Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
Fl-Italja u f’pajjiżi oħra, illum qed issir iċ-ċelebrazzjoni tas-Solennità ta’ Corpus Domini. L-Evanġelju tal-liturġija jirrakkonta l-Aħħar Ikla (Mk 14,12-26), li fiha l-Mulej jagħmel ġest ta’ għotja: infatti, fil-qsim tal-ħobż u fil-kalċi li joffri lid-dixxipli, hemm Hu nnifsu li qed jingħata għall-umanità kollha u qed joffri lilu nnifsu għall-ħajja tad-dinja.
F’dak il-ġest ta’ Ġesù li jaqsam il-ħobż, hemm aspett importanti li l-Evanġelju jispjegah bil-kliem “newwilhulhom” (v. 22). Dil-kelma norbtuha ma’ qalbna: newwilhulhom. Infatti, l-Ewkaristija, qabel kollox, tfakkarna fid-dimensjoni tal-għotja. Ġesù ma jabqadx il-ħobż biex jieklu waħdu, imma biex jaqsmu u jtih lid-dixxipli, biex hekk joħroġ għad-dawl l-identità tiegħu u l-missjoni tiegħu. Hu ma żammx ħajtu għalih imma taha lilna; il-fatt li hu bħal Alla m’għamlux għajjur għal ħajtu, imma tneżża’ mill-glorja tiegħu biex jaqsam magħna l-umanità u jdaħħalna fil-ħajja ta’ dejjem (cfr Fil 2,1-11). Ħajtu kollha Ġesù għamilha don. Niftakruha din: Ġesù, ħajtu kollha għamilha don.
Allura nifhmu li ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija u aħna w nieklu minn dal-Ħobż, kif spiss nagħmlu speċjalment nhar ta’ Ħadd, mhux xi att ta’ kult mifrud mill-ħajja jew sempliċi waqt ta’ konsolazzjoni personali; dejjem għandna niftakru li meta ħa l-ħobż f’idejh, Ġesù qasmu u newwilhulhom. Għalhekk l-għaqda miegħu ttina l-ħila li aħna wkoll insiru hobż maqsum għall-oħrajn, bil-ħila li naqsmu dak li aħna u dak li għandna. San Iljun il-Kbir kien jgħid: “Is-sehem tagħna mill-ġisem u d-demm ta’ Kristu m’għandu ebda għan ieħor ħlief li aħna nsiru dak li qed nieklu” (Sermone XII fuq il-Passjoni, 7).
Ħuti, għal dan aħna msejħin: biex insiru dak li qed nieklu, biex insiru “ewkaristiċi”, jiġifieri, persuni li ma jgħixux għalihom infushom (cfr Rum 14,7), bil-loġika tal-pussess u l-konsum, imma persuni li ħajjitna nagħrfu nagħmulha don għall-oħrajn. Hekk, bis-saħħa tal-Ewkaristija, insiru profeti u bennejja ta’ dinja ġdida: meta negħlbu l-egoiżmu u ninfetħu għall-imħabba, meta nikkultivaw rabtiet ta’ fraternità, meta nagħmlu tagħna t-tbatija ta’ ħutna u naqsmu l-ħobż u r-riżorsi ma’ min hu fil-bżonn, meta noffru t-talenti tagħna, hekk inkunu qed naqsmu l-ħobż ta’ ħajjitna bħalma għamel Ġesù.
Ħuti, allura nsaqsu: jien ħajti nżommha għalija waħdi jew intiha bħalma għamel Ġesù? Nissagrifika ruħi għall-oħrajn jew magħluq fiċ-ċokon tiegħi? U fis-sitwazzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum naf naqsam ma’ ħaddieħor jew dejjem infittex l-interessi tiegħi biss?
Il-Verġni Marija, li laqgħet lil Ġesù, il-Ħobż li niżel mis-Sema, u ngħatat kollha kemm hi flimkien miegħu, tgħinna biex aħna wkoll insiru don ta’ mħabba, magħqudin ma’ Ġesù fl-Ewkaristija.
Wara l-Anġelus
Għeżież ħuti!
Nistedinkom titolbu għas-Sudan, fejn gwerra li ilha sejra aktar minn sena għadha ma sabitx soluzzjoni ta’ paċi. Jalla jieqfu l-armi u bl-impenn tal-Awtoritajiet lokali u tal-Komunità Internazzjonali, tingħata għajnuna lill-popolazzjoni u lill-bosta tturufnati; jalla r-rifuġjati tas-Sudan isibu akkoljenza u protezzjoni fil-pajjiżi ġirien.
U ma ninsewx lill-Ukrajna mbiċċra, il-Palestina, Iżrael, il-Myanmar… Nappella lill-governanti sabiex bl-għaqal tagħhom iwaqqfu l-eskalazzjoni minnufih u jsir kull sforz għad-djalogu u n-negozjati.
Insellem lill-pellegrini minn Ruma u minn diversi nħawi tal-Italja u tad-dinja, partikolarment lil dawk mill-Kroazja u minn Madrid. Insellem lill-fidili minn Bellizzi u Iglesias; liċ-Ċentru Kulturali “Luigi Padovese” minn Cucciago; lill-postulanti tal-Figlie dell’Oratorio; u lill-grupp “Qaddiefa għal min ma jistax”, li ġie bir-roti minn Faenza sa Ruma. Insellem liż-żgħażagħ tal-Immacolata.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Sors: laikos.org