Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
Illum l-Evanġelju tal-Liturġija (Ġw 60-69) jtina t-tweġiba ċelebri ta’ San Pietru li jgħid lil Ġesù: “Għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6.68) Tweġiba sabiħa! Hi stqarrija mill-isbaħ, xhieda tal-ħbiberija u l-fiduċja li jorbtuh ma’ Kristu, flimkien mad-dixxipli l-oħra. “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem”. Sabiħa!
Pietru jagħmel din l-istqarrija f’mument kritiku, għax Ġesù għadu kif temm diskors li fih jgħid li hu “l-ħobż li niżel mis-sema” (cfr Ġw 6,41): dan hu lingwaġġ diffiċli biex jifhmuh in-nies, u ħafna, anki dixxipli li kienu jsegwuh, telquh għax ma setgħux jifhmu.
Iżda mhux it-tnax: dawk baqgħu għax fih sabu “l-kliem tal-ħajja ta’ dejjem”. Semgħuh jipprietka, raw il-mirakli li wettaq u baqgħu jaqsmu miegħu mumenti pubbliċi flimkien mal-intimità tal-ħajja ta’ kuljum (cfr Mk 3,7-19).
Id-dixxipli mhux dejjem kienu jifhmu dak li kien jgħid u jagħmel l-Imgħallem; kultant kienu jsibuha bi tqila jaċċettaw il-paradossi ta’ mħabbtu (cfr Mt 5,38-48), l-esiġenzi estremi tal-ħniena tiegħu (cfr Mt 18,21-22), ir-radikalità tal-mod li bih kien jingħata lill-oħrajn. Mhix ħafifa għalihom li jifhmu, imma huma fidili lejh. L-għażliet ta’ Ġesù spiss kienu jmorru ‘l hinn mill-mentalità komuni, lil hinn mill-istess regoli tar-reliġjon istituzzjonali u t-tradizzjonijiet, tant li kienu jinħolqu sitwazzjonijiet provokatorji u imbarazzanti (cfr Mt 15,12). Mhux ħafifa timxi warajh.
Madankollu, fost il-ħafna mgħallmin ta’ dak iż-żmien, Pietru u l-appostli l-oħra fih biss sabu t-tweġiba għall-għatx tal-ħajja, l-għatx tal-ferħ, l-għatx tal-imħabba li tmexxihom; kien biss bis-saħħa tiegħu li ġarrbu l-milja tal-ħajja li kienu qed ifittxu, lil hinn mil-limitazzjonijiet tad-dnub u saħansitra tal-mewt. Għalhekk ma jitilqux: anzi, kollha kemm huma, minbarra wieħed, minkejja l-ħafna waqgħat u rimorsi, jibqgħu miegħu sal-aħħar (cfr Ġw 17,12).
Dan ħuti, jolqot lilna wkoll: aħna wkoll, infatti, insibuha bi tqila nimxu wara l-Mulej, nifhmu l-mod kif jaħdem, nagħmlu tagħna l-kriterji u l-eżempji tiegħu. Għalina wkoll mhix triq ħafifa. Madankollu, aktar ma nkunu qribu – aktar ma nkunu magħqudin mal-Evanġelju tiegħu, nirċievu l-grazzja tiegħu fis-Sagramenti, inkunu fil-kumpanijja tiegħu waqt it-talb, nimitawh fl-umiltà u fil-karità -, aktar inġarrbu s-sbuħija tal-fatt li narawh bħala ħabib, u nindunaw li Hu biss għandu “l-kliem tal-ħajja ta’ dejjem:.
Allura nsaqsu: kemm hu preżenti Ġesù fil-ħajja tiegħi? Kemm inħalli kliemu jmissni u jipprovokani? Nista’ ngħid li “l-klien tal-ħajja ta’ dejjem” jgħoddu għalija wkoll? Lilek ħija, oħti, insaqsi: kliem Ġesù huma għalik – u għalija wkoll – kliem tal-ħajja ta’ dejjem?
Marija, li laqgħet lil Ġesù, il-Verb ta’ Alla, fi ħdanha, tgħinna nisimgħuh u biex qatt ma nabbandunawh.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
Nixtieq nuri s-solidarjetà mal-eluf ta’ persuni li ntlaqtu mill-monkeypox, li issa saret emerġenza sanitarja globali. Nitlob għall-persuni kollha mniġġsa minn dil-marda, speċjalment il-popolazzjonijiet tar-Repubblika Demokratika tal-Congo, milqutin bil-kbir. Nesprimi l-qrubija tiegħi mal-Knejjes lokali tal-pajjiżi l-aktar milquta minn dil-marda u nħeġġeġ lill-gvernijiet u lill-industriji privati biex jaqsmu bejniethom it-teknoloġija u l-kura disponibbli, ħalli ħadd ma jibqa’ nieqes mill-għajnuna medika xierqa.
Lill-maħbub poplu tan-Nicaragua: inħeġġeiġkom biex iġġeddu t-tama tagħkom f’Ġesù. Ftakru li l-Ispirtu s-Santu jmexxi dejjem l-storja lejn proġetti li jimmiraw aktar fil-għoli. Il-Verġni Immakulata tipproteġikom fil-waqtiet tal-prova u tgħinkom iġġarbu t-tenerezza materna tagħha. Jalla l-Madonna takkumpanja lill-maħbub poplu tan-Nicaragua.
Qed inkompli nsegwi b’niket kbir it-taqbid fl-Ukrajna u fil-Federazzjoni Russa, u filwaqr li f’moħħi għandi l-liġijiet li għaddew dan l-aħħar fl-Ukrajna, jidħolli dubju dwar il-libertà ta’ dawk li jitolbu, għax min jitlob verament jitlob dejjem għal kulħadd. Ħadd ma jagħmel xejn ħażin għax jitlob. Jekk xi ħadd jagħmel il-ħsara lill-poplu tiegħu, ikun ħati ta’ għemilu, imma qatt ma jista’ jagħmel ħsara għax jitlob. Allura lil min irid jitlob ħalluh jitlob skont il-Knisja li jagħmel parti minnha. Jekk jogħġobkom m’għandhiex tkun abolita direttament jew indirettament ebda Knisja Nisranija, il-Knejjes m’għandhomx jintmissu!
U qed inkompli nitlob sabiex jieqfu l-gwerer, fil-Palestina, f’Iżrael, fil-Myanmar u f’kull reġjun ieħor. Il-popli jridu l-paċi! Nitolbu biex il-Mulej jagħti l-paċi lilna lkoll.
Insellem lilkom ilkoll rumani u pellegrini mill-Italja u minn bosta pajjiżi. Insellem b’mod partikolari lis-seminaristi l-ġodda tal-Kulleġġ Nord-Amerikan u nawguralhom il-mixja tal-formazzjoni t-tajba; u nawguralhom ukoll li jgħixu s-saċerdozju tagħhom bil-ferħ, għax it-talb veru jnissel fina l-ferħ. Insellem liż-żgħażagħ b’diżabbiltajiet motorji u konjittivi li qed jieħdu sehem “fir-relay tal-inklużjoni” biex jaffermaw li l-barrieri jistgħu ikunu megħluba. Insellem lill-ħbieb, l-adoloxxenti tal-Immacolata.
U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Sors: laikos.org