Għeżież ħuti,
Kelma li dwiet bosta drabi f’dawn il-ġranet kienet: “grazzi”, jew aħjar, “obrigado”. Dak li qalilna l-Patrijarka ta’ Lisbona sabiħ ħafna, jiġifieri li “obrigado” ma tifssirx biss gratitudni għal dak li wieħed ikun irċieva, imma wkoll ix-xewqa li l-ġid ikun reċiprokat. F’din il-ġrajja ta’ grazzja li lkoll kemm aħna rċevejna u issa l-Mulej, aħna u sejrin lura lejn djarna, qed inissel fina l-ħtieġa li naqsmu mal-oħrajn, inkunu xhieda tal-ferħ, tal-gratwità ta’ Alla, u ta’ dak li Alla qiegħed fi qlubna.
Qabel ma nibgħatkom nixtieq ngħid obrigado jien ukoll. Qabel kollox lil-Kardinal Clemente u miegħu l-Knisja u l-poplu Portugiż kollu, obrigado. Obrigado lis-Sur President li akkumpanjani f’dawn il-ġranet. Obrigado lill-istituzzjonijiet nazzjonali u lokali għas-sostenn u l-assistenza li taw. Obrigado lill-isqfijiet, lis-saċerdoti, lill-persuni konsagrati u lill-lajċi. U obrigado lilek, Lisbona li se tibqa’ fil-memorja ta’ dawn iż-żgħażagħ bħala “dar tal-fraternità” u “belt tal-ħolm!” Nesprimi ħafna gratitudni lill-kardinal Farrell, li f’dawn il-Jiem reġa’ kiseb iż-żgħożija, u lil dawk kollha li ħejjew dawn il-Jiem, kif ukoll lil dawk kollha li akkumpanjawhom bit-talb. Obrigado lill-voluntiera, li ħaqqhom applaws mill-qalb għas-servizz kbir li wettqu! Ringrazzjament speċjali lil min kien jishar fuq il-JDŻ mill-għoli, jiġifieri l-Qaddisin patruni tal-avveniment: wieħed fuq kulħadd, Ġwanni Pawlu II, li kien ta ħajja lill-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.
U obrigado lilkom ilkoll, għeżież żgħażagħ! Alla jara dak kollu li hemm tajjeb fikom. Hu biss jaf x’żera’ fi qlubkom. Intom se titilqu minn hawn b’dak li Alla żera’ fil-qalb: kabbruh, ħarsuh bir-reqqa. Nixtieq nagħmlilkom rakkomandazzjoni: żommu kollox fil-memorja, stampaw f’moħħkom u f’qalbkom l-aktar mumenti sbieħ, għaliex b’hekk, meta tiltaqgħu ma’ xi waqt ta’ għejja u qtigħ il-qalb, li hu inevitabbli, forsi t-tentazzjoni li twaqqfu l-mixja jew li tingħalqu fikom infuskom, b’din it-tifkira terġħu tgħixu l-esperjenzi u l-grazzja ta’ dawn il-ġranet, għaliex – tinsewh qatt dan – din hi r-realtà, dan huwa intom: il-Poplu qaddis u fidil ta’ Alla li jimxi fil-ferħ tal-Evanġelju! Nixtieq ukoll nibgħat tislima liż-żgħażagħ li ma setgħux ikunu hawn, imma ħadu sehem f’inizjattivi organizzati f’pajjiżhom mill-Konferenzi Episkopali, mid-Djoċesijiet; qed niftakar, per eżempju, f’ħutna Sub-Saharjani miġburin f’Tanġier. Grazzi lil kulħadd, grazzi!
B’għożża nakkumpanja bit-talb lil dawk li ma setgħux jiġu minħabba kunflitti u gwerer. Fid-dinja hawn ħafna gwerer, ħafna kunflitti. Jien u naħseb f’dal-kontinent, inħoss niket kbir għall-għażiża Ukrajna li għadha qed issofri bil-kbir. Ħbieb, ippermettu lili wkoll, issa li jien xiħ, li naqsam magħkom żgħażagħ, ħolma li nġorr fija: il-ħolma tal-paċi, il-ħolma ta’ żgħażagħ li jitolbu għall-paċi, jgħixu fil-paċi u li qed jibnu ġejjieni ta’ paċi. Permezz tal-Anġelus inqiegħdu f’idejn Marija, Reġina tal-Paċi, il-futur tal-umanità.
U hemm obrigado li nixtieq nisħaq fuqu fl-aħħar: obrigado lill-għeruq tagħna, lin-nanniet, li għaddewlna l-fidi, li għaddewlna l-ixqfa tal-ħajja. Huma l-għeruq tagħna. U, meta tmorru lura d-dar, komplu tolbu għall-paċi. Intom sinjal ta’ paċi għad-dinja, xhieda li n-nazzjonalitajiet differenti, il-lingwi, l-istejjer, jistgħu jgħaqqdu minflok jifirdu. Intom tama ta’ dinja differenti. Grazzi ta’ dan. Ibqgħu mixjin!
U fl-aħħar wasal il-mument li kulħadd qed jistenna: it-tħabbir tal-post fejn se ssir il-laqgħa li jmiss. Qabel ma ngħidilkom fejn se jsir l-erbgħin JDŻ se nagħmlilkom stedina. Nagħmel appuntament maż-żgħażagħ tad-dinja kollha, f’Ruma fl-2025, biex flimkien niċċelebraw il-Ġublew taż-Żgħażagħ! Nistennikom biex niċċelebraw flimkien il-Ġublew taż-Żgħażagħ. U l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li jmiss se jsir fl-Asja: se jkun fil-Korea t’Isfel! Hekk fl-2027, mill-konfini tal-punent tal-Ewropa immorru fl-Orjent imbiegħed: dan hu sinjal sabiħ tal-universalità tal-Knisja u sinjal tal-għaqda li intom xhieda tagħha!
Fl-aħħar, l-aħħar obrigado jmur lejn żewġ persuni speċjali, lill-protagonisti ta’ dil-laqgħa. Kienu hawn magħna, imma dejjem magħna, qatt ma neħħewna minn taħt għajnejhom, iħobbu l-ħajjiet tagħna kif ebda ħaddieħor ma jagħmel: obrigado lilek, Mulej Ġesù; obrigado lilek Ommna Marija. U issa nitolbu flimkien.
Sors: laikos.org