsegwenzi li jġibu magħhom. Il-popli li jilqgħu lil dawn in-nies qegħdin dejjem jagħmlu sforz akbar biex ikomplu jagħtu l-għajnuna tagħhom; il-familji u l-komunitajiet qed jibdew iħossu t-toqol tas-sitwazzjoni, li tmur ‘l hemm mill-emerġenza. Dan hu l-mument li fih wieħed ma jridx iċedi imma jrid iġedded l-impenn li ħa fil-bidu. Dak li bdejna hemm bżonn li nkomplu nwettquh bl-istess responsabbiltà.

5. Fil-fatt, solidarjetà tfisser propju dan: li naqsmu l-ftit li għandna ma’ dawk li m’għandhom xejn biex ħadd ma jbati. Aktar mas-sens ta’ komunità u ta’ komunjoni jsir stil ta’ ħajja, aktar tiżviluppa ruħha s-solidarjetà. Tajjeb inżommu f’moħħna li f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, il-ħajja ta’ bosta familji f’ċerti pajjiżi għamlet qabża sinifikattiva ‘l quddiem, u dawn iħossuhom qed jgħixu fiż-żgur. Dan hu l-frott pożittiv tal-inizjattiva privata u ta’ liġijiet li sostnew it-tkabbir ekonomiku flimkien ma’ inċentivi konkreti favur il-politika tal-familja u r-responsabbiltà soċjali. Il-patrimonju ta’ sigurtà u stabbilità issa jista’ jinqasam ma’ dawk li qed ikollhom iħallu djarhom u pajjiżhom biex isalvaw u jkunu jistgħu jgħixu. Bħala membri tas-soċjetà ċivili rridu naraw li t-talba għall-valuri tal-libertà, responsabbiltà, fratellanza u solidarjetà tibqa’ sħiħa. U bħala Nsara rridu naraw li l-imħabba, il-fidi u t-tama jibqgħu jkunu s-sisien ta’ ħajjitna u tal-imġiba tagħna.

6. Interessanti nosservaw li l-Appostlu ma riedx jobbliga lill-Insara jagħmlu opra ta’ karità bilfors. Fil-fatt kiteb: “M’iniex nordnalkom” (2 Kor 8:8); pjuttost kellu f’moħħu li “jipprova kemm kienet sinċiera” mħabbithom fl-attenzjoni u l-għajnuna li jagħtu lill-foqra (ara  2 Kor 8:8). Pawlu żgur għamel it-talba għall-għajnuna konkreta għax ra li kien hemm il-bżonn, iżda l-intenzjoni tiegħu kienet aktar profonda minn hekk. Stedinhom jagħmlu l-ġabra bħala sinjal tal-imħabba li Ġesù stess tana xhieda għaliha. Il-mutur l-aktar b’saħħtu li jqanqal il-ġenerożità tagħna lejn il-fqir hu l-eżempju tal-Iben t’Alla, li hu stess ried li jiftaqar.

L-Appostlu ma beżax jisħaq li din l-għażla ta’ Kristu, dan “il-faqar” tiegħu hu “grazzja”, anzi “grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu” (2 Kor 8:9), u hu biss meta nilqgħu din il-grazzja li aħna nkunu nistgħu nesprimu l-fidi tagħna b’mod konkret u koerenti. It-tagħlim kollu tat-Testment il-Ġdid jinġabar madwar din it-tema li nsibuha wkoll fil-kliem tal-appostlu Ġakbu: “Kunu intom dawk li tagħmlu l-Kelma u mhux tisimgħuha biss u hekk tqarrqu bikom infuskom. Għax jekk xi ħadd jisma’ l-kelma u ma jagħmilhiex, ikun bħal bniedem li jara f’mera l-wiċċ li bih twieled: jara lilu nnifsu, jitlaq u malajr jinsa kif kien. Imma dak li jgħarbel sewwa l-liġi perfetta tal-ħelsien, u jżomm sħiħ magħha, ma jkunx wieħed li jisma’ biss u jinsa, iżda jkun wieħed li jagħmilha; hieni dan fl-għemil tiegħu” (Ġak 1:22-25).

7. Fejn jidħlu l-foqra m’hemmx retorika, irridu nxammru l-kmiem u ngħixu l-fidi tagħna billi ninvolvu ruħna b’mod dirett, bla ma nitfgħu l-piż fuq ħadd. Iżda xi drabi tidħol il-laxkezza u  l-imġiba tagħna ma tkunx koerenti; inkunu indifferenti fejn jidħlu l-foqra. Jiġri wkoll li ċerti Nsara jkunu wisq marbuta mal-flus u jibqgħu mgħaddsa fl-użu ħażin tal-ġid u l-patrimonju li jkollhom. Dan juri fidi dgħajfa u tama fjakka, b’vista qasira.

Nafu li l-problema mhumiex il-flus fihom infushom, għax dawn jagħmlu parti mill-ħajja tagħna bħala individwi u mir-relazzjonijiet soċjali. L-aktar li hemm bżonn nirriflettu hu pjuttost fuq il-valur tal-flus, x’inhu l-valur tagħhom għalina: il-flus m’għandhomx isiru l-assolut, l-għan prinċipali. Ġibda għall-flus ta’ din ix-xorta ma tħalliniex inħarsu b’realiżmu lejn il-ħajja li ngħixu kuljum, ittappan ħarsitna u ma tħalliniex naraw il-bżonnijiet tal-oħrajn. M’hemmx ħaġa agħar li tista’ tiġri lin-Nisrani u lill-komunità minn meta jħallu l-idolu tal-ġid jgħammex ‘il għajnejhom u jispiċċaw marbuta ma’ viżjoni ta’ ħajja effimera u falluta.

Hemm faqar li jagħmlek sinjur… hemm faqar li jumilja u joqtol, imma hemm faqar ieħor, il-faqar tiegħu, li jagħmilna ħielsa u jagħtina s-serenità.

Hawnhekk mhux qed nitkellmu dwar il-mentalità li bosta drabi jkun hemm wara l-imġiba tagħna meta ngħinu lill-foqra; imma dwar l-impenn meħtieġ biex ħadd ma jkun jonqsu xejn. Mhuwiex l-attiviżmu li jsalva, imma l-attenzjoni sinċiera u ġeneruża li twassalna biex nersqu lejn fqir bħala wieħed minn ħutna li qed joħroġ idejh biex jgħinna noħorġu mit-telqa kbira li waqajna fiha. Għalhekk, “ħadd m’għandu jgħid li hu jitbiegħed mill-foqra għax l-għażliet ta’ ħajtu jitolbu minnu li jagħti aktar attenzjoni lil responsabbiltajiet oħra. Din hi skuża li sikwit tisma’ fl-ambjenti akkademiċi, tan-negozju jew professjonali, u saħansitra f’dawk ekkleżjali. […] Ħadd m’għandu jħossu meħlus milli jħabrek għall-foqra u għall-ġustizzja soċjali” (Eżort. ap. Evangelii gaudium, 201). Hemm ħtieġa urġenti ta’ soluzzjonijiet ġodda li l-impostazzjoni tagħhom titlob li negħlbu “dik l-idea tal-politika soċjali maħsuba bħala politika għall-foqra, imma qatt mal-foqra, qatt tal-foqra u wisq inqas inserita fi proġett li jxierek flimkien il-popli” (Enċ. Fratelli tutti, 169). Iżda, minflok hemm bżonn inħabirku għal dik l-istess attitudni li kellu l-Appostlu meta kiteb lill-Korintin “Mhux biex il-piż iħeff minn fuq l-oħrajn u jaqa’ fuqkom, imma kulħadd indaqs” (2 Kor 8,13).

8. Hemm paradoss li llum bħal fl-imgħoddi diffiċli taċċettah, għax imur kontra l-loġika umana: hemm faqar li jagħmlek sinjur. Filwaqt li jfakkar fil-“grazzja” ta’ Ġesù Kristu, Pawlu jikkonferma dak li Ġesù stess ipprietka, jiġifieri li l-veru għana ma jinsabx filli ngeddsu “teżori f’din id-dinja fejn kollox jitmermer bil-kamla u s-sadid u fejn il-ħallelin jinfdu u jisirqu” (Mt 6:19), imma jinsab fl-imħabba lejn xulxin li twassalna biex inġorru l-piż ta’ xulxin ħalli ħadd ma jħossu abbandunat jew imwarrab. L-esperjenza ta’ dgħufija u limitu li għexna f’dawn l-aħħar snin u t-traġedja tal-gwerra bl-effetti globali t’issa għandhom jgħallmuna xi ħaġa deċiżiva: m’aħniex qegħdin fid-dinja biex kemm kemm nibqgħu ħajjin, imma biex kulħadd jgħix ħajja xierqa u feliċi. Il-messaġġ ta’ Ġesù jurina t-triq u jwassalna biex niskopru li hemm faqar li jumilja u joqtol, imma hemm faqar ieħor, il-faqar tiegħu, li jagħmilna ħielsa u jagħtina s-serenità.

Il-laqgħa ma’ min hu fqir tgħinna niefqu minn ħafna ansjetà u biża’ bla sens, u nagħrfu x’inhu dak li tassew jgħodd u li ħadd ma jista’ jisraqulna: l-imħabba vera u gratwita

Il-faqar li joqtol hu miżerja, bint l-inġustizzja, l-isfruttament, il-vjolenza u t-tqassim inġust tar-riżorsi. Hu faqar ta’ disperazzjoni, nieqes minn ġejjieni, għax jimponi l-kultura tal-iskart li la ġġib prospettivi u lanqas toroq biex wieħed joħroġ mis-sitwazzjoni li jkun fiha. Hu miżerja li mhux biss tinforza l-kundizzjoni ta’ faqar estrem, imma anki ġġib magħha t-taħsir tad-dimensjoni spiritwali, li għalkemm hi spiss traskurata, imma dan ma jfissirx li ma teżistix jew ma tgħoddx. Meta l-liġi waħdanija issir dik li fl-aħħar tal-ġurnata tara biss il-qligħ, ma jkun hemm xejn aktar li jista’ jwaqqaf il-loġika tal-isfrutament tal-persuni: l-oħrajn ikunu biss mezz. La jeżisti salarju ġust u lanqas ħin ta’ xogħol ġust; jinħolqu forom ġodda ta’ jasar għal nies li ma jistgħux jagħmlu mod ieħor u jkollhom jaċċettaw din l-inġustizzja velenuża biex jaqilgħu l-għajxien minimu tagħhom ta’ kuljum.

Għall-kuntrarju, il-faqar ħellies hu dak li jpoġġi quddiemna għażla responsabbli biex inħeffu mill-piż ta’ dak li jtaqqalna u nimmiraw lejn l-essenzjal. Fil-fatt, faċli niltaqgħu ma’ dak is-sens ta’ nuqqas ta’ sodisfazzjon li ħafna jħossu għax jaraw li hemm xi ħaġa importanti nieqsa f’ħajjithom u jmorru jfittxu ‘l hawn u ‘l hinn bla ebda skop. Filwaqt li qed ifittxu xi ħaġa li tista’ tagħtihom sodisfazzjon, hemm bżonn li jsibu min jindirizzhom lejn l-iżgħar, lejn id-dgħajfa, lejn il-foqra, biex fl-aħħar jifhmu dak li tassew għandhom bżonn. Il-laqgħa ma’ min hu fqir tgħinna niefqu minn ħafna ansjetà u biża’ bla sens, u nagħrfu x’inhu dak li tassew jgħodd u li ħadd ma jista’ jisraqulna: l-imħabba vera u gratwita. Qabel mhuma oġġett tal-karità tagħna, il-foqra huma suġġett li jgħinna ninħelsu mill-irbit tal-ansjetà u tas-superfiċjalità.

San Ġwann Kriżostmu, wieħed mill-missirijiet u dutturi tal-Knisja, li fil-kitbiet tiegħu joħodha sew kontra l-mod kif xi Nsara jġibu ruħhom mal-foqra, jgħid hekk: “Jekk ma tistax temmen li l-faqar jagħmlek sinjur, aħseb fil-Mulej tiegħek u ieqaf minn dan id-dubju. Li kieku hu ma ftaqarx, int qatt ma kont tistagħna; hi xi ħaġa  tassew straordinarja li mill-faqar joħroġ abbundanza ta’ għana. Għal Pawlu “għana” jfisser għarfien tal-pjetà, purifikazzjoni mid-dnub, ġustizzja, qdusija u elf ħaġ’oħra mogħtija lilna issa u dejjem. Għandna dan kollu grazzi għall-faqar” (Omeliji fuq it-tieni ittra lill-Korintin, 17:1).

9. Is-silta tal-Appostlu li qed nirreferu għaliha f’dan is-6 Jum Dinji tal-Foqra tippreżentalna paradoss kbir fil-ħajja tal-fidi: il-faqar ta’ Kristu jagħmilna għonja. Pawlu seta’ jagħti dan it-tagħlim u l-Knisja setgħet ixxerdu u tagħti xhieda tiegħu matul is-sekli, għax Alla għażel li jimxi f’din it-triq f’Ibnu Ġesù. La hu sar fqir għalina, mela l-ħajja tagħna stess tiddawwal u tinbidel, u takkwista valur li d-dinja ma tafux u ma tistax tagħtih. L-għana ta’ Ġesù hi l-imħabba tiegħu, li ma tagħlaq qalbha għal ħadd u tmur tiltaqa’ ma’ kulħadd, l-aktar ma’ min hu mwarrab u nieqes minn dak li hu neċessarju. Għall-imħabba, hu tneżża’ minnu nnifsu u ħa fuqu l-kundizzjoni tagħna l-bnedmin. Għall-imħabba hu sar qaddej ubbidjenti, sa wasal biex ħa l-mewt, il-mewt tas-salib (ara Fil 2:6-8). Għall-imħabba hu sar “ħobż tal-ħajja” (Ġw 6:35), biex ħadd ma jkun nieqes mill-ikel li neħtieġu għall-ħajja ta’ dejjem. Illum ukoll, bħalma kien għad-dixxipli fi żmien Ġesù, hu diffiċli li wieħed jaċċetta dan it-tagħlim (ara Ġw 6:60); imma l-kelma ta’ Ġesù hi ċara ħafna. Jekk irridu li l-ħajja tirbaħ fuq il-mewt u li d-dinjità tkun mifdija mill-inġustizzja, it-triq għandha tkun dik li mexa fiha hu: irridu nimxu wara l-faqar ta’ Ġesù Kristu, billi, għall-imħabba, naqsmu ħajjitna mal-oħrajn, naqsmu l-ħobż tal-eżistenza tagħna ma’ ħutna, nibdew minn dawk li jinsabu fl-aħħar post, minn dawk li jonqoshom dak li hu bżonnjuż għal ħajjithom, biex isseħħ l-ugwaljanza, il-foqra jinħelsu mill-miżerja u l-għonja mill-vanità; it-tnejn huma nieqsa mit-tama.

10. Fil-15 ta’ Mejju li għadda kkanonizzajt lil Fra Charles de Foucauld, raġel li twieled sinjur, imma li ħalla kollox biex jimxi wara Ġesù u jsir fqir bħalu, u li ra l-bnedmin kollha bħala ħutu. Il-ħajja tiegħu ta’ eremita, l-ewwel f’Nazaret u mbagħad fid-deżert tas-Sahara, ħajja ta’ silenzju, talb u kondiviżjoni, hi xhieda eżemplari tal-faqar Nisrani. Jagħmlilna tajjeb nimmeditaw fuq dan il-kliem tiegħu: “Ma niddisprezzawx il-foqra, iż-żgħar, il-ħaddiema; dawn mhux biss huma ħutna f’Alla, imma huma wkoll dawk li jimitaw b’mod perfett lil Ġesù fil-ħajja esterjuri tiegħu. Huma jirrappreżentaw b’mod perfett lil Ġesù, Ħaddiem f’Nazaret. Huma l-ewwel ulied fost il-magħżulin; l-ewwel li ssejħu lejn il-Benniena tal-Feddej. Kienu huma l-imsieħba regolari ta’ Ġesù, mit-twelid sal-mewt tiegħu […]. Ejjew nagħtuhom ġieħ; ejjew fihom nagħtu ġieħ lix-xbihat ta’ Ġesù u tal-ġenituri qaddisin tiegħu […]. Ejjew nieħdu [il-kundizzjoni] li hu ħa għalih innifsu […]. Ejjew ma niefqu qatt inkunu foqra f’kollox, aħwa tal-foqra, sieħba tal-foqra; ejjew inkunu l-ifqar fost il-fqar bħal Ġesù, u bħalu nħobbu l-foqra u naraw li jkunu dejjem madwarna” (Kummenti għall-Evanġelju ta’ San Luqa, Meditazzjoni 263). [1] Dan ma kienx biss kliem għal Fra Charles, imma stil konkret ta’ ħajja li wasslu biex jaqsam ma’ Ġesù d-don stess tal-ħajja.

Jalla dan is-6 Jum Dinji tal-Foqra jsir opportunità ta’ grazzja; jalla jgħinna nagħmlu eżami ta’ kuxjenza personali u komunitarju u nistaqsu lilna nfusna jekk il-faqar ta’ Ġesù Kristu huwiex  is-sieħeb fidil tagħna fil-ħajja.

Sors: laikos.org