Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
F’dan it-tieni Ħadd tal-Avvent, l-Evanġelju jkellimna dwar Ġwanni l-Battista, il-prekursur ta’ Ġesù (cfr Mk 1,1-8), u jiddeskriviehulna bħala “leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert” (v. 3). Id-deżert, imkien għeri, fejn m’hemmx komunikazzjoni, u l-vuċi, il-mezz li bih nitkellmu, jidhru qishom żewġ tixbihat kontradittorji, imma fil-Battista jingħaqdu flimkien.
Id-deżert. Hemmhekk Ġwanni jippriedka qrib ix-xmara Ġordan, qrib il-post li minnu, ħafna sekli qabel, il-poplu tiegħu kien daħal fl-art imwiegħda. Bl-aġir tiegħu qisu qed jgħid: biex nisimgħu lil Alla rridu nerġgħu lura lejn il-post li fih, għal erbgħin sena, Hu akkumpanja, ħares u eduka lill-poplu tiegħu, fid-deżert. Hu l-imkien tas-silenzu u ta’ dak li hu essenzjali, fejn wieħed ma jistax jitlajja u jintilef fuq affarijiet fiergħa, imma jkollu jikkonċentra fuq dak li hu indispensabbli biex jgħix.
U dan ifakkarna f’ħaġa dejjem attwali: biex nibqgħu għaddejjin fil-mixja hemm bżonn ninżgħu minn dak li hu żejjed, għax l-għixien tajjeb ma jfissirx li nimtlew b’ħafna affarijiet inutli, imma li ninħelsu minn dak li hu superfluwu, żejjed, biex nidħlu fil-fond tagħna nfusna sabiex nagħrfu x’inhu verament importanti quddiem Alla. Ikun biss meta bis-silenzju u t-talb, nagħmlu wisa’ għal Ġesù, li hu l-Verb ta’ Alla, li jirnexxielna ninħelsu mit-tinġis tal-kliem vojt u mit-tqassis. Is-silenzju u l-moderazzjoni – fil-kliem, fl-użu tal-affarijiet, tal-mezzi tal-komunikazzjoni u tal-mezzi soċjali – m’humiex biss ‘fjuretti’ jew virtuwjiet, huma elementi essenzjali tal-ħajja nisranija.
Niġu għat-tieni xbieha, il-leħen. Dan hu strument li bih nuru x’naħsbu u dak li għandna fi qlubna. Allura nifhmu li dan marbut sfiq mas-silenzju għax jesprimi dak li jkun jinħema fina, mis-smigħ ta’ dak li jissuġġerielna l-Ispirtu. Ħuti jekk ma nafux nisktu, diffiċli jkollna xi ħaġa tajba xi ngħidu; waqt li aktar ma jkun attent is-skiet, aktar tkun qawwija l-kelma. Fi Ġwanni l-Battista dak il-leħen hu marbut mal-ġenwinità tal-esperjenza tiegħu u mat-trasparenza ta’ qalbu.
Nistgħu nistaqsu: x’post għandu s-silenzju f’jiemi? Hu silenzju vojt, forsi wkoll oppressiv, jew spazju ta’ smigħ, ta’ talb li bihom nindokra ħajti? Ħajti hi sobrija jew mimlija ħwejjeġ bla bżonn? Anki jekk ifisser li naqdfu kontra l-kurrent, ejjew nivvalorizzaw is-silenzju, il-moderazzjoni u s-smigħ.
Marija, Verġni tas-Silenzju, tgħinna nħobbu d-deżert biex insiru ilħna kredibbli li jħabbru lil Binha li ġej.
Sors: laikos.org