Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
L-Evanġelju tal-liturġija tal-lum (Mk 9,30-37) ikellimna dwar Ġesù li jħabbar dak li kellu jiġri fi tmiem ħajtu: “Bin il-bniedem – jgħid Ġesù – se jingħata f’idejn il-bnedmin u joqtluh; u meta jkun maqtul, wara tlitt ijiem iqum mill-mewt” (v. 31). Waqt li kienu mexjin wara l-Imgħallem, però, f’moħħ u f’fomm id-dixxipli kienet għaddejja xi ħaġa oħra. Meta Ġesu jitlobhom jgħidulu x’kienu qed jiddiskutu, huma ma jweġbux.
Nosservawh sewwa dan is-silenzju: id-dixxipli fommhom mitbuq għax kienu qed jiddiskutu dwar min kien l-akbar fosthom (cfr v. 34). Jibqgħu fommhom sieket minħabba l-mistħija. X’kuntrast ma’ kliem Ġesù! Filwaqt li Ġesù kien qed ikellimhom dwar is-sens ta’ ħajtu, huma kienu jitkellmu dwar is-setgħa. Hekk, issa, il-mistħija tagħlqilhom ħalqhom, l-istess kif qabel, il-kburija kienet għalqitilhom qalbhom. Madanlollu, Ġesù jwieġeb b’mod ċar għad-diskors minn taħt l-ilsien li sar tul it-triq: “ Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu jkun tal-aħħar” (cfr v. 35). Trid tkun kbir? Iċċekken, kun ta’ servizz għal kulħadd.
B’kelma tant sempliċi daqskemm hi deċisiva, Ġesù jġedded il-mod tal-għejxien tagħna. Jgħallimna li l-veru setgħa ma tinsabx fid-dominanza ta’ min hu l-aktar b’saħħtu, imma fil-kura ta’ min hu dgħajjef. Il-veru setgħa hi li wieħed jieħu ħsieb id-dgħajjef, b’hekk jikber!
Din hi r-raġuni għala l-Imgħallem jiġbed lejh lit-tfajjel, iqegħedu f’nofs id-dixxipli u jħaddnu miegħu filwaqt li jgħid: “Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili” (v. 37). It-tfajjel mgħandu ebda setgħa: it-tfajjel jinsab fil-bżonn. Meta nieħdu ħsieb il-bniedem, inkunu qed nagħrfu li l-bniedem dejjem għandu bżonn il-ħajja.
Aħna, ilkoll kemm aħna, ngħixu għax aħna milqugħin, imma s-setgħa tnessina dil-verità. Int ħaj għax kont milqgħuh! Allura nisru dominaturi, minflok qaddejja, u l-ewwel li jbatu minn dis-sitwazzjoni huma propju dawk tal-aħħar: iċ-ċkejnin, id-dgħajfa, il-foqra.
Ħuti, kemm bnedmin, kemm bnedmin, ibatu u jmutu minħabba l-ġlied għall-poter! Huma ħajjiet li d-dinja tirrifjutahom, kif irrfjutat, lil Ġesù, dawk li huma mwarrbin u li jmutu… Meta ingħata f’idejn il-bnedmin Hu ma sabx xi tgħannieqa, imma salib. Madankollu, l-Evanġelju jibqa’ dejjem kelma ħajja u mimlija tama: Dak li kien miċħud, irxoxta, hu l-Mulej!
Issa, f’dan il-Ħadd sabiħ, nistgħu nsaqsu lilna nfusna: naf nagħraf il-wiċċ ta’ Ġesù fiċ-ċkejknin? Nieħu ħsieb il-proxxmu u nservih bil-ġenerożità? U lil min jieħu ħsiebi rrodlu ħajr?
Nitolbu flimkien lil Marija, biex bħalha nkunu meħlusin mill-vanaglorja u dejjem lesti biex naqdu.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
B’niket smajt li fil-Honduras inqatel Juan Antonio López, delegat tal-Kelma t’Alla, koordinatur tal-pastorali soċjali fid-djoċesi ta’ Trujillo, u membru fundatur tal-pastorali għall-ekoloġija integrali fil-Honduras. Ningħaqad mal-luttu ta’ dik il-Knisja u mal-kundanna għal kull forma ta’ vjolenza. Jien qrib dawk li jaraw id-dirittijiet elementari tagħhom ikkalpestati u ta’ dawk li jimpenjaw ruħhom għall-ġid komuni bħala tweġiba għall-għajta tal-foqra u tal-art.
Insellem lilkom ilkoll, fidili minn Ruma u Pellegrini mill-Italja u minn bosta pajjiżi. Insellem b’mod partikolari lill-Ekwadorjani li jgħixu f’Ruma li qed jiċċelebraw lill-Madonna Cisne! Insellem lill-kor “Teresa Enríquez de Torrijos” minn Toledo, lill-grupp tal-familji u t-tfal mis- Slovakkja, u lill-fidili messikani.
Insellem lill-parteċipanti tal-mixja għas-sensibilizzazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-ħabsin. Hemm bżonn naħdmu biex il-ħabsin ikollhom kundizzjonijiet dinjitużi. Kulħadd jista’ jiżbalja. Li wieħed ikun fil-ħabs ifisser li għandu ċans jerġa’ jibda ħajja onesta meta jinħeles. Insellem lid-delegazzjoni li ġiet fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-morda bl-atassija u lill-Assoċjazzjoni “La Palma” minn Castagnola di Massa.
Ħuti, inkomplu nitolbu għall-paċi. Sfortunatament fuq il-fronti tal-gwerra hemm tensjoni kbira. Ħalli jinstama’ leħen il-popli li jridu l-paċi. Ma ninsewx lill-martri Ukrajna, il-Palestina, Iżrael, il-Myanmar, lil tant pajjiżi li jinsabu fi gwerra. Nitolbu għallpaċi
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. U jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Maqluba għall-Malti minn Joe Huber