Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb.
L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum (Mk 6,30-34), jirrakkonta li wara li ġew lura mill-missjoni, l-appostli jinġabru madwar Ġesù u jirrakkuntawlu dak li kienu għamlu; għalhekk Hu jgħidilhom: “Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit” (v. 31). Però, in-nies jindunaw x’se jagħmlu u meta niżlu mid-dgħajsa, Ġesù jsib folla tistennih, tiġih ħniena minnhom u jibda jgħallimhom (ara v. 34).
Għalhekk, min-naħa hemm l-istedina biex jistrieħu u mill-oħra l-kumpassjoni ta’ Ġesù għall-folla. – sabiħ ħafna nieqfu nirriflettu dwar dil-ħniena ta’ Ġesù. Iż-żewġ sitwazzjonijiet donnhom kuntradittorji, l-istedina għall-mistrieħ u l-kumpassjoni, iżda dawn jimxu id f’id: mistrieħ u kumpassjoni. Naraw.
Ġesù preokkupat minħabba li d-dixxipli għajjenin. Forsi qed jara periklu li jolqot ħajjitna u l-appostolat tagħna, meta per eżempju, l-entużjażmu biex inwettqu l-missjoni, jew ix-xogħol, u l-istess rwol u l-ħidma li għandna afdata f’idejna, jirrenduna vittmi tal-attiviżmu, u din hi ħaġa kerha: wisq imħassbin minħabba dak li għandna nagħmlu, wisq imħassbin dwar ir-riżultati. U hekk, jiġri li nimtlew bl-ansjetà u l-essenzjali jgħib minn quddiem għajnejna, bir-riskju li jixorbilna l-enerġija u u nispiċċaw għajjenin kemm fil-ġisem u wkoll fl-ispirtu. Hi twissija importanti għal ħajjitna, għas-soċjetà tagħna li spiss hi lsiera tal-għaġla, imma dan jgħodd ukoll għall-Knisja u għas-servizz pastorali: ħuti, noqogħdu attenti biex ma nsirux vittmi tad-dittatura tal-azzjoni! U dan jista’ jiġri neċessarjament fil-familji wkoll, per eżempju, meta biex jaqla’ l-ħobż, il-missier ma jkunx preżenti u jissagrifika l-ħin li jista’ jagħti lill-familja. Spiss ikollhom joħorġu kmieni filgħodu meta t-tfal ikunu għadhom reqdin u jaslu lura tard filgħaxija meta t-tfal ikunu diġà fis-sodda. Din hi inġustizzja soċjali. Fil-familji l-omm u l-missier għandu jkollhom ħin biex ikunu ma’ wliedhom, biex ikattru din l-imħabba fil-familja u ma jaqgħux fid-dittatura tal-azzjoni. Naħsbu ftit dwar x’nistgħu nagħmlu biex ngħinu persuni li jkunu mġagħlin jgħixu b’dal-mod.
Fl-istess ħin, il-misrtieħ li ssuġġerixxa Ġesù mhuwiex ħarba mid-dinja, li wieħed jingħalaq fih innifsu u f’dak li għandu; għall-kuntrarju, meta jara n-nies mitlufin Hu jħoss ħniena. Għalhekk, mill-Evanġelju nitgħallmu li dan iż-żewġ realtajiet – il-mistrieħ u l-ħniena – huma marbutin flimkien: ikun biss meta nitgħallmu nistrieħu li jista’jkollna l-ħniena. Infatti jkun possibbli li ħarsitna tkun waħda ta’ kumpassjoni, li tagħraf xinhuma l-ħtiġijiet tal-ieħor, biss, jekk qalbna ma tkunx mikula mill-ansjetà tal-azzjoni, jekk nagħrfu nieqfu u fis-skiet tal-adorazzjoni, nirċievu l-Grazzja t’Alla.
Għaldaqstant, għeżież ħuti, nistgħu nsaqsu lilna nfusna: naf nieqaf għal xi ħin matul il-jum? Naf insib mument biex nibqa’ miegħi innifsi u mal-Mulej, jew dejjem maħkum mill-għaġla, l-għaġla li dejjem għaddej bla nifs? Nafu nsibu ftit “deżert” interjuri qalb il-ħsejjes u l-attivitajiet tal-ħajja ta’ kuljum?
Il-Verġni Mqaddsa tgħinna “nistrieħu fl-Ispirtu” anki qalb l-attivitajiet kollha tal-ħajja ta’ kuljum, u nkunu disponibbli għall-oħrajn u nuru ħniena magħhom.
Wara l-Anġelus
Għeżież ħuti!
Dil-ġimgħa jibda’ l-Logħob Olimpiku f’Pariġi u wara jkun hemm ukoll il-Logħob Paralimpiku. L-isports huwa wkoll forza soċjali kbira, bil-ħila li jiġbor flimkien persuni ta’ kulturi differenti f’għaqda waħda fil-paċi. Nawgura li dil-ġrajja tkun sinjal għad-dinja inklussiva li nixtiequ nibnu u li l-atleti, bit-testimonjanza sportiva tagħhom, ikunu messaġġiera tal-paċi u mudelli validi għaż-żgħażagħ. B’mod partikolari, skont it-tradizzjoni antika, jalla l-Olimpjadi jkunu okkażjoni biex ikun hemm waqfien fil-gwerer, b’wirja sinċiera ta’ paċi.
Insellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini mill-Italja u minn diversi pajjiżi. Insellem partikolarment lill-Équipe Notre Dame mid-djoċesi ta’ Quixadá fil-Brażil; lill-assoċjazzjoni “Assumpta Science Center Ofekata”, impenjata fi proġetti solidali ta’ formazzjoni fl-Afrika.
Insellem ukoll lis-Silenziosi Operai della Croce u liċ-Centro Volontari della Sofferenza, miġburin flimkien fit-tifkira tal-fundatur il-Beatu Luigi Novarese; lill-aspiranti u l-professi żgħażagħ tal-Istitut tal-Missjunarji tar-Regalità ta’ Kristu; lill-adoloxxenti tal-grupp vokazzjonali tas-Seminarju Minuri ta’ Ruma li mxew fuq il-passi ta’ San Fanġisk minn Assisi sa Ruma.
Nitolbu ħuti, għall-paċi. Ma ninsewx lill-Ukrajna mifluġa, il-Palestina, l-Iżrael, il-Myanmar u tant pajjiżi oħra li jinsabu fi gwerra. Ma ninsewx, ma ninsewx. Il-gwerra hi telfa! Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. U jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Sors: laikos.org