Għeżież ħuti l-Ħadd it-tajjeb.

L-Evanġelju tal-lum jgħidilna li wara l-miraklu tal-ħobż u l-ħut, Ġesù jistieden lill-folla li qed tifttxu biex tirrifletti fuq dak li kien ġara biex jifhmu s-sens tiegħu (ara Ġw 6:24-35).

Kienu kielu l-ikel li kien tqassamilhom u setgħu jaraw kif, bi ftit riżorsi, bil-ġenerożità u l-kuraġġ ta’ tfajjel li kien offra lill-oħrajn dak li kellu, kulħadd kien kiel sax-xaba’ (ara Ġw 6:1-13). Is-sinjal kien ċar: jekk kulħadd jagħti dak li għandu lill-oħrajn, bl-għajnuna t’Alla, anki jekk ftit, kulħadd jista’ jkollu sehmu. Tinsewhx dan: jekk bniedem jagħti dak li għandu lill-oħrajn, bl-għajnuna t’Alla, anki jekk ftit, kulħadd jista’ jkollu sehmu. Tinsewhx dan.

Huma ma fehmux: lil Ġesù ħasbuh xi speċi ta’ saħħar, u reġgħu marru jfittxuh, bit-tama li jerġa’ jagħmel il-miraklu qisu kien xi biċċa maġija (ara v. 26).

Kienu protagonisti ta’ esperjenza siewja għall-mixja tagħhom, imma ma fehmux it-tifsira: l-attenzjoni tagħhom baqgħet biss fuq il-ħobż u l-ħut, fuq l-ikel materjali, li malajr spiċċa. Ma indunawx li dak kien biss strument, li permezz tiegħu l-Missier, waqt li kien qed jaqtgħalhom il-ġuħ, kien qed jirrivelalhom ħaġa wisq aktar importanti. U x’kien qed jirrivela l-Missier? It-triq tal-ħajja li tibqa’ għal dejjem u t-togħma tal-ħobż li jxabba’ mingħajr qies. Il-veru ħobż, kien u hu Ġesù, ibnu l-maħbub magħmul bniedem (ara v. 35), li ġie biex jaqsam magħna l-faqar tagħna sabiex imexxina, permezz tiegħu, lejn l-hena tal-għaqda sħiħa ma’ Alla u ma’ ħutna (ara Ġw 3:16).

L-affarijiet materjali ma jimlewx il-ħajja, jgħinuna nibqgħu għaddejjin u huma importanti, imma mhumiex il-milja tal-ħajja: l-imħabba biss tista’ tagħti l-milja (ara Ġw 6:35).  U biex dan iseħħ, it-triq li rridu naqbdu hi dik tal-karità li ma żżomm xejn għalija, imma taqsam kollox mal-oħrajn. Il-karità kollox taqsam.

U dan ma jiġrix ukoll fil-familji tagħna? Narawh iseħħ. Niftakru f’dawk il-ġenituri li jitħabtu ħajjithom kollha biex irabbu sew lil uliedhom u jħallulhom xi ħaġa għall-futur. Kemm hu sabiħ meta dal-messaġġ ikun mifhum u l-ulied ikunu grati, u min-naħa tagħhom isiru solidali bejniethom bħal aħwa! Minnu dan. Iżda kemm hu ta’ niket meta jiġġieldu minħabba l-wirt – rajt bosta każi, veru ta’ niket – u jitqabdu bejniethom u forsi lanqas jitkellmu minħabba l-flus, ma jkellmux lil xulxin għal snin sħaħ! Il-messaġġ tal-missier u tal-omm, l-eredità l-aktar prezzjuża tagħhom, mhumiex il-flus: hi l-imħabba, l-imħabba li biha jagħtu lil uliedhom, dak kollu li jkollhom, propju kif jagħmel Alla magħna, u hekk jgħallmuna nħobbu.

Allura nsaqsu lilna nfusna: x’inhi r-relazzjoni tiegħi mal-ħwejjeġ materjali?  Jien ilsir tagħhom, jew nużahom bil-libertà, bħala strumenti biex nagħti u nirċievi l-imħabba? Naf ngħid grazzi, grazzi lil Alla u lil ħuti għad-doni li rċevejt, u naf naqsam dak li għandi mal-oħrajn?

Marija, li tat ħajjitha kollha lil Ġesù, tgħallimna biex kull ħaġa li għandna nagħmluha strument ta’ mħabba.


Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Nhar il-Ġimgħa li għadda, f’Bkerke, fil-Libanu, kien beatifikat il-Patrijarka Stefano Douayhy, li b’għaqal mexxa l-Knisja Maronita bejn l-1670 u l-1704, fi żmien diffiċli li kien immarkat ukoll bil-persekuzzjoni. Mgħallem tal-fidi u ragħaj diliġenti, kien xhud tat-tama u dejjem qrib in-nies. Illum ukoll, il-poplu tal-Libanu għadu jbati ħafna! 

Niftakar partikolarment fil-familji tal-vittmi tal-isplużjoni fil-port ta’ Bejrut.  Nawgura li ma ddumx ma ssir ġustizzja u toħroġ il-verità. Jalla l-Beatu l-ġdid iwieżen il-fidi u t-tama tal-Knisja fil-Libanu u jinterċedi għal dal-pajjiż maħbub.  Applaws lill-Beatu l-ġdid!

Qed insegwi bi tħassib kbir dak li qed jiġri fil-Lvant Nofsani, u nawgura li l-kunflitt, li diġà hu terribbilment imdemmi u vjolenti, ma jkomplix jinfirex.  Nitlob għall-vittmi kollha, partikolarment għat-tfal innoċenti, u nesprimi qrubija mal-komunità Drusa fl-Art Imqaddsa u l-popolazzjonijiet tal-Palestina, ta’ Iżrael u tal-Libanu. Ma ninsewx il-Myanmar. 

Jalla jinstab il-kuraġġ biex jerġa’ jibda d-djalogu ħalli minnufih jieqaf il-ġlied f’Ġaża u fuq il-fronti kollha, jinħelsu l-ostaġġi, il-popolazzjonijiet ikollhom l-għajnuna umanitarja meħtieġa. L-attakki, dawk li huma mmirati bi preċiżjoni wkoll, u l-qtil, qatt ma jistgħu jkunu soluzzjoni. Ma jgħinux biex nimxu t-triq tal-ġustizzja, tal-paċi, imma joħolqu aktar mibgħeda u vendetta. Biżżejjed, ħuti!  Biżżejjed! Toħonqux il-Kelma t’Alla tal-Paċi imma ħalluha tkun il-ġejjieni tal-Art Imqaddsa, tal-Lvant Nofsani u tad-dinja kollha! Il-gwerra hi biss telfa!

Mhux b’anqas jien imħasseb dwar il-Venezwela, li għaddejja minn sitwazzjoni kritika. Nagħmel appell minn qiegħ qalbi lill-partijiet kollha biex ifittxu l-verità, jużaw il-moderazzjoni u jevitaw kull tip ta’ vjolenza, biex it-tilwim isolvuh bid-djalogu, biex ikollhom għal qalbhom il-veru ġid tal-popolazzjoni u mhux l-interessi partiġġjani. Nafdaw dal-pajjiż fl-interċessjoni tas-sinjura tagħna ta’ Coromoto, tant maħbuba u meqjuma mill-Venezwelani, u għat-talb tal-Beatu José Gregorio Hernandez, li l-figura tiegħu tgħaqqad lil kulħadd.

Nesprimi l-qrubija tiegħi mal-popolazzjonijiet Indjani, partikolarment dawk ta’ Kerala, li ntlaqtu ferm ħażin minn xita qliel, li ġabet tiġrif kbir u tant telf ta’ ħajjiet umani, għadd kbir ta’ evakwati u ħsarat bla qies. Nistedinkom tingħaqdu miegħi fit-talb għal dawk li tilfu ħajjithom u għall-persuni kollha mifnijin minn traġedja ta’ tant ħsara.

Illum, fit-tifkira tal-Qaddis Kurat ta’ Ars, f’xi pajjiżi tkun iċċelebrata ‘l-festa tal-kappillan’.  Nesprimi l-qrubija tiegħi u l-gratitudni tiegħi wkoll lejn dawk il-kappillani li b’żelu u ġenerożità, kultant bi tbatija kbira, jingħataw b’ruħhom u ġisimhom għal Alla u għall-poplu. Niftakru fil-kappillani tagħna: applaws sabiħ lill-kappillani! 

Insellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini mill-Italja u minn bosta pajjiżi, partikolarment lill-grupp mir-Repubblika Ċeka, lill-kumpanijja ta’ Sant’Orsla, lill-fidili minn Chiusa Sclafani u Siderno, liż-żgħażagħ minn San Vito dei Normanni, lill-adolexxenti tal-parroċċa Sacro Cuore f’Padova u liċ-ċiklisti li ġew minn Sambuceto. B’ferħ nibgħat tislija lill-parteċipanti tal-ewwel festival taż-żgħażagħ fil-Portugall, li qed isir bħalissa f’Fatima. 

Għeżież żgħażagħ, qed nara li l-esperjenza entużjasmanti tas-sena li għaddiet f’Lisbona għadha qed tagħti l-frott. Ħajr lil Alla! Nitlob għalikom, u jekk jogħġobkom itolbu għalija fil-Kappella tad-Dehriet.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. U jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!

Sors: laikos.org