Għeżież ħuti,

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini, partikolarment lil dawk li ġew mill-bogħod.  Irroddilkom ħajr lil ħadtu sehem u għat-talb tagħkom, li dawn l-aħħar ġranet żdied sew.  Verament grazzi! 

Nagħti barka lill-Karwana tal-Paċi, organizzata minn Assoċjazzjonijiet diversi, li dal-ġranet telqet mill-Italja lejn l-Ukrajna: Papa Ġwanni XXIII, FOCSIV, Pro Civitate Christiana, Pax Christi u oħrajn.  Flimkien mal-affarijiet ta’ ħtieġa bażika qed jieħdu magħhom il-qrubija tal-poplu Taljan lill-poplu Ukren mifluġ u mbiċċer, u llum qed joffru friegħi taż-żebbuġ simbolu tal-paċi ta’ Kristu. Ningħaqdu ma’ dal-ġest bit-talb, li għandu jkun aktar sfiq fil-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa.

Ħuti, b’din iċ-ċelebrazzjoni dħalna fil-Ġimgħa Mqaddsa.  Nistedinkom tgħixuha kif tgħallimna t-tradizzjoni tal-poplu qaddis t’Alla, jiġifieri billi nakkumpanjaw lill-Mulej Ġesù bil-fidi u bl-imħabba.  Nitgħallmu minn Ommna, il-Verġni Marija: hi mxiet wara Binha bil-qrubija tal-qalb, Hi u Hu kienu qalb u ruħ waħda, u, minkejja li ma kinitx tifhem kollox, flimkien miegħu kienet miftuħa għal kollox għar-rieda ta’ Alla l-Missier. Il-Madonna tgħinna nibqgħu qrib Ġesù preżenti fil-bnedmin li qed ibatu, imwarrbin, abbandunati.  Jalla l-Madonna tmexxina minn idejna lejn Ġesù preżenti f’dawn il-persuni.

Nawgura lil kulħadd il-mixja t-tajba lejn l-Għid.

Sors: laikos.org