Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum (Mk 9, 30-37) jirrakkonta li fi triqthom lejn Ġerusalemm, id-dixxipli ta’ Ġesù kienu qed jiddiskutu dwar min kien l-akbar fosthom (v. 34).  Għalhekk Ġesù qalilhom ħaġa iebsa, li tgħodd ukoll għalina llum: “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd” (v. 35).  Jekk trid tkun tal-ewwel, trid tmur fi-tarf tal-kju, tkun l-aħħar wieħed u taqdi lil kulħadd.  Permezz ta’ dis-sentenza bla frilli, il-Mulej qed jinawgura rivoluzzjoni: jaqleb ta’ taħt fuq il-kriterju dwar dak li jgħodd verament.  Il-valur tal-persuna ma jiddependix l-aktar mill-irwol li għandha, mis-suċċess miksub, mix-xogħol li tagħmel, minn kemm għandha flus il-bank; le, le, mhux minn dak jiddependi; il-kobor u s-suċċess, f’għajnejn Alla jitkejlu b’mod differenti: jitkejlu skont is-servizz.  Mhux fuq dak li wieħed għandu imma fuq dak li wieħed jagħti.  Trid tkun tal-ewwel?  Aqdi.  Illum, il-kelma “qadi” donnha tidher xi ftit imċajpra, qiesu ż-żmien herrieha.  Iżda fl-Evanġelju għandha tifsira preċiża u konkreta.  Li sservi mhix turija ta’ kortesija: hi li tagħmel bħalma għamel Ġesù, illi, biex niġbru ħajtu fi ftit kliem, qal li ġie “mhux biex ikun moqdi imma biex jaqdi” (Mk 10,45).  Hekk qal il-Mulej.  Għalhekk, jekk irridu nimxu wara Ġesù, għandna nterrqu t-triq li fasslilna Hu stess, it-triq tal-qadi.  Il-fedeltà tagħna lejn il-Mulej tiddependi minn kemm aħna lesti li naqdu.  U dan nafuh, dan għandu prezz, għax għandu “t-togħma tas-salib”.  Imma waqt li l-kura u disponibbiltà lejn l-oħrajn jisseddqu, aħna nsiru aktar ħielsa minn ġewwa, aktar nixbħu lil Ġesù.  Aktar ma nservu aktar inġarrbu l-preżenza t’Alla.  Speċjalment meta naqdu lil min m’għandux x’itina lura, il-foqra, aħna u nagħmlu tagħna d-diffikultajiet, il-ħtiġijiet tagħhom bi ħniena tenera: hemmhekk inkunu qed niskopru li jkun imiss lilna li nkunu maħbubin u mħaddnin minn Alla.

Biex iffiser ċar dan kollu, wara li tkellem dwar il-primat tas-servizz, Ġesù jagħmel xi ħaġa.  Aħna rajna li l-ġesti ta’ Ġesù għandhom qawwa akbar mill-kliem li juża.  U liema hu dal-ġest?  Jaqbad tfajjel u jressqu fin-nofs quddiem id-dixxipli, fil-post l-aktar importanti (cfr v. 36).  Fl-Evanġelju t-tifel mhux tant simbolu tal-innoċenza daqskemm ta’ dak li hu ċkejken, żgħir.  Għax iż-żgħar, bħat-tfal, jiddependu minn ħaddieħor, mill-kbar, għandhom bżonn jirċievu.  Ġesù jgħannaq lil dak it-tifel u jgħid li min jilqa’ liċ-ċkejknin, ikun qed jilqa’ lilU (cfr v. 37).  Lil dawn għandna naqdu: lil min għandu bżonn jirċievi u m’għandux x’jagħti lura.  Naqdu lil min hu fil-bżonn li jirċievi bla ma għandu xejn x’jagħti lura.  Meta nilqgħu lil min jinsab fix-xifer, imwarrab, inkunu nilqgħu lil Ġesù, għax Hu jinsab hemmhekk.  Huwa fiż-żgħir, fil-fqir li naqdu, li aħna wkoll nirċievu t-tgħannieqa tenera ta’ Alla.

Għeżież ħuti, sfidati mill-Evanġelju nagħmlu ftit mistoqsijiet lilna nfusna: jien, li nimxi wara Ġesù, għandi interess f’min hu minsi?  Jew, bħalma għamlu d-dixxipli dakinhar, infittex is-sodisfazzjoni personali?  Il-ħajja naraha bħala tellieqa biex niskeb spazji għad-dannu tal-oħrajn, jew nemmen li tkun tal-ewwel ifisser li taqdi?  U b’mod konkret: nagħti ħini lil xi wieħed “żgħir”, lil xi persuna li m’għandhiex mezzi biex tħallasni lura?  Nieħu ħsieb ta’ xi ħadd li ma jista’ jtini xejn lura, jew ħsiebni biss fi qrabati u ħbiebi?  Dawn huma xi mistoqsijiet li nistgħu nagħmlu lilna nfusna.

Il-Verġni Marija, qaddejja umli tal-Mulej, tgħinna nifhmu li l-qadi ma jċekkinniex imma jseddaqna.  U li hemm aktar ferħ meta nagħtu milli meta nirċievu (cfr Atti 20,35)

Sors: Laikos