Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
L-Evanġelju tal-lum jippreżentalna lil Ġesù fuq id-dgħajsa flimkien mad-dixxipli fl-għadira ta’ Tiberijade. F’daqqa waħda tinqala’ tempesta kbira u d-dgħajsa tkun fil-periklu li tegħreq. Ġesù, li kien rieqed, qam, ordna lir-riħ biex jieqaf u kollox ikkalma (ara Mt 4: 35-41).
Imma fil-fatt Hu ma qamx, qajmuh! Kienu d-dixxipli maħkumin mill-biża’ li qajmuh. Lejliet filgħaxija kien Ġesù stess li qal lid-dixxipli biex jaqbdu d-dgħajjes u jaqsmu l-għadira. Huma kienu esperti, kienu sajjieda, dak kien l-ambjent tal-ħajja tagħhom; imma tempesta setgħet iddaħħalhom f’diffikultà. Donnu li Ġesù ried jgħaddihom minn prova. Madankollu ma jħallihomx waħedhom, imur magħhom fid-dgħajsa, kalm, anzi, rieqed. U meta faqqgħet it-tempesta, jserrħilhom rashom bil-preżenza tiegħu, jagħmlilhom kuraġġ u jħeġġiġhom biex ikollhom fidi isħaħ waqt li ħariġhom mill-periklu. Imma nistgħu nagħmlu mistoqsija: għaliex ġab ruħu hekk, Ġesù?
Biex isaħħaħ il-fidi tad-dixxipli u jagħmilhom aktar kuraġġużi. Infatti, huma ħarġu minn din l-esperjenza aktar konxji mis-setgħa ta’ Ġesù u tal-preżenza tiegħu fosthom, għalhekk issaħħew u kienu aktar lesti biex jaffrontaw l-ostakli, id-diffikultajiet, fosthom il-biża’ li jidħlu fl-avventura tat-tħabbir tal-Evanġelju. Ladarba għelbu dil-prova flimkien miegħu, huma kellhom jagħrfu kif jaffrontaw provi oħra, sas-salib u l-martirju, biex iwasslu l-Evanġelju lill-ġnus kollha.
Ġesù jagħmel magħna l-istess, partikolarment fl-Ewkaristija: jiġborna madwaru, itina Kelmtu, jitmagħna bil-Ġisem tiegħu u b’Demmu, imbagħad jistedinna biex naqdfu ‘l barra, biex nittrasmettu lil kulħadd dak kollu li nkunu ħassejna u naqsmu ma’ kulħadd dak li rċevejna, fil-ħajja ta’ kuljum, anki meta din tkun iebsa. Ġesù ma jeħlisniex mill-għawġ, imma bla ma jabbadunana, jgħinna naffrontawh. Itina l-kuraġġ. Hekk, aħna wkoll, negħlbu d-diffikultajiet bl-għajnuna tiegħu u nitgħallmu nkunu aktar qrib tiegħu, nafdaw fil-qawwa tiegħu li tmur ferm aktar ‘l hinn mill-ħiliet tagħna, negħlbu l-inċertezzi, il-qtigħ il-qalb, l-għeluq u l-preġudizzji, bil-kuraġġ u b’qalb kbira, biex ngħidu lil kulħadd li s-Saltna t’Alla tinsab hawn, u li b’Ġesù maġenbna nistgħu nkabbruha lil hinn minn kull ostaklu.
Allura nsaqsu lilna nfusna: fil-waqtiet tal-prova, niftakar fid-drabi li fihom tul ħajti ġarrabt il-preżenza u l-għajnuna tal-Mulej? Naħsbu ftit: Meta tasal xi tempesta ninħakem mill-ansjetà jew inkella nitħaddan aktar miegħu, – hemm it-tempesti interjuri – biex insib il-kalma u l-paċi, bit-talb, bis-silenzju, bis-smigħ tal-Kelma, bl-adorazzjoni u billi fraternament naqsam mal-oħrajn il-fidi tiegħi?
Il-Verġni Marija, li laqgħet bl-umiltà u l-kuraġġ ir-rieda t’Alla, ittina s-serenità biex fil-waqtiet iebsin nintelqu għal kollox f’idejh.
Wara l-Anġelus
Għeżież ħuti,
insellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini mill-Italja u minn diversi pajjiżi.
Insellem b’mod partikolari lill-fidili minn Sant Boi de Llobregat (Barcellona) u lil dawk minn Bari. Insellem lill-parteċipanti tal-manifestazzjoni “Nagħżlu l-ħajja”, lill-kor “Edelweiss” tas-Sezzjoni Alpini minn Bassano del Grappa, liċ-ċiklisti minn Bollate li ġew bir-roti.
Inkomplu nitolbu għall-paċi, speċjalment fl-Ukrajna, fil-Palestina, f’Iżrael. Inħares lejn il-bandiera ta’ Iżrael. Illum rajt waħda jien u ġej lura mill-Knisja tal-Erbgħin Qaddisin Martri, hi sejħa għall-paċi! Nitolbu għall-paċi! Fil-Palestina, f’Ġaża, fit-Tranmuntana tal-Congo… Nitolbu għall paċi! U jalla fl-Ukrajna tant mifluġa, issaltan il-paċi! Jalla l-Ispirtu s-Santu jqawwl l-imħuħ tal-governanti, itihom l-għaqal u s-sens ta’ responsabbiltà, biex jevitaw kull azzjoni jew kelma li ssaħħan il-qiegħa u minflok, b’fehma soda jimmiraw lejn soluzzjoni paċifika tal-kunflitti. Hemm bżonn in-negozjati.
Il-bieraħtlura ħalliena Padre Manuel Blanco, Franġiskan li għex fil-Knisja tal-Erbgħin Qaddisin Martri u San Baskal Baylon f’Ruma. Kien superjur, konfessur, bniedem ta‘ pariri. Jien u niftakar fih irrid infakkar il-memorja ta‘ tant ħutna franġiskani, konfessuri, predikaturi, li onoraw il-Knisja ta‘ Ruma. Grazzi lilhom ilkoll!
U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Sors: laikos.org