Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Is-silta tal-Evanġelju tal-liturġija tal-lum tiftaħ bi stqarrija ta’ Ġesù li tħallik imbellah: “Ix-xemx tiddallam, il-qamar jiltef id-dija tiegħu, il-kwiekeb jibdew jaqgħu mis-sema” (Mk 13:24-25).  Imma kif? Jaqaw il-Mulej se jibda jagħmel id-diżastri? Le, żgur li mhux din l-intenzjoni tiegħu. Hu jrid ifehimna li kulma hawn f’did-dinja, xi ħin jew ieħor se jgħaddi. Ix-xemx ukoll, il-qamar, il-kwiekeb li jiffurmaw il-firmament – kelma li tfisser “determinazzjoni”, “stabbiltà” – iddestinati li jgħaddu.

Fl-aħħar Ġesù jgħid x’inhu dak li ma jiġġarrafx: “Is-sema u l-art jgħaddu – jgħid – imma kliemi ma jgħaddix” (v. 31). Kliem il-Mulej ma jgħaddix. Hu jifred dak li hu ta’ qabel tal-aħħar, li jgħaddi u dak li hu tal-aħħar, li ma jgħaddix. Hu messaġġ għalina, biex jagħti direzzjoni lill-għażliet importanti ta’ ħajjitna, biex jurina fuq xiex għandna ninvestu ħajjitna. Fuq dak li jgħaddi jew fuq kliem il-Mulej, li jibqgħu għal dejjem? Hu ċar fuq dawn tal-aħħar. Imma mhix ħafifa.  Infatti, dak li jaqa’ taħt is-sensi tagħna u jtina sodisfazzjon immedjat, jiġbidna, filwaqt li kliem il-Mulej, għalkemm sabiħ, imur ‘l hinn mill-immedjat u jitlob minna l-paċenzja. It-tentazzjoni tagħna hi li niggranfaw ma’ dak li naraw u mmissu u li jidhrilna li jserrħilna rasna. Hu uman, dik hi t-tentazzjoni. Imma hu ingann għax “is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix”.  Din hi l-istedina: il-ħajja m’għandniex nibnuha fuq ir-ramel, irridu nħammlu fil-fond u nqiegħdu pedamenti sodi. Min hu inġenwu biss jgħid li dawk huma flus mormijin f’xi ħaġa li ma tidhirx. Għal Ġesù, id-dixxiplu fidil hu dak li jibni ħajtu fuq il-blat, li hu Kelmtu li ma tgħaddix (cfr Mt 7:24-27), fuq is-saħħa tal-kelma ta’ Ġesù: dan hu s-sies tal-ħajja li jrid minna Ġesù, u li ma jgħaddix.

U issa l-mistoqsija – kull meta naqraw il-Kelma t’Alla dejjem iqumu l-mistoqsijiet – insaqsu lilna nfusna: liema hu ċ-ċentru, it-taħbit tal-qalb tal-Kelma t’Alla? Insomma, x’jagħti solidità lill-ħajja u li ma jgħaddi qatt? Dan Jgħidulna San Pawl. Iċ-ċentru, it-taħbit tal-qalb, dak li jagħti solidità hi l-karità: “Il-karità ma tintemm qatt” (1 Kor 13:8) jgħid San Pawl, jiġifieri l-imħabba.  Min jagħmel il-ġid ikun qed jinvesti fl-eternità. Meta naraw persuna ġeneruża u taqdi, mansweta, paċenzjuża, ma tgħirx, ma tqasqasx, ma tiftaħarx, mhix mimlija biha nfisha, li dejjen turi rispett (cfr 1 Kor 13:4-7), din tkun persuna li qed tibni s-Sema fl-art. Forsi ma tkunx tidher, ma jkollhiex karriera, ma tasalx fl-aħbarijiet tal-ġurnali, madankollu kulma tkun qed tagħmel ma jintilifx. Għax it-tajjeb qatt mhu mitluf, it-tajjeb jibqa’ għal dejjem.

U aħna, ħuti, nistaqsu lilna nfusna: fiex qed ninvestu ħajjitna? Fuq l-affarijiet li jgħaddu bħalma huma l-flus, is-suċċess, id-dehra, is-saħħa fiżika? Minn dan kollu aħna ma nieħdu magħna xejn. Aħna ggranfati mal-ħwejjeġ tad-dinja qiesna se nibqgħu ngħixu hawn għal dejjem? Meta nkunu żgħar, f’saħħitna, kollox ikun tajjeb, imma meta tasal is-siegħa tat-tluq ikollna nħallu kollox warajna. Il-Kelma t’Alla llum twissina: ix-xena ta’ did-dinja tgħaddi. U jibqa’ biss l-imħabba. Li nsejsu ħajjitna għalhekk, fuq il-Kelma t’Alla ma jfissirx li nkunu qed naħarbu mill-istorja, imma nkunu qed ngħoddsu fir-realtajiet tad-dinja biex nagħmluhom aktar sammi, biex nittrasformawhom bl-imħabba u hekk nittimbrawhom bis-sinjal tal-eternità, is-sinjal ta’ Alla. Allura dan hu l-parir biex nagħmlu l-għażliet importanti. Meta ma nafx x’se nagħmel, kif se nieħu, deċiżjoni definittiva, għażla importanti, għażla marbuta mal-imħabba ta’ Ġesù, x’għandi nagħmel? Qabel ma niddeċiedu, nimmaġinaw li ninsabu quddiem Ġesù, bħalma se jiġri fi tmiem il-ħajja, quddiem dak li hu mħabba. U aħna u naħsbu, hemmhekk, fil-preżenza tiegħu, fuq l-għatba tal-eternità, nieħdu d-deċiżjoni li tgħodd għal-lum. Hekk għandna neħduhom id-deċiżjonijiet: dejjem b’ħarsitna lejn l-eternità, b’ħarsitna fuq Ġesù. Probabbilment mhux se tkun l-aktar ħaġa ħafifa, l-aktar waħda immedjata, imma se tkun it-tajba, dak hu żgur (cfr S. Injazju minn Loyola, Eżerċizzi spiritwali, 187).

Il-Madonna tgħinna nagħmlu l-għażliet importanti tal-ħajja kif għamlithom hi: skont l-imħabba, skont Alla.


Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Illum qed niċċelebraw il-ħames Jum Dinji tal-Foqra, jum li nibet mill-frott tal-Ġublew tal-Ħniena. It-tema ta’ din is-sena hi kliem Ġesù “Il-foqra dejjem se ssibuhom magħkom” (14:7). U hu minnu: l-umanità tagħmel progress, tiżviluppa, imma l-foqra dejjem se jibqgħu magħna, dejjem se jkun hemm minnhom u fihom hemm il-preżenza ta’ Kristu, fil-foqra hemm Kristu preżenti. Ilbieraħtlula f’Assisi għexna mument qawwi ta’ xhieda u talb, u nistedinkom terġgħu issegwuh, jagħmlilkom tajjeb. U jien grat għall-bosta inizjattivi li kienu organizzati fid-djoċesijiet u fil-parroċċi madwar id-dinja kollha.

L-għajta tal-foqra magħquda mal-għajta tal-art, dawn l-aħħar ġranet dwiet fis-Summit tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar il-klima COP26, fi Glasgow. Ninkoraġġixxi lil kull min għandu responsabbiltà politika u ekonomika biex jaġixxi minnufih u b’ħarstu fil-bogħod; fl-istess ħin nistieden lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba biex iħaddmu ċittadinanza attiva għall-ħarsien tad-dar komuni tagħna. B’dan il-għan, propju llum, il-Jum Dinji tal-Foqra, qed jiftħu r-reġistrazzjonijiet għall-pjattaforma Laudato si’, biex titmexxa ‘l quddiem l-ekoloġija integrali.

Illum jaħbat ukoll il-Jum Dinji tad-Dijabete, marda kronika li tgħakkes bosta persuni, anki żgħażagħ u tfal. Nitlob għalihom ilkoll, kif ukoll għall-operaturi sanitarji u l-volontarji li jassituhom.

U issa nsellem lilkom ilkoll, fidili minn Ruma u pellegrini minn pajjiżi differenti. Qed nara ħafna bnadar hemmhekk…  Partikolarment li dawk ġejjin minn Spanja u mill-Polonja.   Insellem lill-grupp tal-iscouts minn Palestrina u lill-fidili mill-parroċċa San Timoteo f’Ruma u mill-parroċċa ta’ Bozzolo.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!

Sours: Laikos.org