Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Fl-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum naraw lil Ġesù jinawgura l-predikazzjoni tiegħu (ara Lq 4:14-21): hi l-ewwel prietka ta’ Ġesù. Imur Nażaret, fejn trabba, u jieħu sehem fit-talb fis-sinagoga. Iqum biex jaqra u fl-iskroll tal-Profeta Iżaija, isib is-silta li titkellem dwar il-Messija, li tħabbar messaġġ ta’ faraġ u ħelsien lill-foqra u lill-imjassrin (Iż 61:1-2). Meta temm jaqra, “għajnejn kulħadd kienu msammra fuqu” (v. 20). U Ġesù jibda jgħid: “Din il-ktiba seħħet illum” (v. 21).
Nieqfu fuq dil-kelma “illum”. Hi l-ewwel kelma tal-predikazzjoni ta’ Ġesù li jtina l-Evanġelju ta’ Luqa. Imlissna mill-Mulej, turi “l-illum” li jkopri kull epoka u jibqa’ validu dejjem. Il-Kelma t’Alla dejjem hi “illum”. “L-illum” jibda: meta taqra l-Kelma t’Alla ġo qalbek jibda “l-illum” dment li tifhimha sewwa. Illum. Il-profezija ta’ Iżalija kienet saret sekli qabel, imma Ġesù “bil-qawwa tal-Ispirtu” (v. 14), jagħmilha attwali, u, fuq kollox, iwassalha għall-milja u juri l-mod li bih għandna nirċievu l-Kelma t’Alla llum. Mhux qisha xi storja antika, le: illum. Illum qed ikellem lil qalbek.
Il-Kelma t’Alla hi ħajja u effikaċi, tibdilna, tidħol fil-ġrajjiet tagħna, iddawwal il-ħajja tagħna ta’ kuljum, tfarraġ u ġġib l-ordni
In-nies tar-raħal tiegħu jibqgħu mistgħaġbin bi kliemu. U anki għax imtappnin bil-preġudizzji, ma jemmnuhx, b’dan kollu jindunaw li t-tagħlim tiegħu hu differenti minn tal-imgħallmin l-oħra (cfr v. 22): jirrealizzaw li f’Ġesù hemm xi ħaġa aktar. X’inhi? Hemm id-dilka tal-Ispirtu s-Santu. Xi minn daqqiet jiġri li l-prietki tagħna u t-tagħlim tagħna jibqgħu ġeneriċi, astratti, ma jmissux l-ispirtu u l-ħajja tan-nies. Għaliex? Għax ikunu neqsin mill-qawwa ta’ dan “l-illum”, dak li Ġesù “jimla bis-sens” bil-qawwa tal-Ispirtu, dak hu l-illum. Illum qed ikellmek. Veru li kultant nisimgħu konferenzi perfetti, diskorsi mfasslin tajjeb però ma jqanqlux il-qalb u b’hekk kollox jibqa’ kif kien qabel. Ħafna omeliji wkoll – ngħidha b’rispett imma bin-niket – ikunu astratti u minflok iqanqlu l-ispirtu, imewtuh. Meta l-fidili jibdew iħarsu lejn l-arloġġ – “meta se jispiċċa dan?” – jitħeddel l-ispirtu.
Dan hu r-riskju tal-predikazzjoni: mingħajr id-dilka tal-Ispirtu l-Kelma t’Alla tiftaqar, taqa’ fil-moraliżmu u f’kunċetti astratti; l-Evanġelju tippreżentah b’distakk, qisu xi ħaġa barra minn żmienha, bogħod mir-realtà. U din mhix it-triq. Għax kelma li ma jkollhiex it-taħbit tal-qalb li jiġi mill-qawwa tal-illum, ma jixirqilhiex li tkun ta’ Ġesù u ma tgħinx il-ħajja tan-nies. Għalhekk, min jipprietka, jekk jogħġbu, għandu jkun l-ewwel wieħed li jġarrab l-illum ta’ Ġesù, biex hekk ikun jista’ jwasslu fl-illum tal-oħrajn. U jekk irid jagħmel lezzjonijiet, konferenzi, ħalli jagħmilhom, imma xi mkien ieħor, mhux fil-ħin tal-omelija, fil-ħin li għandu jwassal Kelma li ċċaqlaq il-qlub.
Għeżież ħuti, f’dal-Ħadd tal-Kelma t’Alla nixtieq irrodd ħajr lill-predikaturi u l-ħabbara tal-Evanġelju li jibqgħu fidili lejn “l-illum”. Nitolbu għalihom sabiex huma jgħixu “l-illum ta’ Ġesù”, il-qawwa ħelwa tal-Ispirtu tiegħu li l-Iskrittura jtiha l-ħajja. Infatti, il-Kelma t’Alla hi ħajja u effikaċi (ara Lhud 4, 12), tibdilna, tidħol fil-ġrajjiet tagħna, iddawwal il-ħajja tagħna ta’ kuljum, tfarraġ u ġġib l-ordni. Niftakru: il-Kelma t’Alla tibdel ġurnata ta’ rutina fl-illum li fih ikun qed ikellimna Alla. Allura, naqbdu l-Evanġelju f’idejna, kuljum (naqraw) silta żgħira u nerġgħu naqrawha. Żommu l-Evanġelju fil-but jew fil-handbag, biex taqrawh waqt li tkunu tivvjaġġaw, f’kull mument, u aqrawh bil-kalma. Biż-żmien niskopru li dak il-kliem hu magħmul apposta għalina, għall-ħajja tagħna. Jgħinna biex il-ġurnata nilqgħuha b’ħarsa aħjar, aktar serena, għax meta l-Evanġelju jitwaħħad ma’ “l-illum”, jimlieha b’Alla. Nixtieq nagħmlilkom proposta. Fil-Ħdud ta’ dis-sena liturġika qed jitħabbar l-Evanġelju ta’ Luqa, l-Evanġelju tal-ħniena. Għax ma naqrawhx, personalment ukoll, kollu kemm hu, pass ċkejken kuljum? Silta żgħira. Ejjew insiru familjari mal-Evanġelju, iġibilna n-novità u l-ferħ ta’ Alla!
Il-Kelma t’Alla hi wkoll il-fanal, gwida tal-mixja sinodali li nbdiet fil-Knisja kollha. Filwaqt li aħna impenjati nisimgħu lil xulxin bl-attenzjoni u d-dixxerniment – għax dan mhux xi sondaġġ biex isir jaf l-opinjonijiet, le, hu dixxerniment tal-Kelma – ejjew flimkien nisimgħu l-Kelma t’Alla u l-Ispirtu s-Santu. U l-Madonna taqlgħalna (l-grazzja) li kuljum nitmantnu bl-Evanġelju.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti,
Ilbieraħ f’San Salvador saret il-beatifikazzjoni tas-saċerdot Ġiżwita Rutilio Grande Garcia u żewġ sħabu lajċi, u s-saċerdot Franġiskan Cosme Spessotto, martri tal-fidi. Huma kienu spalla ma’ spalla mal-foqra bħala xhieda tal-Evanġelju, tal-verità u tal-ġustizzja sat-tixrid ta’ demmhom. L-eżempju erojku tagħhom għandu jqanqal fina x-xewqa li nkunu operaturi kuraġġużi tal-fraternità u tal-paċi. Applaws lil-beati l-ġodda!
Qed insegwi bi tħassib kbir iż-żieda fit-tensjoni li qed thedded li l-paċi fl-Ukrajna taqla’ daqqa mill-ġdid, ħaġa li qed tqiegħed f’periklu s-sigurtà tal-koninent Ewropew, b’konsewgwenzi li jistgħu jkunu ferm akbar. Nagħmel appell minn qiegħ qalbi lill-persuni kollha ta’ rieda tajba sabiex jerfgħu talbhom lejn Alla li jista’ kollox, ħalli kull azzjoni u inizjattiva politika jkunu ta’ servizz għall-fratellanza umana, aktar milli għall-interessi tal-partijiet. Min moħħu biss fl-għanijiet tiegħu b’dannu għall-oħrajn, ikun qed jiddisprezza l-vokazzjoni umana tiegħu għax ilkoll kemm aħna konna maħluqin aħwa. Għalhekk, u bi preokkupazzjoni, minħabba t-tensjonijiet ta’ bħalissa, qed nipproponi li nhar l-Erbgħa li ġej, 26 ta’ Jannar, ikun jum ta’ talb għall-paċi.
Fil-kuntest tal-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara, ilqajt il-proposta li waslitli minn diversi nħawi u pproklamajt lil San Irinew ta’ Lione bħala Duttur tal-Knisja Universali. Id-duttrina ta’ dar-Ragħaj u Mgħallem qaddis tixbah pont bejn l-Orjent u l-Punent: għalhekk qed nipproponuh bħala Duttur tal-Għaqda, Doctor Unitatis. Il-Mulej itina li bl-interċessjoni tiegħu naħdmu flimkien għal għaqda sħiħa fost l-insara.
U issa nsellem lilkom ilkoll, għeżież fidili ta’ Ruma u pellegrini ġejjin mill-Italja u minn pajjiżi oħra. Insellem partikolarment lill-familja spiritwali tal-Qaddejja tas-Sofferenza u lill-iscouts Agesci mir-reġjun ta’ Lazio. U qed nara wkoll li hemm grupp ta’ konnazzjonali tiegħi: insellem lill-Arġentini li hawn preżenti. U lill-adoloxxenti tal-Immakulata wkoll.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci.
Sors: laikos.org