Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum, solennità ta’ Marija Assunta, nikkontemplawha hi u tiela’ bir-ruħ u bil-ġisem lejn il-glorja tas-Sema. L-Evanġelju tal-lum ukoll jippreżentahielna hi u tiela’, din id-darba lejn “l-għoljiet” (Lq 1,39). U għalfejn tiela’? Biex tgħin lill-kuġina Eliżabetta, u hemmhekk tgħanni l-kantiku ta’ ferħ, il-Magnificat. Marija titla’ u l-Kelma t’Alla turina dak li jikkaratterizzaha hi u tielgħa ’l fuq: is-servizz tal-proxxmu u t-tifħir lil Alla. Iż-żewġ aspetti: Marija hi l-mara tal-qadi tal-proxxmu u Marija hi l-mara li tfaħħar ’l Alla. Fuq kollox, l-evanġelista Luqa jirrakkonta l-istess ħajja ta’ Kristu bħala telgħa, lejn Ġerusalemm, imkien fejn ta lilu nnifsu fuq is-salib, u bl-istess mod jiddeskrivi l-mixja ta’ Marija. Insomma, Ġesù u Marija jterrqu l-istess triq: żewġ ħajjiet li jitilgħu fl-għoli, jigglorifikiaw lil Alla waqt li jaqdu lil Alla. Ġesù bħala Redentur li jagħti ħajtu għalina, għall-ġustifikazzjoni tagħna; Marija bħala qaddejja li tmur isservi: żewġ ħajjiet li jgħelbu l-mewt u jirxuxtaw; żewġ ħajjiet li s-sigrieti tagħhom huma li jservu jfaħħru. Nieqfu fuq dawn iż-żewġ aspetti: is-servizz u t-tifħir.

Is-servizz. Aħna nitilgħu ’l fuq kull meta nitbaxxew biex naqdu lil ħutna: l-imħabba sseddaq il-ħajja. Immorru naqdu lil ħutna u b’das-servizz inkunu qed “nogħlew ’il fuq”. Imma l-qadi mhux faċli: il-Madonna, li għadha kif nisslet, tkopri kważi 150 kilometru biex minn Nazaret tasal fid-dar ta’ Eliżabbetta. L-għajnuna fiha prezz, għalina lkoll. Dan inġarrbuh dejjem fl-għejja, fil-paċenzja u fil-preokkupazzjonijiet li ngħaddu minnhom biex naqdu lill-oħrajn. Per eżempju, niftakru fil-kilometri li bosta jkopru kuljum biex imorru u jerġgħu lura mix-xogħol u biex jagħmlu tant ħwejjeġ favur il-proxxmu; niftakru kemm hemm min jissagrifika ħin u rqad biex jieħu ħsieb tarbija jew min hu anzjan; fl-impenn tas-servizz lejn min m’għandu xejn x’irodd lura, fil-Knisja, bħala volontarju. Jien nammira l-volontarjat. Jgħejjik, imma jerfgħek ’il fuq, tkun qed tikseb is-Sema! Dan hu l-veru servizz.

Però, is-servizz jirriskja li jsir sterili mingħajr it-tifħir lil Alla. Infatti, meta Marija tidħol fid-dar tal-kuġina, tfaħħar lill-Mulej. Ma tibdiex titkellem dwar l-għejja tal-vjaġġ, imma minn qalbha jfawwar kantiku ta’ ferħ. Għax min iħobb ’l Alla jaf ifaħħar. U llum l-Evanġelju jurina “kaskata” ta’ tifħir: it-tarbija taqbeż bil-ferħ fil-ġuf ta’ Eliżabetta (cfr Lq 1,44), li tgħid kliem ta’ barka u “l-ewwel beatitudni”: Imbierka dik li emmnet” (Lq 1,45). U kollox jilħaq l-ogħla punt f’Marija, li solennement ‘tkanta’ l-Magnificat (cfr Lq 1,46-55). It-tifħir iseddaq il-ferħ. It-tifħir jixbah sellum: jerfa’ l-qlub ’il fuq. It-tifħir jerfa’ l-ispirtu u jegħleb it-tentazzjoni li nċedu. Qatt rajtu kif in-nies imdejqin, dawk li jgħixu bit-tqassis, m’għandhomx ħila jfaħħru? Saqsu lilkom infuskom: jien għandi ħila nfaħħar? Kemm jagħmlilna tajjeb li nfaħħru lil Alla ta’ kuljum, u lill-oħrajn ukoll! Kemm jagħmel tajjeb li ngħixu bil-gratitudni u l-barka minflok bir-rimors u t-tgemgim, terfa’ ħarstek ’il fuq minflok iddendel geddumek! It-tgemgim: hemm nies li kuljum bit-tgemgim. Imma ifhem li Alla hu qribek, ħalqek, ara dak kollu li tak. Faħħar, faħħar! Din hi s-saħħa spiritwali.

Servizz u tifħir. Nippruvaw insaqsu lilna nfusna: ix-xogħol u dak kollu li nagħmel tul il-ġurnata jien ngħixu bi spirtu ta’ servizz jew bl-egoiżmu? Ningħata lil xi ħadd bil-gratwità bla ma noqgħod infittex vantaġġi immedjati? Insomma, is-servizz għalija hu “l-molla” ta’ ħajti? U rigward it-tifħir; naf nifraħ f’Alla bħal Marija (cfr Lq 1,47)? Nagħmel talb ta’ tifħir lill-Mulej? U wara li nkun faħħartu, il-ferħ tiegħu ngħaddih lill-persuni li niltaqa’ magħhom? Kull wieħed u waħda minna nippruvaw imwieġbu dal-mistoqsijiet.

L-Omm tagħna Mtellgħa s-Sema, tgħinna nintrefgħu ’l fuq kuljum permezz tas-servizz u t-tifħir.

Sors: laikos.org