L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Kienet tmur għandu l-Lhudija kollha u n-nies kollha ta’ Ġerusalemm” (Mk 1:5). Dan hu li naqraw fl-Evanġelju llum fuq Ġwanni l-Battista meta kien fid-deżert. Il-preżenza tiegħu kienet tattira lil ħafna nies. Kien jidher ftit stramb minn barra, imma n-nies kienu jaraw fih bniedem awtentiku li qed iwassal messaġġ hekk importanti biex jippreparahom għall-miġja tal-Messija.

Fil-fatt, mal-ewwel jolqotna l-fatt li għalkemm kien ikollu tant nies madwaru jisimgħuh, qatt ma kien lin-nies jiġbidhom lejh biex jibqgħu miegħu, biex iħarsu lejh jew jisimgħu lilu u jieqfu hemm, imma kien kontinwament jipponta lejn Ġesù li ġej: “Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu” (Mk 1:7). Ma fittixx il-popolarità, ma fittixx li jidher hu, imma lin-nies għenhom biex iħarsu lejn Ġesù u kien iwassalhom għand Ġesù.

Nixtieq li nieħdu sentenza mill-Evanġelju llum, fejn hemm tliet punti importanti, u naraw dak li jgħidulna għal ħajjitna. Din hi d-deskrizzjoni ta’ Ġwanni l-Battista, b’referenza għal dak li hemm fil-ktieb tal-Profeta Isaija: “Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu” (Mk 1:3)

Jgħajjat

L-ewwel nett, “leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert”. Ġwanni l-Battista kien dan il-leħen. Kien hekk għax id-deżert kien il-post fejn kien jaqdi l-missjoni tiegħu, u għalhekk minn hemm kien jinstama’ jgħajjat; imma kien hekk ukoll f’sens ieħor, għax kien leħen differenti minn dak li kienu jisimgħu ħafna drabi n-nies, differenti anke mill-mexxejja reliġjużi ta’ dak iż-żmien. Kien leħen speċjali, li kultant ma jaqbilx mal-bqija. Kien lest li jgħid il-verità, anke meta din hi skomda għal ċerti nies. Kien lest li jitkellem b’mod ċar u mingħajr biża’. Baqa’ dejjem fidil lejn din il-missjoni tiegħu.

Dan ifakkarna fis-sejħa li għandna aħna lkoll – aħna li nemmnu f’Ġesù – biex fejn hu meħtieġ inkunu aħna wkoll “leħen fid-deżert”. Kultant dan jiġri meta, biex inkunu fidili għall-kelma ta’ Alla, il-leħen tagħna jkun differenti ħafna minn ta’ madwarna. Ġieli jkun hemm min jgħidlek: “kulħadd hekk qed jgħid” jew “kulħadd hekk qed jagħmel”, qisu la kulħadd qed jgħid jew jagħmel hekk, dak hu tajjeb. Irridu niftakru li dak li qed jaħsbu l-oħrajn, jew li qed jgħidu jew jagħmlu l-oħrajn, mhuwiex fih innifsu kriterju li jurina dak li hu tajjeb u li jindikalna dak li rridu nagħmlu aħna.

U bħal Ġwanni l-Battista jiġu mumenti meta rridu nkunu leħen differenti, “leħen jgħajjat fid-deżert” biex inkunu fidili għas-sejħa tagħna ta’ dixxipli ta’ Ġesù.

Jipprepara

L-Evanġelju jgħid ukoll “ħejju t-triq tal-Mulej”. Nafu li din kienet il-missjoni ta’ Ġwanni, li jħejji t-triq għall-Messija, u nafu kemm qeda b’mod tajjeb din il-missjoni tiegħu. Aħna wkoll, fil-ħajja tagħna, għandna din is-sejħa: li nħejju t-triq tal-Mulej.

Meta niġu hawnhekk għall-quddiesa, hekk inkunu qegħdin nagħmlu. Aħna nħejju ruħna biex nirċevuh fina. Inħejju ruħna billi jkollna qalb li lesta tilqgħu, qalb li tgħożż il-kelma tiegħu u l-preżenza tiegħu, biex jista’ jġib fina l-imħabba tiegħu. 

Hekk ukoll imsejħin biex nagħmlu fil-ħajja tagħna: li fil-kuntatti mal-oħrajn, inkunu qed inħejju t-triq tal-Mulej, ħalli huma jistgħu jgawdu l-preżenza tiegħu f’ħajjithom.

Jiddritta

L-Evanġelju jgħid ukoll “iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu”. Tiddritta dak li hu mgħawweġ, u hekk kien il-messaġġ kontinwu ta’ Ġwanni l-Battista lin-nies: biex jirranġaw dak li f’ħajjithom kien mgħawweġ u ħażin, biex jistgħu jħejju t-triq tal-Mulej.

Is-sejħa lilna hi biex aħna nagħrfu dak li f’ħajjitna hu mgħawweġ, biex bil-għajnuna ta’ Alla u bil-qawwa tiegħu, niddrittawh. 

X’inhu mgħawweġ? Jista’ jkun il-mod kif nitkellmu u l-kliem li nużaw, jew għax f’dak li ngħidu ninsultaw u nweġġgħu lill-oħrajn – kif spiss wieħed jara, sfortunatament, fil-midja soċjali; jista’ jkun il-mod kif nittrattaw lill-oħrajn fil-familja u fejn niltaqgħu mal-oħrajn; jista’ jkun il-mod kif aħna nħarsu lejn il-flus – li l-flus jikkmandawna huma, flok ikunu mezz xieraq għall-għixien tagħna; jista’ jkun il-mod kif inħarsu lejn Alla – li Alla ma jkunx fiċ-ċentru tal-ħajja tagħna, dak li tassew qed imexxina, imma biss biċċa mill-ħajja tagħna.

Hemm diversi affarijiet li għandna bżonn niddrittaw fil-ħajja tagħna. Dan hu li qed jgħidilna l-Mulej bil-kelma tiegħu: li aħna nagħrfu fejn hemm bżonn isir dritt dak li hu mgħawweġ.

Opportunità 

Opportunita mill-isbaħ għalina – speċjalment ukoll f’dan iż-żmien tal-Avvent li jħejjina għall-Milied – hu s-Sagrament tal-Qrar, li hu ta’ siwi kbir u teżor f’ħajjitna. Dak hu l-iskop ta’ dan is-sagrament: li jgħinna niddrittaw dak li hu mgħawweġ, biex inħejju t-triq tal-Mulej u ngħixu fil-grazzja tiegħu.

Ispirati mill-Kelma ta’ Alla llum, nitolbuh biex fuq l-eżempju ta’ Ġwanni l-Battista, il-profeta li ħejja t-triq għall-Messija, aħna nagħrfu ngħixu ħajjitna b’fedeltà fejn il-Mulej; fejn hemm bżonn, inkunu “leħen jgħajjat fid-deżert”, u nħejju dejjem it-triq tal-Mulej billi niddrittaw dak li jeħtieġ niddrittaw u hekk ikollna lilu f’qalbna, li jġib dejjem il-paċi u l-ferħ tiegħu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju